Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tisħiħ tal-mezzi legali: Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq Qafas Komuni tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni

Brussell, it-13ta' lulju 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum qiegħda tipproponi Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-UE biex tiġi stabbilita politika komuni Ewropea dwar ir-risistemazzjoni sabiex jiġu stabbiliti passaġġi fl-ordni u s-sigurtà lejn l-Ewropa għall-persuni li jkollhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea llum qiegħda tipproponi Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-UE biex tiġi stabbilita politika komuni Ewropea dwar ir-risistemazzjoni sabiex jiġu stabbiliti passaġġi fl-ordni u s-sigurtà lejn l-Ewropa għall-persuni li jkollhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali. Il-proposta hija parti mir-riforma tal-Kummissjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u tal-politika għat-tul dwar il-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, stabbilita mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Ser tkun ukoll ta' kontribut lejn l-implimentazzjoni ta’ Qafas ta' Sħubija, orjentat lejn ir-riżultati, għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Hemm bżonn li nħaffu l-pass fl-isforzi komuni tagħna li nipprovdu l-protezzjoni internazzjonali u dan jinkludi r-risistemazzjoni tar-refuġjati fl-Ewropa b'mod sikur u ordnat. L-iskemi ad hoc li kellna sa issa pproduċew xi riżultati, iżda l-proċeduri l-ġodda li tressqu llum ifissru li ser naħdmu flimkien ma' gvernijiet nazzjonali minn stadju bikri sabiex inżidu u niġbru flimkien ir-riżorsi u naraw li dan kollu jiffunzjona aħjar. L-Istati Membri se jiddeċiedu huma kemm nies ikollhom bżonn li jiġu risistemati kull sena, u se jkollhom is-sostenn finanzjarju tal-baġit tal-UE biex id-deċiżjonijiet tagħhom jissawru f'azzjonijiet. Dan huwa mod effettiv kif l-UE tikkonkretizza r-responsabbiltà kollettiva tagħha biex turi soludarjetà mal-pajjiżi mhux fl-UE u tgħinhom ilaħħqu mal-għadd kbir ta' nies li jkunu qegħdin jaħarbu mill-gwerrer u mill-persekuzzjoni."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos qal: "Il-proposta tal-lum hija pass mill-akbar fl-isforzi tagħna li noffru passaġġi legali biex inħallu lill-persuni fil-bżonn jidħlu fl-UE b'modi mhux perikolużi u li jirċievu l-protezzjoni. Hija parti integrali mill-objettiv aktar wiesa' li jiġi żgurat li l-protezzjoni tiġi offruta lil dawk li għandhom bżonnha, li jitnaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari u li l-migranti jiġu protetti mill-esplojtazzjoni minn netwerks ta’ traffikar u minn vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. Billi jiġi stabbilit qafas permanenti bi prattiki armonizzati nkunu nistgħu nassiguraw proċeduri iktar mgħaġġla, biex progressivament inkunu nistgħu inżidu l-impenji konġunti tagħna fejn tidħol ir-risistemazzjoni.” B'dan, l-UE qiegħda tiftaħ tieqa legali ġenwina fl-isforzi tagħna biex jingħalaq il-bieb irregolari ta' wara.”

Il-proposta tal-lum ser tipprovdi qafas permanenti bi proċedura unifikata għar-risistemazzjoni madwar l-UE. Filwaqt li l-Istati Membri ser jibqgħu dawk li jiddeċiedu kemm nies jiġu risistemati kull sena, l-UE b'mod kollettiv ser tikseb impatt akbar billi tikkoordina l-isforzi nazzjonali u taġixxi bħala unità. Il-qafas ta’ risistemazzjoni fil-futur ser jiġi implimentat permezz tal-pjani annwali ta’ risistemazzjoni tal-UE, adottati mill-Kunsill u implimentati permezz ta’ skemi mmirati ta’ risistemazzjoni tal-UE adottati mill-Kummissjoni. Il-pjani annwali ta’ risistemazzjoni tal-UE ser jistabbilixxu l-prijoritajiet ġeografiċi wiesa' minn fejn tkun ser isseħħ ir-risistemazzjoni, l-għadd massimu totali ta’ persuni li għandhom jiġu risistemati fis-sena ta' wara abbażi tal-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati ta' Schengen fil-pjan annwali ta' risistemazzjoni speċifiku.

Il-Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-UE jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġu determinati ir-reġjuni jew il-pajjiżi terzi li minnhom tkun se ssir ir-risistemazzjoni, bħan-numru ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali f'pajjiżi terzi, ir-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni effettiva tagħhom fil-qasam tal-ażil u l-migrazzjoni, inkluż l-iżvilupp tas-sistema tal-ażil tagħhom u l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari, ir-riammissjoni u r-ritorn.

Il-Qafas il-Ġdid tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni ser jistabbilixxi ġabra komuni ta’ proċeduri standard għall-għażla u t-trattament ta’ kandidati għar-risistemazzjoni. Huwa jispeċifika l-kriterji komuni ta' eliġibbiltà għar-risistemazzjoni lejn l-UE skont l-iskemi ta’ risistemazzjoni mmirati tal-UE, jistabbilixxi raġunijiet komunii għall-esklużjoni ta’ kandidati u t-tip ta' proċedura ta’ risistemazzjoni (proċedura ordinarja jew proċedura mħaffa) li għandha tintuża.

Biex l-isforzi ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri jingħataw sostenn taħt l-iskemi mmirati tal-UE, il-Kummissjoni se tipprovdi €10 000 mill-baġit tal-UE għal kull persuna risistemata. Il-fondi se jiġu allokati mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni tal-UE (AMIF). Ir-risistemazzjoni barra l-qafas ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni mhux se tkun appoġġata finanzjarjament mill-baġit tal-Unjoni.

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tar-Regolament jekk jagħżlu li jagħmlu dan, f’konformità mal-Protokolli rilevanti annessi għat-Trattati. Id-Danimarka mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

Sfond

Fit-13 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija wiesa' permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li qegħdet il-pedamenti għax-xogħol kontinwu tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati kemm l-isfidi immedjati kif ukoll dawk għat-tul għall-ġestjoni tal-flussi migratorji b’mod effettiv u b’mod komprensiv u li stabbiliet il-ħtieġa ta' approċċ komuni biex tingħata protezzjoni lil persuni spustati li jkunu jinħtieġu l-protezzjoni permezz ta’ risistemazzjoni.

Fit-8 ta’ Ġunju 2015 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Rakkomandazzjoni dwar Skema Ewropea ta’ Risistemazzjoni, li kienet segwita mill-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar ir-risistemazzjoni, permezz ta’ skemi multilaterali u nazzjonali, ta’ 22 504 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni ta’ Skema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija. Skont id-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja se tiġi attivata meta l-qsim irregolari bejn it-Turkija u l-UE jieqaf jew għall-anqas meta jonqos b'mod sostanzjali u b'mod sostenibbli.

Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni li nediet il-proċess ta’ riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u l-istabbiliment ta’ sistema strutturata dwar ir-risistemazzjoni li tagħti qafas għall-politika tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni u tipprovdi approċċ komuni għall-wasla sikura u legali fl-Unjoni għal persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

Wara dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta’ riformi fl-4 ta’ Mejju 2016. Il-pakkett jinkludi proposti għall-istabbiliment ta’ sistema sostenibbli u ġusta ta’ Dublin, it-tisħiħ tas-sistema EURODAC u l-istabbiliment ta' Aġenzija għall-Ażil ġenwinament Ewropea.

Il-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari dwar il-progress li sar fir-rigward tar-risistemazzjoni. L-ewwel rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni ġie adottat fis-16 ta’ Marzu. It-tieni, it-tielet, u r-raba’ rapport ġew adottati rispettivament fit-12 ta’ April, it-18 ta’ Mejju, u l-15 ta’ Ġunju. Il-ħames rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni ġie adottat llum.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet komuni: L-istabbiliment ta’ Qafas tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni:

Ir-Regolament li jistabbilixxi Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Stqarrija għall-istampa: Titlesta r-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil Lejn approċċ effiċjenti, ġust u uman tal-politika tal-asil

Mistoqsijiet komuni: Riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

Skeda informattiva - Proċeduri tal-asil: Ir-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

Skeda informattiva - Il-kwalifika: Ir-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

Skeda informattiva - Il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza: Ir-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

Skeda informattiva - Is-Sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil

Stqarrija għall-istampa: Ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni: Tkompli x-xejra pożittiva, iżda meħtieġa sforzi akbar

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tħabbar qafas ta’ sħubija ġdid dwar il-migrazzjoni: kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi terzi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Lejn Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sostenibbli u ġusta

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tippreżenta għażliet għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għall-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali lejn l-Ewropa

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Risitemazzjoni ta' 20,000 persuna li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali

Stqarrija għall-istampa: Skema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija għal refuġjati mis-Sirja

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal skema volontarja ta' ammissjoni umanitarja ta' refuġjati mis-Sirja li qed jgħixu fit-Turkija

Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

IP/16/2434

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar