Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi titjib fis-servizzi tal-internet mobbli permezz ta' frekwenzi tar-radju ta' kwalità għolja

Brussell, it-2ta' frar 2016

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta proposta biex jiġi kkoordinat l-użu tal-banda ta’ 700 MHz għas-servizzi mobbli. Dan għandu jtejjeb l-aċċess għall-internet għall-Ewropej kollha u jgħin fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet transkonfinali.

Il-frekwenzi tar-radju ma jafux fruntieri: jeħtieġ li l-ispettru jiġi kkoordinat aħjar fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati l-interferenzi u jkun possibbli li s-servizzi innovattivi, bħall-karozzi konnessi jew il-kura tas-saħħa mill-bogħod, jiffunzjonaw mal-kontinent kollu. L-UE trid tlaħħaq ukoll mad-domanda għall-broadband mingħajr fili, li dejjem qed tiżdied. Sal-2020, it-traffiku tal-internet mobbli mistenni jkun kważi tmien darbiet aktar mil-lum. Il-Kummissjoni llum qed tieħu azzjoni biex tegħleb dawn l-isfidi. Bħala parti mill-istrateġija tagħha biex jinħoloq Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ bilanċjat fit-tul għall-użu tal-banda ta' frekwenzi ultra-għolja (UHF) (470-790 MHz). Attwalment, din il-banda tintuża l-aktar għax-xandir televiżiv. Skont il-proposta, sal-2020 aktar mill-ispettru se jkun disponibbli għas-servizzi mobbli fil-banda ta’ 700 MHz (694-790 MHz). Din il-medda hija ideali biex tipprovdi lill-utenti b'internet ta’ kwalità għolja, ikunu fejn ikunu, kemm jekk f'belt kbira kif ukoll jekk f'raħal żgħir imbiegħed jew fuq awtostrada. Il-frekwenzi fil-medda ta' inqas minn 700 MHz (470-694 MHz) ser jibqgħu disponibbli, bħala prijorità, għal servizzi awdjoviżivi. Dan l-approċċ se jiżgura li l-Ewropej ikollhom aċċess għall-kontenut kreattiv fuq it-tablets u l-ismartphones – xejra li qed tiżdied – kif ukoll permezz ta’ servizzi tat-televiżjoni tradizzjonali. Il-proposta tal-lum hija wkoll konformi mal-ftehimiet internazzjonali l-aktar reċenti dwar l-użu tal-banda UHF inkluż il-banda ta’ 700 MHz.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "L-użu ta' 28 approċċ differenti għall-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju fl-UE ma jagħmilx sens ekonomiku fis-Suq Uniku Diġitali. Illum ħriġna bl-ewwel proposta ta' kif tista' tittejjeb il-koordinazzjoni tal-ispettru fl-UE. Qed nipproponu approċċ konġunt għall-użu tal-banda ta' 700 MHz għas-servizzi mobbli. Din il-banda hija l-punt ideali għall-kopertura wiesgħa kif ukoll għall-veloċitajiet għolja. Għandha tagħti aċċess għall-internet ta’ kwalità għolja lill-Ewropej kollha, anki f’żoni rurali, u twitti t-triq għall-5G, il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni. Fl-istess ħin, inkunu qed niggarantixxu frekwenzi sikuri għas-settur awdjoviżiv u nistimulaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jutilizzaw il-frekwenzi tar-radju b'mod effiċjenti. L-ispettru huwa riżorsa skarsa: jeħtieġ nużawh bl-aħjar mod possibbli.”

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "Ma jistax ikollna internet mobbli ta' kwalità għolja għal kollox u għal kulħadd kullimkien jekk ma jkollniex infrastruttura moderna u regoli moderni. B’din il-proposta qed nuru li jista’ jkollna: kemm settur awdjoviżiv vibranti kif ukoll l-ispettru li jkollna bżonn għall-5G. Il-banda ta’ 700 MHz se tkun ideali għal oqsma promettenti ġodda bħas-sewqan konness u l-Internet tal-Oġġetti. Irrid li l-Ewropa tkun quddiem nett fit-teknoloġija 5G. Huwa għalhekk li l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu azzjoni sal-2020."

Il-proposta magħmula minn żewġ elementi ewlenin:

  • fil-banda ta' 700 MHz: skeda ta' żmien komuni biex issir disponibbli b’mod effettiv għall-użu tal-broadband mingħajr fili f'kundizzjonijiet tekniċi armonizzati, u miżuri ta’ koordinazzjoni relatati li jiffaċilitaw din it-tranżizzjoni;
  • fil-banda ta' inqas minn 700 MHz: prijorità fit-tul għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżivi lill-pubbliku ġenerali, flimkien ma’ approċċ flessibbli għall-użu tal-ispettru biex jipprovdi għall-adozzjoni ta' livelli differenti ta’ televiżjoni diġitali terrestri (DTT) fl-Istati Membri.

Il-proposta tal-lum se tagħmilha aktar faċli u se tnaqqas l-ispejjeż għall-iżvilupp ta' apparati u servizzi innovattivi fl-UE kollha: mhux se jibqa' l-bżonn li wieħed jaqleb minn fuq banda ta' frekwenzi għal fuq banda differenti u li jiġu adattati rekwiżiti nazzjonali diverġenti.

Tranżizzjoni kkoordinata lejn l-2020

Il-Kummissjoni tipproponi li l-banda ta' 700 MHz għandha tiġi allokata għall-broadband mingħajr fili sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2020 fil-pajjiżi tal-UE kollha. Dan ser ikun konformi mal-użu tal-5G, li huwa previst li jibda mill-2020. Biex tiġi rispettata din id-data ta’ skadenza, l-Istati Membri se jkollhom jadottaw u jippubblikaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-kopertura tan-netwerk u għar-rilaxx ta’ din il-banda sat-30 ta’ Ġunju 2017. Barra minn hekk se jkollhom jikkonkludu l-ftehimiet ta’ koordinazzjoni transkonfinali sa tmiem l-2017. Dawn il-pjanijiet se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni u jiżguraw kopertura tajba tan-netwerk, u dan ikompli jgħin biex jitnaqqas id-distakk diġitali u jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ kopertura meħtieġa għall-vetturi konnessi jew għall-kura tas-saħħa mill-bogħod.

Żewġ Stati Membri (Franza u l-Ġermanja) diġà awtorizzaw l-użu tal-banda ta’ 700 MHz għas-servizzi mobbli. Stati Membri oħra (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) diġà fasslu pjanijiet għar-riorjentazzjoni tal-banda ta' 700 MHz fil-ftit snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni tippretendi li l-adozzjoni tal-proposti tal-lum mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tkun rapida sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni f’waqtha u kif mistenni.

Sfond

Il-banda ta' frekwenzi ultra-għolja (UHF) hija magħmula mill-medda ta’ 470-790 MHz u attwalment tintuża għat-televiżjoni diġitali terrestri u għall-mikrofoni mingħajr fili biex isiru programmi u f'avvenimenti speċjali. L-Ewropa qed tara żieda sinifikanti fid-domanda tal-ispettru għas-servizzi broadband mingħajr fili, dovuta l-aktar għall-ħolqien ta' kontenut vidjo fuq servizzi mobbli. Iż-żieda tat-traffiku ta' dejta mobbli qed toħloq pressjoni fuq il-kapaċità tan-netwerks eżistenti u fuq id-domanda għal spettru addizzjonali. Il-proposta ta’ llum tipprovdi iktar spettru għall-broadband fil-banda ta’ 700 MHz (694-790 MHz). Fl-istess ħin, għandha l-għan li tippreserva l-mudell awdjoviżiv Ewropew, li joffri xandir free-to-view lill-pubbliku u teħtieġ riżorsi tal-ispettru sostenibbli fil-banda ta' inqas minn 700 MHz (470-694 MHz).

Fl-2014, il-Kummissjoni inkarigat lill-ex-Kummissarju Pascal Lamy biex jippresjedi Grupp ta’ Livell Għoli magħmul minn rappreżentanti tas-setturi tas-servizzi mobbli, tax-xandir u tal-midja biex jaslu għal pożizzjoni komuni dwar l-użu futur tal-frekwenza UHF. Ir-rapport tal-President irrakkomanda r-riorjentazzjoni tal-banda ta' 700 MHz għall-broadband mingħajr fili filwaqt li l-mudell awdjoviżiv Ewropew jiġi sostnut permezz ta’ salvagwardji għall-aċċess tal-ispettru tax-xandir terrestri għal aċċess għall-ispettru fil-banda ta' frekwenzi ta' inqas minn 700 MHz.

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika sussegwenti esprimew l-appoġġ tagħhom għal azzjoni koordinata tal-UE. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) adotta Opinjoni li tappoġġa wkoll il-provvista ta’ broadband mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz permezz ta’ approċċ ikkoordinat tal-UE; din l-opinjoni tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet tekniċi armonizzati u ta' data ta’ skadenza komuni għall-użu effikaċi tal-banda kif ukoll li jiġi żgurat l-użu fit-tul tal-banda ta' frekwenzi ta' inqas minn 700 MHz għad-distribuzzjoni awdjoviżiva, inkluż id-disponibbiltà tagħha għat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT).

Abbażi tal-eżitu tal-proċess tal-partijiet interessati fil-livell tal-UE u tal-ftehimiet internazzjonali (ITU), l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-użu fit-tul tal-banda UHF huwa mfassal biex jippromwovi s-Suq Uniku Diġitali u biex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti ta' dan l-ispettru tar-radju siewi, li jixhed il-valur soċjali, kulturali u ekonomiku tiegħu.

Progress lejn Suq Uniku Diġitali

Ir-regoli l-ġodda tal-lum dwar il-banda ta' 700 MHz isegwu l-ewwel proposti li saru fil-qafas tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali f'Diċembru 2015 dwar id-drittijiet tal-awtur (stqarrija għall-istampa) u l-kuntratti diġitali (stqarrija għall-istampa). L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tinkludi 16-il inizjattiva ewlenija li għandhom jiġu ippreżentati sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-passi li jmiss fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-ispettru huma mistennija li jkunu parti minn reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni li se jiġu ppreżentati din is-sena.

***

Għal iżjed tagħrif

Dokument adottat illum:

Proposta għal Deċiżjoni tal-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni

Impact Assessment:   https://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/28768
Impact Assessment summary: https://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/28767

Ħolqiet utli oħra:

L-ispettru fl-UE

Suq Uniku Diġitali (#DigitalSingleMarket)

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Günther H. Oettinger

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2016

IP/16/207

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar