Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tiffirma ftehim mal-industrija dwar iċ-ċibersigurtà u żżid l-isforzi biex tindirizza t-theddid ċibernetiku

Brussell, il-5ta' lulju 2016

Illum il-Kummissjoni qed tniedi sħubija pubblika privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, li mistennija tiġġenera investiment ta' EUR 1.8 biljun sal-2020. Din hija parti minn sensiela ta' inizjattivi ġodda biex l-Ewropa tkun ippreparata aħjar kontra l-attakki ċibernetiċi u biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur taċ-ċibersigurtà tagħha.

Skont stħarriġ li sar dan l-aħħar, mill-inqas 80 % tal-kumpaniji Ewropej għaddew minn tal-inqas inċident wieħed ta' ċibersigurtà matul is-sena li għaddiet u l-għadd ta' inċidenti ta’ sigurtà fl-industriji kollha madwar id-dinja żdied bi 38 % fl-2015. Dan jagħmel ħsara lill-kumpaniji Ewropej, sew jekk huma kbar u sew jekk huma żgħar, u jhedded li jimmina l-fiduċja fl-ekonomija diġitali. Bħala parti mill-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni trid issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, u bejn l-atturi u s-setturi kollha attivi fiċ-ċibersigurtà, u tgħin fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi innovattivi u siguri fl-UE kollha.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, qal: "Mingħajr il-fiduċja u s-sigurtà, ma jistax ikollna Suq Uniku Diġitali. L-Ewropa trid tkun lesta tindirizza t-theddid ċibernetiku li qed isir dejjem aktar sofistikat u ma għandux fruntieri. Illum, qed nipproponu miżuri konkreti sabiex insaħħu r-reżiljenza tal-Ewropa kontra attakki bħal dawn u niggarantixxu l-kapaċità meħtieġa biex nibnu u nespandu l-ekonomija diġitali tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Günther H. Oettinger, qal: "L-Ewropa teħtieġ prodotti u servizzi ta' kwalità għolja, affordabbli u interoperabbli fil-qasam taċ-ċibersigurtà. L-industrija taċ-ċibersigurtà tagħna għandha opportunità kbira li tikkompeti f’suq globali li qed jikber b’rata mgħaġġla. Nappellaw lill-Istati Membri u lill-korpi kollha taċ-ċibersigurtà biex isaħħu l-kooperazzjoni u jiġbru flimkien l-għarfien, l-informazzjoni u l-kompetenzi tagħhom biex iżidu r-reżiljenza ċibernetika tal-Ewropa. Din is-sħubija ewlenija dwar iċ-ċibersigurtà li qed tiġi ffirmata llum mal-industrija hija pass importanti".

Il-pjan ta’ azzjoni tal-lum jinkludi t-tnedija tal-ewwel sħubija pubblika privata Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà. L-UE se tinvesti €450 miljun f'din is-sħubija, fi ħdan il-programm tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020. L-atturi tas-suq taċ-ċibersigurtà, li huma rrappreżentati mill-Organizzazzjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (l-ECSO), huma mistennija li jinvestu tliet darbiet aktar. Din is-sħubija se tinkludi wkoll membri minn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali, miċ-ċentri tar-riċerka u mid-dinja akkademika. L-għan ta’ din is-sħubija huwa li trawwem il-kooperazzjoni fl-istadji bikrija tal-proċess tar-riċerka u tal-innovazzjoni u li tfassal soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà għal diversi setturi, bħall-enerġija, is-saħħa, it-trasport u l-finanzi. Il-Kummissarju Oettinger illum iffirma s-sħubija mal-ECSO fi Strasburgu (ritratti u filmati se jkunu disponibbli għall-ħabta ta' nofsinhar CET).

Il-Kummissjoni tistipula wkoll diversi miżuri biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq taċ-ċibersigurtà tal-UE. Bħalissa kumpanija tal-ICT jista’ jkollha tgħaddi minn proċessi differenti ta’ ċertifikazzjoni biex tbiegħ il-prodotti u s-servizzi tagħha f’diversi Stati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà ta’ qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti ta’ sigurtà tal-ICT.

Għadd kbir ta’ SMEs Ewropej innovattivi tfaċċaw fis-swieq niċċa (eż. il-kriptografija) u fi swieq stabbiliti sew b'mudelli tan-negozju ġodda (eż. is-softwer antivirus), iżda ħafna drabi ma jkunux kapaċi jiżviluppaw l-attività tagħhom. Il-Kummissjoni tixtieq tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għal negozji iżgħar li jaħdmu fil-qasam taċ-ċibersigurtà u se tesplora l-alternattivi differenti fi ħdan il-pjan ta' investiment tal-UE.

Id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni, li mistennija tiġi adottata għada mill-Parlament Ewropew, diġà qed toħloq netwerk ta’ Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters madwar l-UE sabiex tirreaġixxi b’mod rapidu għat-theddid u għall-inċidenti ċibernetiċi. Hija tistabbilixxi wkoll "Grupp ta’ Kooperazzjoni" bejn l-Istati Membri sabiex jappoġġa u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni, u biex isaħħaħ il-fiduċja. Il-Kummissjoni llum qed titlob lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu minn dawn il-mekkaniżmi l-ġodda u biex isaħħu l-koordinazzjoni, meta u fejn ikun possibbli. Il-Kummissjoni se tipproponi modi kif għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera f’każ ta’ inċident ċibernetiku kbir. Minħabba r-rata mgħaġġla li biha qed tevolvi ċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll l-evalwazzjoni tagħha tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA). Din l-evalwazzjoni se tivvaluta jekk il-mandat u l-kapaċitajiet tal-ENISA għadhomx adegwati biex twettaq il-missjoni tagħha li tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fit-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tagħhom stess. Il-Kummissjoni teżamina wkoll kif tista' ssaħħaħ u tissemplifika l-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà fis-setturi differenti tal-ekonomija, inklużi t-taħriġ u l-edukazzjoni fiċ-ċibersigurtà.

Sfond

Il-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat illum huwa bbażat prinċipalment fuq l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-2015, l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013 u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) li jmiss. Huwa jibni fuq il-Komunikazzjonijiet reċenti dwar it-Twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Risposti

Ċibersigurtà

L-industrija taċ-ċibersigurtà

ENISA

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar is-cPPP u l-miżuri ta’ akkumpanjament

Id-Dokumenti adottati llum (se jkunu online għall-ħabta tal-10.00 CET):

- Komunikazzjoni: It-Tisħiħ tas-Sistema Ewropea tar-Reżiljenza Ċibernetika u t-Trawwim ta’ Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva

- Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sħubija pubblika privata kuntrattwali dwar iċ-ċibersigurtà (cPPP)

- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar is-cPPP u l-miżuri ta’ akkumpanjament

- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni taċ-ċibersigurtà fis-Seba’ Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) u l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)

- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Proċess ta’ Konsultazzjoni

 

Fuq il-midja soċjali

#DigitalSingleMarket; #cybersecurity; #PPP; #NIS

IP/16/2321

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar