Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Strateġija ġdida li tqiegħed il-kultura fil-qalba tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE

Brussell, it-8ta' gunju 2016

L-istrateġija adottata llum hija konformi mal-prijorità tal-Kummissjoni li l-UE ssir attur globali aktar b’saħħtu. Il-kultura tista’ taqdi rwol kruċjali fit-tisħiħ ta' sħubijiet internazzjonali.

"L-istrateġija tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali” ippreżentata llum mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha u li tippromwovi ordni globali bbażata fuq il-paċi, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-fehim reċiproku u l-ħarsien tal-valuri fundamentali.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Viċi President Federica Mogherini qalet: "Il-kultura għandha tkun parti integrali tal-politika barranija tagħna. Il-kultura tikkostitwixxi strument potenti biex bih jinbew rabtiet bejn in-nies, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, u jissaħħaħ il-fehim reċiproku. Tista’ wkoll tkun mutur għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Hekk kif qed niffaċċjaw sfidi komuni, il-kultura tista’ tgħinna lkoll, li ninsabu fl-Ewropa, fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, biex ningħaqdu flimkien u niġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni u nibnu alleanza taċ-ċivilizzazzjonijiet kontra dawk li qed jippruvaw jifirduna. Huwa għalhekk li d-diplomazija kulturali għandha tkun fil-qalba tar-relazzjoni tagħna mad-dinja tal-lum.”

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żagħżagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, qal: "Il-kultura hija t-teżor mistur tal-politika barranija tagħna. Hija tgħin fil-promozzjoni tad-djalogu u tal-fehim reċiproku. Il-kultura hija għalhekk kruċjali sabiex jinbnew relazzjonijiet fit-tul ma’ pajjiżi madwar id-dinja kollha: għandha rwol importanti biex l-UE ssir attur globali aktar b’saħħtu."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, u l-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, jilqgħu l-Istrateġija, skont l-Aġenda 2030 adottata reċentement, li tirrikonoxxi ċ-ċittadinanza globali, id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali bħala l-prinċipji fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli u għall-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir tal-UE.

Il-kultura tista’ taqdi rwol importanti fil-politika barranija tal-UE. Il-kooperazzjoni kulturali tmur kontra l-isterjotipi u l-preġudizzji permezz tat-tisħiħ tad-djalogu, ta' attitudni miftuħa, id-dinjità u r-rispett reċiproku. Id-djalogu interkulturali jista’ jgħin fil-prevenzjoni ta’ konflitti u jrawwem ir-rikonċiljazzjoni bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom. Il-kultura tista' tgħin biex nindirizzaw l-isfidi globali bħalma huma l-integrazzjoni tar-refuġjati, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u l-ħarsien tal-wirt kulturali dinji. Il-kultura tista’ tkun ukoll għodda li tipprovdi benefiċċji soċjali u ekonomiċi importanti kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tipproponi qafas strateġiku għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali aktar profondi u aktar effettivi u kif ukoll għal mudell ġdid għal kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-istituti kulturali nazzjonali, mal-operaturi privati u pubbliċi mill-UE u mal-pajjiżi sħab tagħha, billi jiżdiedu l-opportunitajiet, jinħolqu s-sinerġiji u jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi.

Il-kultura qed issir dejjem aktar mezz għat-tkabbir ekonomiku, mhux biss fil-forom tradizzjonali tagħha, iżda partikolarment bis-saħħa tal-industriji kulturali u kreattivi, tal-intrapriżi żgħar u medji u tat-turiżmu Dan isaħħaħ l-opinjoni li s-sinerġiji ma' osma oħrajn huma kruċjali u li s-settur pubbliku u privat u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu dejjem aktar involuti.

Il-kultura għandha rwol importanti wkoll fil-livell muniċipali. L-involviment taċ-ċittadini, ta' atturi statali kif ukoll ta' atturi kulturali huwa riżors ewlieni għat-tisħiħ tal-muniċipalitajiet u tal-komunitajiet u għall-iżvilupp tal-opportunitajiet tas-suq.

Fir-realtà, din il-Komunikazzjoni hija skont id-disa’ prijorità deskritta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu tal-2014 u tirrifletti l-ambizzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE li jmiss u li qed titħejja mir-Rappreżentant Għoli. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li se tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex fl-2018, jorganizzaw Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.

Kuntest

Il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE hija waħda mit-tliet pilastri tal-aġenda Ewropea għall-Kultura (2007). L-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku f’dan il-qasam kien prijorità tal-Pjanijiet ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura mill-2011. Pass kbir ’il quddiem sar mill-Parlament Ewropew rigward l-Azzjoni Preparatorja “Il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE” (2013–14), li enfasizzat il-potenzjal konsiderevoli għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-Ewropa u ssottolinjat li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom x'jibbenefikaw bil-kbir mis-simplifikazzjoni aħjar tad-diplomazija kulturali tagħhom.

Fis-setturi kulturali u kreattivi, l-UE diġà ffinanzjat diversi proġetti bħal netwerks ta' ċentri kreattivi jew il-programm Kulturi+ tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-programmi li jappoġġaw governanza kulturali u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Il-programm Ewropa Kreattiva huwa miftuħ ukoll għall-pajjiżi tal-viċinat u l-pajjiżi kandidati. Id-delegazzjonijiet tal-UE jorganizzaw regolarment attivitajiet ta’ diplomazija kulturali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE kienet ilha tinkludi l-kultura u l-wirt fl-azzjonijiet tagħha (pereżempju, ir-restawr tal-manuskritti ta' Timbuktu f’Mali). L-appoġġ tal-UE għall-Fondazzjoni Anna Lindh fin-Nofsinhar tal-Mediterran iservi bħala eżempju tajjeb ieħor ta’ kif il-kultura se tinfluwenza l-politika barranija tal-UE. Il-programm Vuċijiet Żgħażagħ Għarab (issa estiż għar-reġjun Ewromediterranju), pereżempju, japprofonidixxi d-djalogu bejn il-mexxejja żgħażagħ u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u jiżviluppa kontronarrativi għall-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti. Eżempju ieħor huwa l-assistenza tal-UE għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fis-Sirja, implimentata mill-UNESCO, b'appoġġ għall-partijiet interessati lokali fil-monitoraġġ tal-qagħda tal-wirt u fil-preservazzjoni tal-wirt u fil-ġlieda kontra t-traffiku illegali. Fis-Sħubija tal-Lvant (EaP), il-Programm Kulturali (EaP) qed jappoġġa l-kontribut tas-setturi kulturali u kreattivi għall-iżvilupp sostenibbli, umanitarju, soċjali u ekonomiku. Fl-istess ħin, il-proġett “Strateġiji Urbani fi Bliet Storiċi mmexxija mill-Komunità” għandu l-għan li jiġi stimulat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali billi jsaħħaħ il-wirt kulturali f’disa’ bliet antiki fl-Armenja, fil-Belarussja, fil-Georgia, fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna.

L-Orizzont 2020 jappoġġa wkoll ir-riċerka dwar id-diplomazija kulturali u l-attivitajiet għall-wirt kulturali permezz ta’ proġetti multinazzjonali u interdixxiplinari. Qed jitħejjew programmi futuri li jappoġġaw pajjiżi sħab f’reġjuni differenti; l-aktar it-trawwim ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali.

Fi Frar 2016, ġiet stabbilita Pjattaforma tad-Diplomazija Kulturali b’enfasi fuq pajjiżi strateġiċi, sabiex l-UE tkun tista' timplimenta l-istrateġija u toħloq is-sinerġiji fost il-partijiet interessati kollha tal-UE (id-delegazzjonijiet tal-UE, l-istituti kulturali nazzjonali u l-fondazzjonijiet, l-intrapriżi privati u pubbliċi, is-soċjetà ċivili). Il-pjattaforma titmexxa minn konsorzju ta’ Istituti Kulturali tal-Istati Membri u sħab oħrajn, u se tipprovdi konsulenza politika, tiffaċilita n-netwerking, twettaq attivitajiet mal-partijiet interessati kulturali u tiżviluppa programmi ta’ taħriġ għat-tmexxija kulturali.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

Mistoqsijiet u Tweġibiet fuq il-Komunikazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

Id-diskors mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u Viċi President Federica Mogherini waqt il-Forum Kulturali

IP/16/2074

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar