Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tlestija tar-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil: lejn politika dwar l-ażil effikaċi, ġusta u umana

Brussell, it-13ta' lulju 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta proposti biex tlesti r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil biex issir politika dwar l-ażil kompletament effikaċi, ġusta u umana — waħda li tista’ taħdem b’mod effettiv kemm fi żminijiet normali kif ukoll fi żmien ta’ pressjoni migratorja għolja.

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta proposti biex tlesti r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil biex issir politika dwar l-ażil kompletament effikaċi, ġusta u umana — waħda li tista’ taħdem b’mod effettiv kemm fi żminijiet normali kif ukoll fi żmien ta’ pressjoni migratorja għolja. Għal dan l-għan, l-esperjenza tgħallem li sistema tal-ażil iktar effikaċi u koerenti teħtieġ sett ta' regoli komuni u armonizzati fil-livell tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta' proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali, standards uniformi għall-protezzjoni u d-drittijiet konċessi lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fl-UE. Kumplessivament, dawn il-proposti jissemplifikaw u jqassru l-proċedura ta' ażil u t-teħid tad-deċiżjonijiet, jiskoraġġixxu movimenti sekondarji ta' applikanti għall-ażil u jżidu l-prospetti ta' integrazzjoni ta' dawk li huma intitolati għal protezzjoni internazzjonali.

L-ewwel Viċi President Timmermans qal:"L-UE teħtieġ sistema ta' ażil fejn tkun kemm effettiva u kemm protettiva, ibbażata fuq ir-regoli komuni, is-solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltajiet. Ir-riformi proposti jippermettu li persuni bi bżonn ġenwin ta' protezzjoni internazzjonali jirċevuha malajr, imma wkoll li dawk li ma għandhomx id-dritt li jirċievu protezzjoni fl-UE jkunu jistgħu jintbagħtu lura malajr. Bil-proposti tal-lum, l-elementi kollha għar-riforma tal-Politika Ewropea Komuni tal-Ażil jinsabu fuq il-mejda tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos qal: "Dik li qed nipproponu llum hija l-aħħar parti ta' riforma komprensiva tas-sistema komuni ta' ażil tal-UE. Il-bidliet joħolqu proċedura ta' ażil komuni ġenwina u jiggarantixxu li l-applikanti għall-ażil ikunu ttrattati b'mod ugwali u xieraq, irrispettivament mill-Istat Membru fejn ikunu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, qed niffissaw obbligi u dmirijiet ċari għall-applikanti għall-ażil biex ikunu prevenuti movimenti sekondarji u abbuż tal-proċeduri. L-għan tagħna hu li jkollna sistema komuni li tkun veloċi, effikaċi u bbażata fuq regoli armonizzati u fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri."

Il-proposti leġiżlattivi ppreżentati llum isegwu l-ewwel sett ta' proposti adottati mill-Kummissjoni fl-4 ta' Mejju għal riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif spjegat fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' April. Dawn għandhom l-għan li jibnu sistema tal-ażil Ewropea solida, koerenti u integrata bbażata fuq regoli komuni u armonizzati, li jkunu kompletament konformi mal-istandards ta' protezzjoni internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-istrumenti tad-drittijiet fundamentali.

Proċedura tal-UE ġusta u effikaċi

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil b'Regolament li jistabbilixxi proċedura tal-UE komuni u kompletament armonizzata għall-protezzjoni internazzjonali biex tnaqqas id-differenzi fir-rati ta' rikonoxximent minn Stat Membru għall-ieħor, tiskoraġġixxi movimenti sekondarji u tiżgura garanziji proċedurali effikaċi għall-applikanti għall-ażil. Il-proposta:

  • Tissemplifika, tiċċara u tqassar il-proċeduri ta' ażil: Il-proċedura kumplessiva titqassar u tiġi ssemplifikata, bid-deċiżjonijiet jittieħdu normalment fi żmien sitt xhur jew inqas. Qed jiġu introdotti limiti taż-żmien iqsar (bejn xahar u xahrejn) b'mod partikolari f'każijiet fejn l-applikazzjonijiet ikunu inammissibbli jew manifestament bla bażi, jew f'każijiet fejn tapplika l-proċedura aċċellerata. Qed jiġu introdotti wkoll limiti taż-żmien għal preżentazzjoni ta' appell (li jvarjaw minn ġimgħa sa xahar) u għal deċiżjonijiet fl-ewwel stadju tal-appell (li jvarjaw minn xahrejn sa sitt xhur);

  • Issaħħaħ il-garanziji komunu għall-applikanti għall-ażil: L-applikanti għall-ażil se jkunu ggarantiti d-dritt għal intervista personali u għal assistenza u rappreżentanza ġuridika b'xejn anke waqt il-proċedura amministrattiva. Qed jiġu pprovduti salvagwardji msaħħa għall-applikanti għall-ażil bi bżonnijiet speċjali u għall-minuri mhux akkumpanjati, li għandu jiġi assenjat gwardjan għalihom sa mhux aktar minn ħamest ijiem wara li tkun saret l-applikazzjoni;

  • Tiżgura regoli iktar stretti biex tiġġieled l-abbuż: Qed jiġu introdotti obbligi ġodda għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, kif ukoll konsegwenzi ħarxa jekk dawn l-obbligi ma jkunux issodisfati. Is-sanzjonijiet għal abbuż tal-proċess, nuqqas ta' kooperazzjoni u movimenti sekondarji, li bħalissa huma fakultattivi, isiru obbligatorji, u jinkludu ċ-ċaħda tal-applikazzjoni bħala rtirata b'mod impliċitu jew manifestament bla bażi, jew l-applikazzjoni ta' proċedura aċċellerata;

  • Tarmonizza r-regoli dwar pajjiżi sikuri: Il-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-kunċetti ta' pajjiż sikur u tagħmilha obbligatorja. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tissostitwixxi kompletament id-deżinjazzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi ta’ oriġini sikuri u pajjiżi terzi sikuri b'listi Ewropej jew deżinjazzjonijiet fil-livell tal-UE fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Standards u drittijiet ta' protezzjoni armonizzati

L-applikanti għall-ażil iridu jkunu jistgħu jiksbu l-istess forma ta' protezzjoni irrispettivament mill-Istat Membru fejn jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom u għal kemm idumu bżonnha. Biex timmassimizza l-armonizzazzjoni tal-istandards ta' protezzjoni fl-UE u ttemm il-movimenti sekondarji u l-għażla tal-post tal-ażil, il-Kummissjoni tipproponi li tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kwalifika eżistenti b'Regolament ġdid. Il-proposta tiżgura:

  • Konverġenza ikbar tar-rati ta' rikonoxximent u l-forom ta' protezzjoni: It-tip ta' protezzjoni u d-durata tal-permessi ta' residenza konċessi lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali se jiġu armonizzati. L-Istati Membri se jkunu obbligati jqisu l-gwida pprovduta mill-Aġenzija Ewropea għall-Ażil dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini ta' applikant għall-ażil filwaqt li jivvalutaw l-alternattivi ta' protezzjoni interni possibbli filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement.

  • Regoli iktar stretti li jissanzjonaw movimenti sekondarji: Il-perjodu ta' stennija ta' ħames snin biex benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali jkunu eliġibbli għal status ta' residenza fit-tul jinbdew mill-ġdid kull darba li persuna tinstab fi Stat Membru fejn ma jkollhiex id-dritt li tibqa' jew tirrisjedi;

  • Li l-protezzjoni tingħata biss sakemm tkun meħtieġa: Qed tiġi introdotta reviżjoni obbligatorja tal-istatus biex tqis, pereżempju, il-bidliet fil-pajjiżi tal-oriġini li jistgħu jolqtu l-bżonn ta' protezzjoni;

  • Inċentivi għall-integrazzjoni msaħħa: Id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fir-rigward tas-sigurtà soċjali u tal-assistenza soċjali se jkunu ċċarati u l-aċċess ta' ċerti tipi ta' assistenza soċjali jistgħu jingħataw il-kundizzjoni tal-parteċipazzjoni f'miżuri tal-integrazzjoni.

Kundizzjonijiet ta' akkoljenza armonizzati u denji madwar l-UE kollha

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirriforma d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza biex tiżgura li l-applikanti għall-ażil ikunu jistgħu jibbenefikaw minn standards ta' akkoljenza armonizzati u denji madwar l-UE kollha, u b'hekk jgħinu biex ikunu evitati movimenti sekondarji. Ir-riforma tinkludi:

  • L-iżgurar li l-Istati Membri japplikaw l-istandards u l-indikaturi dwar il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza żviluppati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u jfasslu u jaġġornaw kostantement pjanijiet ta' kontinġenza biex jiżguraw biżżejjed kapaċità ta' akkoljenza adegwata, inkluż f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni sproporzjonata;

  • L-iżgurar li l-applikanti għall-ażil jibqgħu disponibbli u jkunu skuraġġuti milli jgħosfru billi l-Istati Membri jkunu jistgħu jassenjawlhom residenza jew jimponulhom obbligu ta' rapportar. F'każijiet fejn applikant għall-ażil ma jikkonformax mal-obbligu ta' residenza f'post speċifiku u meta jkun hemm riskju li jgħosfor, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-detenzjoni;

  • Kjarifika li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza jkunu pprovduti biss fl-Istat Membru responsabbli u tfassil ta' regoli iktar ċari dwar meta l-intitolament għal kundizzjonijiet materjali ta' akkoljenza jista' jitnaqqas u meta l-benefiċċji finanzjarji jistgħu jiġu sostitwiti b'kundizzjonijiet materjali ta' akkoljenza mhux monetarji;

  • Konċessjoni ta' aċċess iktar bikri għas-suq tax-xogħol, mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-ażil, biex b'hekk tonqos id-dipendenza, dispożizzjoni li dan l-aċċess ikun b'konformità sħiħa mal-istandards tas-suq tax-xogħol;

  • Garanziji msaħħa komuni għall-applikanti għall-ażil bi bżonnijiet speċjali u għall-minuri mhux akkumpanjati, li għandu jiġihom assenjat gwardjan sa mhux aktar minn ħamest ijiem wara li tkun saret l-applikazzjoni.

Sfond

Mal-ħatra tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħatar Kummissarju b'responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, biex jaħdem flimkien mal-Kummissarji oħra, ikkoordinati mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans, dwar politika ġdida tal-migrazzjoni bħala waħda mill-10 prijoritajiet tal-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Juncker.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija estensiva, permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex jiġu ffaċċati l-isfidi immedjati tal-kriżi li għaddejja, kif ukoll biex l-UE tiġi mgħammra bl-għodda biex iġġestixxi aħjar il-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali. Is-sena l-oħra ġew ippreżentati tliet pakketti ta' implimentazzjoni skont l-Aġenda, fis-27 ta' Mejju 2015, fid-9 ta' Settembru 2015 u fil-15 ta' Diċembru 2015.

Fis-6 ta' April 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni li nediet il-proċess għal riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif imħabbar mill-President Juncker fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu u kif stabbilit fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

Wara dan, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta' riformi fl-4 ta' Mejju 2016. Il-pakkett kien jinkludi proposti biex tiġi stabbilita sistema ta' Dublin sostenibbli u ġusta, tissaħħaħ is-sistema Eurodac u tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għall-Ażil ġenwina.

Il-Komunikazzjoni stabbiliet ukoll, mis-6 ta' April, l-għan li tnaqqas il-flussi irregolari tal-migrazzjoni inkluż bit-twaqqif ta' kanali sikuri u legali għal dawk fi bżonn ta' protezzjoni biex jilħqu l-UE. Għal dan l-għan, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll proposta għal Qafas tal-UE għar-Risistemazzjoni.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet - Riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

SKEDA INFORMATTIVA - Proċedura ta' ażil: riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

SKEDA INFORMATTIVA - Kwalifika: Riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

SKEDA INFORMATTIVA - Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza: riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

SKEDA INFORMATTIVA - Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil

Stqarrija għall-istampa - Migrazzjoni Legali: Il-Kummissjoni tipproponi li tiġbor flimkien l-isforzi ta' risistemazzjoni għat-terminu t-twil

Mistoqsijiet frekwenti - It-twaqqif ta' Qafas tal-UE għar-Risistemazzjoni

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni fl-Unjoni u jħassar id-Direttiva 2013/13/UE

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards għall-kwalifika ta' ċittadini ta' pajjiż terz jew persuni apolidi bħala benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni konċessa u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul

Proposta għal Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)

Stqarrija għall-istampa: Lejn Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sostenibbli u ġusta

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (l-4 ta' Mejju)

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-riforma tas-Sistema ta' Dublin

Komunikazzjoni: Lejn Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u Tisħiħ tat-Toroq Legali lejn l-Ewropa

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

IP/16/2433

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar