Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni ssaħħaħ ir-regoli ta' trasparenza biex tikkonfronta l-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus

Strasburgu, il-5ta' lulju 2016

Il-Kummissjoni llum adottat proposta biex tkompli ssaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus biex tiġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu u tiżdied it-trasparenza dwar min verament ikun proprjetarju ta’ kumpaniji u ta' trusts.

Il-Kummissjoni Juncker poġġiet bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-bidliet proposti llum se jindirizzaw modi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu, iżidu t-trasparenza fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jgħinu biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa.

Din il-proposta tal-Kummissjoni hija l-ewwel inizjattiva fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu ta' Frar 2016 u hija wkoll parti minn sforza aktar wiesgħa biex tingħata spinta lit-trasparenza fiskali u l-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa. Din hija r-raġuni għaliex aħna, b’mod parallel, qegħdin ukoll nippreżentaw Komunikazzjoni li tindirizza r-rivelazzjonijiet reċenti tal-Panama Papers.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermanns qal: "Il-proposta tal-lum se tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex jintraċċaw lil dawk il-persuni li jkunu qegħdin jaħbu l-finanzi tagħhom biex iwettqu reati bħat-terroriżmu. L-Istati Membri ser ikunu jistgħu jiksbu u jikkondividu informazzjoni vitali dwar min verament ikun il-proprjetarju ta’ kumpaniji jew ta' trusts, min ikun qiegħed jinnegozja f’muniti online, u min ikun qiegħed juża kards imħallsa minn qabel. Il-fatt li tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar ta' min ikunu l-kumpaniji u t-trusts għandu wkoll iservi ta' deterrent qawwi għal dawk li jkunu beħsiebhom jevitaw it-taxxa.”

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Věra Jourová qalet:

"Illum qegħdin nipproponu regoli aktar stretti ta' trasparenza biex naqtgħu l-finanzjament tat-terroriżmu u nżidu l-pass tal-ġlieda tagħna kontra l-ħasil tal-flus u l-evitar tat-taxxa. L-aġġornament tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus se tagħlaq kull toqba fl-Ewropa għat-terroristi, il-kriminali jew ikun min ikun li jipprova jilgħab mar-regoli tat-tassazzjoni biex jiffinanzja l-attivitajiet tiegħu. Id-differenza fil-ġlieda kontra dawn il-kwistjonijiet se ssir permezz ta' kooperazzjoni aħjar."  

L-adozzjoni tar-Raba’ Pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus f’Mejju 2015 irrappreżentat pass sinifikanti lejn it-titjib tal-effettività tal-isforzi tal-UE biex tikkumbatti l-ħasil tal-flus minn attivitajiet kriminali u biex tiġġieled il-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. Hija tistabbilixxi standards għoljin biex ma jħallux li jsir ħasil tal-flus, bħar-rekwiżit għall-Istati Membri li jistabbilixxu reġistri nazzjonali ta’ proprjetarji benefiċjarji ta' kumpaniji u ta' xi trusts. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-pakkett aktar malajr milli kien ippjanat fil-bidu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016.  

Il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi tibdiliet biex is-sistema finanzjarja ma tkunx tista' tintuża għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi:

  • Intejbu s-setgħat tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE u niffaċilitaw il-kooperazzjoni tagħhom: l-ambitu tal-informazzjoni aċċessibbli mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja se jitwessa’, u dawn se ikollhom aċċess għall-informazzjoni f’reġistri ċentralizzati tal-banek u tal-kontijiet ta' pagament u f'sistemi ċentrali għall-irkupru tad-dejta, li l-Istati Membri ser ikollhom jistabbilixxu biex jiġu identifikati d-detenturi ta’ kontijiet bankarji u kontijiet ta' pagament;
  • Nindirizzaw riskji ta' finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' muniti virtwali: biex ma jkunx jista' jsir użu ħażin minn muniti virtwali għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li l-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali u l-fornituri ta’ portafolli ta’ kustodja jinġiebu taħt l-ambitu tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Dawn l-entitajiet se jkollhom japplikaw kontrolli ta’ diliġenza dovuta fuq il-klijenti meta jiskambjaw muniti reali ma' dawk virtwali, biex b'hekk tintemm l-anonimità assoċjata ma' dawn l-iskambji;
  • Nindirizzaw ir-riskji marbuta ma’ strumenti anonimi mħallsa minn qabel (pereż. kards imħallsa minn qabel): il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li timminimizza l-użu ta' pagamenti anonimi permezz ta' kards imħallsa minn qabel, billi tbaxxi l-għatba ta' identifikazzjoni minn €250 għal €150 u billi twessa' r-rekwiżiti ta' verifikazzjoni tal-klijenti. Il-proporzjonalità ttieħdet f'kunsiderazzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-użu ta’ dawn il-kards minn ċittadini finanzjament vulnerabbli;
  • Verifiki aktar qawwija fir-rigward ta' pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji: Skont il-mandat tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tarmonizza l-lista ta' verifiki applikabbli għal pajjiżi li għandhom nuqqasijiet fis-sistemi tagħhom ta' kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-bank sejrin ikollhom jagħmlu verifki addizzjonali ("miżuri ta' diliġenza dovuta") dwar flussi finanzjarji minn dawn il-pajjiżi. Il-lista ta' pajjiżi, li tirrifletti l-lista tal-FATF, ser tiġi adottata formalment fl-14 ta' Lulju, minħabba raġunijiet ta' proċedura.

Regoli ta’ trasparenza aktar stretti għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus

Il-proposta tal-lum se ssaħħaħ il-miżuri introdotti permezz tar-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus bil-bidliet li ġejjin:

  • Aċċess sħiħ pubbliku għar-reġistri tal-proprjetarji benefiċjarji: L-Istati Membri se jippubblikaw ċerta informazzjoni fir-reġistri tal-proprjetarji benefiċjarji dwar kumpaniji u trusts relatati man-negozju. L-informazzjoni dwar it-trusts l-oħra kollha ser tkun inkluża fir-reġistri nazzjonali u tkun disponibbli għal partijiet li jkunu jistgħu jagħtu prova tal-interess leġittimu tagħhom. Il-proprjetarji benefiċjarji li jkollhom 10% tas-sjieda f'ċerti kumpaniji li huma ta' riskju li jintuzaw għall-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa se jiġu inklużi fir-reġistri. L-għatba ser tibqa' ta' 25% fil-każ tal-kumpaniji l-oħra kollha.
  • L-interkonnessjoni bejn ir-reġistri: il-proposta tipprovdi għal interkonnessjoni diretta bejn ir-reġistri biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
  • Il-firxa tal-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet: Il-Kummissjoni pproponiet li l-kontijiet eżistenti kif ukoll dawk ġodda għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli ta’ diliġenza dovuta. B’dan il-mod ikun evitat li kontijiet li potenzjalment jintużaw għal attivitajiet illeċiti ma jinqabdux. Kumpanniji u trusts passivi, bħal dawk li fuqhom inxteħet dawl fil-Panama Papers, ser ikunu wkoll soġġetti għal skrutinju akbar u regoli aktar stretti.

Sfond:

Ir-raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus ġiet adottata fl-20 ta’ Mejju 2015. Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, appellat lill-Istati Membri biex iressqu ‘l quddiem id-data għat-traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva sa tmiem l-2016.

L-emendi mressqa llum li jindirizzaw kemm kwistjonijiet ta' finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ta’ trasparenza, huma mmirati u proporzjonati biex idaħħlu ċerti bidliet urġenti fil-qafas eżistenti. Il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-emendi mmirati proposti llum fit-traspożizzjoni tar-Raba’ Direttiva kontra l-ħasil tal-flus.

L-aġġornament propost tar-regoli legali ser jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi ta’ riskju għoli b’nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni ngħatat mandat permezz tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus biex tadotta lista bħal din tliet darbiet fis-sena. Il-Kummissjoni ser tieħu f'kunsiderazzjoni l-ħidma li saret fil-livell internazzjonali mit-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja. L-UE se tkompli timpenja ruħha fl-oqsma relevanti kollha ta' politika mal-ġuriżdizzjonijiet ikkonċernati, inkluż permezz ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, bl-għan aħħari jkun dak li huma jsiru konformi u jitneħħew mil-lista. Il-lista hija att delegat li wkoll se tiġi ppreżentata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont il-proċedura tas-soltu.

Iż-żewġ inizjattivi huma parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Frar 2016.

Għal aktar informazzjoni:

Emenda għar-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus

Q&A

Skeda informattiva

IP/16/2380

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar