Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Ewropea għandha intenzjoni ta' ambizzjonijiet kbar maċ-Ċina

Brussell, it-22ta' gunju 2016

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea llum adottaw Komunikazzjoni Konġunta, imsejħa "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina", li tfassal ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina għall-ħames snin li ġejjin.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea llum adottaw Komunikazzjoni Konġunta, imsejħa "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina", li tfassal ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina għall-ħames snin li ġejjin.

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President, qalet: "L-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina diġà jikkooperaw ħafna ma' xulxin: aħna naħdmu flimkien fuq il-kwistjonijiet globali u politiċi ta' żminijietna, bħall-Iran, is-Sirja, l-Afganistan, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima. Imma nistgħu u rridu nagħmlu iktar biex ngħaqqdu lill-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina. Iċ-ċittadini, l-industriji, u l-organizzazzjonijiet tagħna, kollha jistgħu jibbenefikaw minn relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina eqreb, imtejba u definita aħjar ibbażata fuq responsabbiltà kondiviża. Jiena ċerta li l-Komunikazzjoni Konġunta li adottajna llum se tippermetti lir-relazzjoni tagħna tilħaq il-potenzjal ċar tagħha."

Il-Komunikazzjoni Konġunta tidentifika opportunitajiet maġġuri għar-relazzjoni tal-UE maċ-Ċina, b'mod partikolari bl-għan tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa kif ukoll bil-promozzjoni enerġika ta' ftuħ ikbar tas-suq Ċiniż għall-kummerċ Ewropew, u b'hekk jikkontribwixxu għall-ewwel prijorità tal-Kummissjoni tal-President Juncker.

Opportunitajiet bħal dawn jinkludu l-konklużjoni ta' ftehim ambizzjuż u komprensiv dwar l-investiment, kontribuzzjoni Ċiniża għall-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (*), attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni konġunta, kif ukoll il-konnessjoni tal-kontinent Ewroażjatiku permezz ta' netwerk fiżiku u diġitali li permezz tiegħu jkun hemm fluss tal-kummerċ, l-investiment u l-kuntatt bejn in-nies.

Għal iktar 'il quddiem, jistgħu jiġu kkunsidrati ambizzjonijiet usa' bħal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles profond u komprensiv ladarba jiġi konkluż ftehim ta' investiment ambizzjuż bejn iż-żewġ naħat u jiġu implimentati riformi li joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji domestiċi u dawk barranin. F'dan ir-rigward, iċ-Ċina trid tagħmel tnaqqis sinifikanti, marbut bil-ħin u verifikabbli fil-kapaċità industrijali żejda, l-iktar fis-settur tal-azzar, biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi minn kompetizzjoni inġusta. It-tisħiħ ulterjuri tal-effikaċja tal-Istrumenti ta' Difiża tal-Kummerċ tal-UE, l-iktar permezz tal-adozzjoni malajr tal-proposta tal-Kummissjoni għall-modernizzazzjoni tad-Difiża tal-Kummerċ ta' April 2013, huwa kruċjali. L-UE se tkompli tappoġġa l-programm ta' riforma ekonomika u soċjali taċ-Ċina permezz tal-ħafna djalogi tagħha maċ-Ċina biex il-pajjiż ikun jista' jgawdi mill-benefiċċji kollha ta' riforma mmexxija mis-suq, fosthom bl-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet ekonomiċi maħluqa mill-istat u bir-riforma tal-intrapriżi ta' proprjetà tal-istat.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tenfasizza wkoll l-opportunitajiet għal kooperazzjoni eqreb u għal sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma tal-politika estera u ta' sigurtà. Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza pożittiva tat-taħditiet nukleari mal-Iran, jinħtieġ li l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina jaħdmu iktar mill-qrib ma' xulxin sabiex isolvu l-kunflitti internazzjonali u l-prijoritajiet tal-politika estera kemm bilateralment u kemm f'kuntesti multilaterali bħal fis-sistema tan-NU u fil-G20. Kwistjonijiet ta' natura globali bħall-migrazzjoni, l-assistenza tal-iżvilupp internazzjonali, l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta' reazzjoni globali, u għalhekk relazzjoni kollaborattiva bejn l-UE u ċ-Ċina hija kruċjali.

L-impenn tal-UE maċ-Ċina jibqa' wieħed bi prinċipju, prattiku u prammatiku, kostanti mal-interessi u l-valuri tagħha, b'mod partikolari l-aderenza mar-regoli u n-normi internazzjonali, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE għandha tkompli taħdem b'koeżiv u effikaċi bħala blokk koerenti biex tikseb għanijiet ambizzjużi f'isem iċ-ċittadini Ewropej.

Il-Komunikazzjoni Konġunta issa se tkun ippreżentata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

 

Sfond:

L-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-Ċina fl-2006 kienet adottata 10 snin ilu. Kemm l-UE u kemm iċ-Ċina għaddew minn bidliet konsiderevoli minn dak iż-żmien 'l hawn. Iċ-Ċina qed issir iktar preżenti fir-reġjuni kollha tad-dinja, kemm ekonomikament kif ukoll politikament. Din ir-realtà l-ġdida titlob narrattiva ġdida tal-UE li tagħraf il-bżonn li dawn l-iżviluppi l-ġodda jiġu ttrattati. L-istrateġija l-ġdida tal-UE għalhekk tistabbilixxi l-promozzjoni tal-interessi tal-UE u tenfasizza l-valuri tal-UE fir-relazzjoni tagħha maċ-Ċina għall-ħames snin li ġejjin.

 

(*) Aġġornat: 22/06/2016 fis-14:24 

 

 

IP/16/2259

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar