Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tal-UE u l-Istati Uniti jaqblu dwar qafas ġdid għall-flussi tranżatlantiċi tad-dejta: Ħarsien tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti

Strasburgu, it-2ta' frar 2016

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti qablu dwar qafas ġdid għall-flussi tranżatlantiċi tad-dejta: il-Ħarsien tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Illum, il-Kulleġġ tal-Kummissarji approva l-ftehim politiku milħuq u ta mandat lill-Viċi President Ansip u lill-Kummissjarju Jourová biex iħejju l-passi meħtieġa biex idaħħlu fis-seħħ il-ftehim il-ġdid. Dan il-qafas il-ġdid se jħares id-drittijiet fundamentali tal-Ewropej meta d-dejta tagħhom tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti u jiżgura ċertezza legali għan-negozji.

Il-Ħarsien tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti jirrifletti r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015, li tiddikjara bħala invalidu l-qafas l-antik ta' Sfera ta' Sikurezza ("Safe Harbour"). Il-ftehim il-ġdid jipprovdi obbligi aktar b'saħħithom lil kumpaniji fl-Istati Uniti biex iħarsu d-dejta personali tal-Ewropej u monitoraġġ u nfurzar aktar b'saħħtu mid-Dipartiment tal-Kummerċ u mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Federali (Federal Trade Commision - FTC) tal-Istati Uniti, inkluż permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Ewropej tal-Protezzjoni tad-Dejta. Il-ftehim il-ġdid jinkludi impenji mill-Istati Uniti li l-possibbiltajiet taħt il-liġi tal-Istati Uniti għall-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom aċċess għad-dejta personali ttrasferita taħt il-ftehim il-ġdid ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet, limitazzjonijiet u sorveljanza ċari, b'mod li ma jistax ikun hemm aċċess ġeneralizzat. L-Ewropej se jkollhom il-possibbiltà li jressqu kwalunkwe mistoqsija jew ilment f'dan il-kuntest ma' Ombudsperson ġdid iddedikat għal dan il-kompitu.

Il-Viċi President Ansip qal: "Qbilna dwar qafas b'saħħtu ġdid dwar il-flussi tad-dejta mal-Istati Uniti. In-nies tagħna jistgħu jkunu ċerti li d-dejta personali tagħhom qed tiġi mħarsa bis-sħiħ.. In-negozji tagħna, b'mod speċjali dawk li huma l-iżgħar, għandhom iċ-ċertezza legali li jeħtieġu biex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Għandna dmir li niċċekkjaw u se nżommu għajnejna miftuħa sew fuq il-ftehim il-ġdid biex niżguraw li dan jibqa' jagħti r-riżultati. Id-deċiżjoni tal-lum tgħinna nibnu Suq Uniku Diġitali fl-UE, ambjent tal-internet li tkun tista' tafdaħ u dinamiku; dan ikompli jsaħħaħ is-sħubija mill-qrib tagħna mal-Istati Uniti. Aħna se naħdmu biex issa ndaħħluh fis-seħħ malajr kemm jista' jkun."

Il-Kummissjarju Jourová qalet: "Il-Ħarsien tal-Privatezza l-ġdid ta' bejn l-UE u l-Istati Uniti se jħares id-drittijiet fundamentali tal-Ewropej meta d-dejta personali tagħhom tiġi ttrasferieta lejn kumpaniji tal-Istati Uniti. Għall-ewwel darba, l-Istati Uniti taw lill-UE assigurazzjonijiet vinkolanti li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tas-sigurtà nazzjonali jkun suġġett għal mekkaniżmi ċari ta' limitazzjonijiet, salvagwardji u sorveljanza. Ukoll għall-ewwel darba, iċ-ċittadini tal-UE se jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta' rimedju f'dan il-qasam.Fil-kuntest tan-negozjati għal dan il-ftehim, l-Istati Uniti assiguraw li huma ma jagħmlux sorveljanza tal-massa u indiskriminata fuq l-Ewropej. Aħna stabbilixxejna rieżami konġunt annwali biex isir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji."

Il-ftehim il-ġdid jinkludi l-elementi li ġejjin:

  • Obbligi b'saħħithom fuq kumpaniji li jittrattaw dejta personali tal-Ewropej u fuq infurzar robust: Il-kumpaniji tal-Istati Uniti li jixtiequ jimpurtaw dejta personali mill-Ewropa se jkollhom jimpenjaw ruħhom għal obbligi robusti dwar kif tiġi pproċessata d-dejta personali u kif jiġu ggarantiti d-drittijiet individwali. Id-Dipartiment tal-Kummerċ se jara li l-kumpaniji jippubblikaw l-impenji tagħhom, li jagħmilhom infurzabbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti mill-Istati Uniti. Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Barra minn hekk, kwalunkwe kumpanija li tittratta d-dejta dwar ir-riżorsi umani mill-Ewropa se jkollha timpenja ruħha li tkun konformi mad-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Ewropej għall-Protezzjoni tad-Dejta.
  • Obbligi ċari ta' salvagwardja u trasparenza fuq l-aċċess tal-Gvern tal-Istati Uniti: Għall-ewwel darba, l-Istati Uniti tat lill-UE assigurazzjonijiet bil-miktub li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà nazzjonali jkunu suġġetti għal mekkaniżmi ċari ta' limitazzjonijiet, salvagwardji u sorveljanza. Dawn l-eċċezzjonijiet iridu jintużaw biss f'sitwazzjoniniet meħtieġa u xierqa. L-Istati Uniti eskludew soerveljanza tal-massa indiskriminata tad-dejta personali ttrasferieta lejn l-Istati Uniti taħt il-ftehim il-ġdid. Biex ikun hemm monitoraġġ regolari tat-tħaddim tal-ftehim se jkun hemm rieżami konġunt annwali, li se jinkludi wkoll il-kwistjoni tal-aċċess tas-sigurtà nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti se jwettqu r-rieżami u jistiednu lill-esperti nazzjonali tal-intelligence mill-Istati Uniti u mill-Awtoritajiet Ewropej tal-Protezzjoni tad-Dejta biex ikunu parti minnu.
  • Protezzjoni effettiva tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE b'bosta possibbiltajiet ta' rimedju: Kwalunkwe ċittadin li jqis li d-dejta tiegħu tkun intużat b'mod ħażin taħt il-ftehim il-ġdid se jkollu bosta possibbiltajiet ta' rimedju. Il-kumpaniji jkunu marbutin bi skadenzi biex iwieġbu għal ilmenti. L-Awtoritajiet Ewropej għall-Protezzjoni tad-Dejta jistgħu jibagħtu ilmenti lid-Dipartiment tal-Kummerċ u lill-Kummissjoni tal-Kummerċ Federali. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni Alternattiva tad-Disputi se tkun mingħajr ħlas. Għal ilmenti dwar aċċess possibbli mill-awtoritajiet nazzjonali tal-intelligence, se jinħoloq Ombudsperson ġdid.

Il-passi li jmiss

Illum il-Kulleġġ ta mandat lill-Viċi President Ansip u lill-Kummissjarju Jourová biex iħejju abbozz ta' "deċiżjoni ta’ adegwatezza" fil-ġimgħat li ġejjin, li wara tkun tista' tiġi adottata mill-Kulleġġ wara li jikseb il-parir tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u wara li jikkonsulta kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Memrbi. Sadanittant, in-naħa tal-Istati Uniti tagħmel it-tħejjijiet meħtieġa biex iddaħħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid, il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u l-Ombudsperson il-ġdid.

Kuntest

Fis-6 ta’ Ottubru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-każ ta' Schrems li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Sfera ta' Sikurezza ("Safe Harbour") kienet invalida. Is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni minn Novembru 2013 biex tirrevedi l-arranġament tal-Isfera ta' Sikurezza, biex tiżgura fil-prattika li jkun hemm livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tad-dejta kif meħtieġ skont il-liġi tal-UE.

Fl-15 ta’ Ottubru, il-Viċi President Ansip, il-Kummissarji Oettinger u Jourová ltaqgħu ma' rappreżentanti tan-negozju u tal-industrija li talbu għal interpretazzjoni ċara u uniformi tad-deċiżjoni, kif ukoll iktar ċarezza dwar l-istrumenti li jistgħu jużaw biex jittrasferixxu d-dejta.

Fil-16 ta' Ottobru, it-28 awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29) ħarġu dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza.

Fis-6 ta' Novembru, il-Kummissjoni ħarġet gwida għall-kumpaniji dwar il-possibbiltajiet ta' trasferimenti tranżatlantiċi tad-dejta wara s-sentenza sakemm jiddaħħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid.

Fit-2 ta' Diċembru, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddiskuta l-progress tan-negozjati. Il-Kummissjarju Jourová rċeviet mandat biex isiru n-negozjati dwar qafas imġedded u sikur mal-Istati Uniti.

 

IP/16/216

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar