Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni nediet żewġ strumenti finanzjarji biex tagħti spinta lill-investimenti f'negozji ġodda u fi żvilupp urban sostenibbli

Brussell, il-11ta' lulju 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ strumenti finanzjarji " off-the-shelf", jiġifieri lesti biex jintużaw għal Investimenti ta' Fondi SEI, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għan-negozji ż-żgħar u għall-promoturi ta' proġetti tal-iżvilupp

Fil-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirdoppjaw l-investimenti tagħhom mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) li jintużaw permezz ta' strumenti finanzjarji, bħal self, ekwità u garanziji, skont l-objettivi tal-Pjan ta' Investiment.

Il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali Crețu qalet: "L-istrumenti finanzjarji huma mod effiċjenti biex ninvestu f'ideat ġodda, f'negozji u fit-talent taċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li jintużaw anqas riżorsi pubbliċi. Il-potenzjal tagħhom biex jimmobilizzaw il-kapital privat huwa enormi, u għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ meta jiġu investiti l-Fondi SIE."

Konformi diġà mar-Regolament dwar il-Fondi SIE u mar-regoli tal-Għajnuna mill-Istat, l-istrumenti finanzjarji "off-the-shelf" huma mfassla biex iżidu t-teħid mill-Istati Membri tal-appoġġ finanzjarju ċirkolanti minflok għotjiet tradizzjonali u biex jikkombinaw riżorsi pubbliċi u privati.

Diġà jeżistu tliet strumenti ta' dan it-tip. Is-self bi qsim tar-riskji, abbażi tal-qsim tar-riskji bejn ir-riżorsi pubbliċi u privati, u strument ta' garanzija b'limitu massimu, fejn il-flus pubbliċi jaġixxu ta' garanzija kontra l-inadempjenza f'portafoll tas-self tal-bank. Iż-żewġ strumenti jimmiraw li jipprovdu lill-SMEs b'aċċess aħjar għall-finanzjament. It-tielet strument huwa self għar-rinovazzjoni, għall-effiċjenza enerġetika u għal proġetti ta' enerġija rinovabbli fis-settur tal-bini residenzjali.

Illum, il-Kummissjoni qed tniedi żewġ strumenti addizzjonali:

  • Il-Faċilità ta' ko-investiment biex tipprovdi finanzjament għal start-ups u għall-SMEs. Dan l-appoġġ se jippermettilhom jiżviluppaw il-mudelli kummerċjali tagħhom u jattira finanzjament addizzjonali permezz ta' veikolu ta' investiment kollettiv ġestit minn intermedjarju finanzjarju ewlieni. It-total tal-investiment li jikkombina r-riżorsi pubbliċi u privati jista' jammonta sa €15-il miljun għal kull SME. Fil-perjodu 2007-2013, SAS JEREMIE fir-reġjun Franċiż ta' Languedoc-Roussillon kien eżempju ta' tali faċilità ta' ko-investiment, bl-użu ta' riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) biex jiġi attirat il-kapital privat u jsir investiment f'SMEs b'tekonolġija avvanzata fir-reġjun.
  • Il-Fondi għall-iżvilupp urban se jappoġġaw proġetti urbani sostenibbli, pereżempju fit-trasport pubbliku, fl-effiċjenza enerġetika għar-reġenerazzjoni ta' żoni urbani. Il-proġetti għandhom ikunu vijabbli finanzjarjament u parti minn strateġija ta' Żvilupp Urban Sostenibbli Integrat. It-total tal-investiment li jikkombina r-riżorsi pubbliċi u privati jista' jammonta sa €20 miljun għal kull proġett. L-appoġġ se jkun forma ta' fond ta' self ġestit minn intermedjarju finanzjarju b'riżorsi ta' Fondi SIE u kontribuzzjoni ta' mill-anqas 30 % minn kapital privat. Tali Fond għall-Iżvilupp Urban ġie żviluppat f'Pomorskie, il-Polonja, fil-perjodu 2007-2013.

Sfond

L-istrumenti finanzjarji, meta mqabbla mal-għotjiet, jattiraw aktar riżorsi privati u pubbliċi biex jikkomplementaw il-finanzjament pubbliku inizjali u jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fuq diversi ċikli.

Il-qafas tal-Fondi SIE għall-2014-2020 jipprovdi aktar flessibilità, ċarezza u possibilitajiet għall-użu tal-istrumenti finanzjarji.

L-ewwel nett, l-għan tal-użu ta' dawn l-istrumenti twessa' għal oqsma ta' investiment li jvarjaw minn appoġġ għal SMEs, effiċjenza enerġetika u ta' riżorsi, teknoloġiji diġitali, trasport sostenibbli, riċerka u żvilupp, u innovazzjoni.

Il-qafas il-ġdid ġab ukoll strumenti finanzjarji "off-the-shelf" ġodda u standardizzati, li għalihom it-termini u l-kundizzjonijiet huma definiti minn qabel, u mfassla biex jiġu mnedija b'mod rapidu. Aktar informazzjoni dwar il-bidliet fil-qafas 2014-2020 rigward l-użu tal-Fondi SIE permezz ta' strumenti finanzjarji hija disponibbli hawnhekk.

Huwa ppjanat li aktar minn €20 biljun mill-Fondi SIE jintużaw permezz ta' strumenti finanzjarji matul l-2014-2020. Il-Kummissjoni kienet qed tipprovdi assistenza lill-Awtoritajiet Maniġerjali u lil partijiet interessati oħrajn, speċjalment permezz tat-tnedija, f'Jannar 2015, tal-pjattaforma onlajn"FI-compass", bi sħubija mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Din il-pjattaforma tipprovdi għarfien prattiku u strumenti ta' tagħlim dwar l-istrumenti finanzjarji. 

Għal aktar informazzjoni

Strumenti finanzjarji u Politika ta' Koeżjoni:

Att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ewwel tliet strumenti finanzjarji "off-the-shelf" għal investimenti tal-Fondi SIE

Att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi ż-żewġ strumenti finanzjarji "off the shelf" ġodda

Anness

 

@EU_Regional@CorinaCretuEU #InvestEU

 

IP/16/2448

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar