Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda sabiex tipproteġi b’mod aħjar it-tfal fi proċedimenti transfruntieri tal-familja

Brussell, it-30ta' gunju 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi titjib tar-regoli tal-UE biex tipproteġi aħjar lit-tfal fil-kuntest ta’ tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri relatati mal-kustodja, id-drittijiet ta' aċċess u l-ħtif tat-tfal.

Ir-regoli l-ġodda jħaffu l-proċeduri legali u amministrattivi u jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal dejjem ikun ikkunsidrat.

Meta l-familji jkollhom tilwim jew koppji internazzjonali jisseparaw, hija kruċjali l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera biex it-tfal jingħataw ambjent ġuridiku sikur sabiex iżommu relazzjonijiet maż-żewġ ġenituri (u gwardjani) li jistgħu jkunu qed jgħixu f’pajjiżi Ewropej differenti.

L-ewwel Viċi President Timmermans qal: "Għat-tfal ftit huma l-esperjenzi iktar trawmatiċi milli jaraw tilwim bejn il-ġenituri tagħhom. Meta dan it-tilwim jispiċċa fi proċedimenti legali b’dimensjoni transfruntiera, l-UE għandha r-responsabbiltà li tiżgura li dawn jiġu solvuti kemm jista’ jkun bla xkiel u b'mod effiċjenti. Ir-regoli ġodda simplifikati li adottajna jġibu benefiċċji għall-familji u għat-tfal. Huma jiggwadanjaw minn skedi taż-żmien imnaqqsa għas-soluzzjonijiet ta’ proċedimenti u jevitaw l-ispejjeż għolja normalment marbuta ma’ dawn il-proċeduri. Jeħtieġ li niżguraw li reġimi ġuridiċi differenti jkunu kompatibbli biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-komplikazzjonijiet, id-dewmien, l-ansjetà u l-inċertezza. "

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Věra Jourová qalet: "It-tfal huma fil-qalba ta' din ir-riforma. Is-separazzjoni mill-ġenituri tagħhom hija diġà diffiċli. It-tfal ikkonċernati jistħoqqilhom proċedimenti ġudizzjarji li jiċċaraw is-sitwazzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli u li jagħtu kas tal-aħjar interess tat-tfal. Illum nipproponu biex jiġu aġġornati r-regoli eżistenti fuq il-bażi tal-esperjenza prattika matul dawn l-aħħar 10 snin. L-enfasi ta’ din ir-riforma hija ċara: jeħtieġ li nħaffu l-każijiet transfruntiera. Iż-żmien huwa essenzjali għall-benessri tat-tfal, għalhekk għandna bżonn dawn ir-regoli l-ġodda malajr.”

Ir-regoli aġġornati huma bbażati fuq il-valutazzjoni tar-regoli eżistenti u jimmiraw biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati. B’mod partikolari, għan ewlieni huwa li jiġu żgurati malajr il-proċeduri ġenerali minħabba li ż-żmien huwa fattur essenzjali biex jiġu mħarsa l-aħjar interessi tat-tfal f’dawn ir-reġjuni transfruntiera tilwim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. B’mod aktar speċifiku, qed jiġu proposti l-bidliet immirati li ġejjin:

  • Proċeduri aktar effiċjenti biex jiġi ttrattat il-ħtif transfruntier tat-tfal mill-ġenituri

L-iskadenzi applikati għal stadji differenti tal-proċedura ta’ ritorn tat-tfal ikunu limitati għal perjodu massimu ta’ 18-il ġimgħa (massimu ta’ sitt ġimgħat biex l-Awtorità Ċentrali reċipjenti tipproċessa l-applikazzjoni, sitt gimgħat għall-qorti tal-ewwel istanza, u sitt gimgħat għall-qorti tal-appell). Deċiżjoni dwar ir-ritorn tkun tista' tiġi appellata darba biss, u l-imħallef ikollu jikkunsidra jekk deċiżjoni li tordna r-ritorn tat-tfal għandhiex tkun tista' tiġi infurzata fil-frattemp.

B’rispett sħiħ tal-istruttura tas-sistemi legali nazzjonali, għandu jiġi żgurat li l-każijiet ta’ ħtif tat-tfal mill-ġenituri jinstemgħu minn għadd limitat ta’ qrati biex l-imħallfin jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ.

  • Niżguraw li t-tfal jinstemgħu

Tfal li huma kapaċi jiffurmaw il-fehmiet tagħhom jiġu ggarantiti l-opportunità li jesprimu fehmiethom fil-proċeduri kollha li jikkonċernaw il-kawża tagħhom. Dan japplika b’mod partikolari għal proċedimenti dwar il-kustodja u l-aċċess, u dwar ir-ritorn tat-tfal jekk ikunu ġew maħtufa minn wieħed mill-ġenituri tagħhom.

  • L-infurzar rapidu ta’ deċiżjonijiet fi Stati Membri oħra

Bħalissa, il-ġenituri spiss ikollhom bżonn japplikaw biex deċiżjoni ta’ kustodja jew ta’ aċċess tiġi infurzata fi Stat Membru ieħor. Bir-regoli l-ġodda, l-exequatur, proċedura intermedjarja meħtieġa għall-infurzar ta’ sentenza f’pajjiż ieħor, titneħħa. Meta l-eżekuzzjoni tkun għadha ma seħħitx wara sitt ġimgħat, il-qorti tinforma lill-Awtorità Ċentrali rikjedenti fl-Istat Membru tal-oriġini jew direttament lill-applikant dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ infurzar f’waqtu. Barra minn hekk, biex jitħaffef l-infurzar, il-qorti li tkun tat is-sentenza tkun tista’ tiddikjaraha eżegwibbli provviżorjament.

  • Intejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri

Il-kooperazzjoni tajba bejn l-Awtoritajiet Ċentrali fl-ittrattar ta’ każijiet tat-tfal hija prerekwiżit indispensabbli għal fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti. Ir-regoli l-ġodda jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-Awtoritajiet Ċentrali billi huma l-punt ta’ kuntatt dirett għall-ġenituri u għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-imħallfin fl-applikazzjoni tar-regoli. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-benesseri tat-tfal jiġu integrati aħjar fil-kooperazzjoni transfruntiera.

Dawn ir-regoli l-ġodda jġibu magħhom benefiċċji lill-familji u t-tfal. Huma jiggwadanjaw minn skedi taż-żmien imnaqqsa għas-soluzzjonijiet ta’ proċedimenti u jevitaw l-ispejjeż għolja normalment marbuta ma’ dawn il-proċeduri. Pereżempju, fil-każ ta’ proċeduri ta’ ritorn, il-ġenituri jkollhom regoli aktar ċari u jiġu mħeġġa biex jirrikorru għall-medjazzjoni, u jiffrankaw l-ispejjeż possibbli tal-litigazzjoni li jirrappreżentaw €R 2,200 bħala medja matul il-perjodu kollu tal-proċedimenti. It-tneħħija tal-proċediment exequatur tgħin tiffranka madwar € 1,100 sa 4,000 għal kull każ f'xi Stati Membri. Barra minn hekk, infurzar iktar veloċi jippermetti lill-familji li jiffrankaw il-flus mix-xogħol ta’ avukat speċjalizzat, li skont l-Istat Membru, huwa stmat bejn €1,000 u 4,000 għal kull 10 sigħat ta’ xogħol addizzjonali.

Il-passi li jmiss

Il-proposta adottata llum mill-Kummissjoni tintbagħat lill-Kunsill tal-UE. Id-deċiżjoni fil-Kunsill tittieħed b’mod unanimu, skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-familja (l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat dwar il-proposta.

Sfond

Ir-Regolament Brussell IIa huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, inklużi l-kustodja, id-drittijiet tal-aċċess u l-ħtif tat-tfal. Huwa jservi biex jirriżolvi kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri u jiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta' sentenzi fl-UE billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom fi Stat Membru ieħor. F’każijiet ta’ ħtif transfruntiera tat-tfal mill-ġenituri, jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn tat-tfal fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Ir-Regolament beda jiġi applikat fl-1 ta’ Marzu 2005 u huwa applikat fl-Istati Membri kollha, ħlief fid-Danimarka.

Tilwim transfruntiera dwar kwistjonijiet tal-familja żdied fl-UE skont l-għadd dejjem jikber ta’ familji internazzjonali, li issa huwa stmat li jlaħħaq is-16-il miljun u qed jiżdied. L-għadd ta’ divorzji internazzjonali issa laħaq madwar 140,000 fis-sena fl-UE. L-għadd ta’ tfal li twieldu minn koppji miżżewġa internazzjonali żdied ukoll; u kull sena jkun hemm sa 1,800 każ ta’ ħtif tat-tfal mill-ġenituri fl-UE.

Biex tevalwa l-effikaċja tar-regoli, il-Kummissjoni adottat rapport dwar kif ir-Regolament ħadem fil-prattika f’April 2014 u għamlet konsultazzjoni pubblika billi kkonsultat esperti biex jidentifikaw il-bidliet neċessarji biex jittejbu r-regoli eżistenti.

Għal aktar informazzjoni

Il-proposta għal Regolament

Q&A

Skeda Informattiva dwar l-eżempji konkreti

Fuljett: Ħtif transfruntiera tat-tfal mill-ġenituri

Fuljett: Il-Kustodja tat-Tfal u d-drittijiet ta’ viżitazzjoni bejn il-fruntieri tal-UE

Portal tal-Ġustizzja Elettroniku: kustodja u drittijiet ta’ żjarat

Portal tal-Ġustizzja Elettroniku: ħtif transfruntiera tat-tfal

See video on child custody and visiting rights across EU borders

 

IP/16/2351

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar