Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tħabbar qafas ta’ sħubija ġdid dwar il-migrazzjoni: kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi terzi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni

Strasburgu, is-7ta' gunju 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret pjani dwar Qafas ta' Sħubija ġdid, orjentat lejn ir-riżultati, biex tiġbor u tiffoka l-azzjoni u r-riżorsi tal-UE fil-ħidma esterna tagħna tal-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret pjani dwar Qafas ta' Sħubija ġdid, orjentat lejn ir-riżultati, biex tiġbor u tiffoka l-azzjoni u r-riżorsi tal-UE fil-ħidma esterna tagħna tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-UE se tfittex sħubiji mfassla apposta ma' pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu kruċjali u tuża l-politiki u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE biex tikseb riżultati konkreti. Billi tibni fuq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-prijoritajiet huma dawk li jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar, jiżdiedu dawk li jirritornaw lejn pajjiżhom, li l-migranti u r-refuġjati jkunu jistgħu jibqgħu qrib ta' djarhom u, għat-tul, li tingħata għajnuna ta' żvilupp lill-pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni irregolari. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri f’dawn is-sħubijiet — diplomatiċi, tekniċi u finanzjarji — se jkunu ta’ importanza fundamentali fil-ksib tar-riżultati.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Sabiex inwaqqfu t-telf ta' ħajja fil-Baħar Mediterran, li mhux aċċettabbli, u sabiex inġibu l-ordni fil-flussi tal-migrazzjoni, hemm bżonn li noħorġu b'kunċetti ġodda dwar kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jaħdmu flimkien ma' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi qafas ta' sħubija ġdid: billi tibda bl-ewwel grupp ta' pajjiżi terzi ta' prijorità, se jsiru patti mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi ta' kull wieħed minnhom li se jiġbru l-politiki u l-istrumenti kollha tagħna biex jinkisbu dawn l-objettivi, tiġi sfruttata l-influwenza kollettiva tal-UE b'kollaborazzjonni mill-qrib mal-Istati Membri u jiġu ffukati r-riżorsi tagħna inkluż permezz tal-iskjerament malajr ta' €8 biljun matul il-ħames snin li ġejjin. Sejrin ukoll naħdmu fuq Pjan ta' Investiment Estern ambizzjuż biex ngħinu fil-ħolqien ta' opportunitajiet u biex naffaċċjaw il-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni. Jekk ma jinkisbux riżultati konkreti massħab tagħna fil-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, irridu nkunu lesti biex kollettivament nadattaw l-impenn u l-għajnuna finanzjarja tagħna."

Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Federica Mogherini qalet: "Miljuni ta' nies bħalissa jinsabu mexjin minn post għall-ieħor u dan nistgħu niġġestuh biss jekk naġixxu f'termini globali, fi sħubija sħiħa. Għal din ir-raġuni, qegħdin nipproponu approċċ ġdid għal sħubijiet qawwija ma' pajjiżi kruċjali. L-għan tagħna, filwaqt li nibqgħu iffokati fuq li nsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar u li nżarmaw in-netwerks tal-kuntrabandisti, huwa dak li nappoġġjaw lill-pajjiżi li jospitaw numru daqstant kbir ta' nies u li jitrawwem it-tkabbir fil-pajjiżi sħab magħna. Aħna lesti li nżidu l-għajnuna finanzjarja u operattiva u li ninvestu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali għat-tul, fis-sigurtà, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u biex jiġu kkonfrontati l-kawżi tal-migrazzjoni. Id-dmir tagħna, kif ukoll l-interess tagħna, huwa dak li n-nies jingħataw l-opportunità u l-mezzi biex ikollhom ħajja sikura u deċenti. Din hija responsabilità li l-Ewropa tikkondividi mal-bqija tad-dinja: l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa flimkien. "

Il-pressjoni migratorja hija s-sitwazzjoni normali l-ġdida kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab u hija parti minn kriżi ta' spostament globali aktar wiesgħa. Biex inkunu nistgħu nirreaġixxu flimkien b’mod sinifikanti jeħtieġ li jkun hemm approċċ aktar koordinat, sistematiku u strutturat, li jlaqqa' l-interessi tal-UE u l-interessi tas-sħab tagħna. Is-sħubija mġedda mal-pajjiżi terzi ser tieħu l-forma ta’ "patti" li se jiġu żviluppati skont is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet ta’ kull pajjiż sieħeb, u li jkun jiddependi fuq jekk dan ikunx pajjiż tal-oriġini, pajjiż ta’ tranżitu jew pajjiż li jospita bosta persuni spustati. Għalissa, se nagħmlu patti mal-Ġordan u mal-Libanu u se nieħdu passi biex naslu għal ftehimiet oħrajn man-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, il-Mali u l-Etjopja. Beħsiebna wkoll inżidu l-involviment tagħna mat-Tuneżija u mal-Libja

Il-firxa sħiħa tal-politiki tal-UE u l-istrumenti esterni tal-UE sejrin jiġu sfruttati:

  • Impenn iffukat: L-assistenza u l-politiki tal-UE se jkunu mfassla biex jipproduċu riżultati konkreti; l-objettivi għalissa huma dawk li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar Mediterran, li jiżdiedu r-rati ta’ ritorn lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, u li l-migranti u r-refuġjati jkunu jistgħu jibqgħu qrib djarhom u li jiġi evitat li n-nies jagħmlu vjaġġi perikolużi. L-azzjoni immedjata mas-sħab se tiffoka fuq it-titjib tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-migrazzjoni u l-bini tal-kapaċità dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, inkluż billi tingħata protezzjoni lir-refuġjati. Fil-politiki tal-UE tal-iżvilupp u l-kummerċ se tiddaħħal taħlita ta' inċentivi pożittivi u negattivi sabiex jiġu ppremjati dawk il-pajjiżi li għandhom ir-rieda li jikkooperaw b'mod effettiv mal-UE fejn tidħol il-ġestjoni tal-migrazzjoni u jiġi żgurat li jkun hemm konsegwenzi għal dawk li jirrifjutaw.

  • Appoġġ imsaħħaħ: Il-politiki, għodod u riżorsi kollha tal-UE se jgħinu biex jappoġġaw il-Qafas ta' Sħubija b'mod innovattiv, iffukat u kkoordinat. Żieda fl-isforzi biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, inklużi l-aspetti finanzjarji tiegħu, ukoll se tkun ta' benefiċċju għal dan il-proċess. L-appoġġ finanzjarju u l-għodod tal-politika tal-iżvilupp u tal-viċinat se jsaħħu l-bini tal-kapaċitajiet lokali, inkluż għall-kontroll fuq il-fruntieri, il-proċeduri ta' ażil, l-isforzi kontra t-traffikar u r-reintegrazzjoni.

  • It-tkissir tal-mudell ta' negozju tat-traffikanti tal-bnedmin li għandhom l-għan li jesplojtjaw lill-migranti għall-gwadann huwa ċentrali biex naffrontaw il-migrazzjoni irregolari. Ir-ritorn effettiv ta' migranti huwa kruċjali f'dan l-objettiv. Huwa wkoll neċessarji li nibnu fuq l-esperjenza ta' kooperazzjoni mat-Turkija u mal-Balkani tal-Punent u l-Operazzjoni Sophia tal-EUNVAFOR MED biex niksbu riżultati effettivi. Użu akbar ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropej fir-rigward tal-Migrazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu ta’ prijorità ikun ta' għajnuna fil-kordinazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE. F'postijiet essenzjali se jiġu finalizzati Pjattaformi ta' Kooperazzjoni tal-UE.

  • Il-ħolqien ta’ rotot legali: Li n-nies jiġu dissważi milli jibdew dawn il-vjaġġi perikolużi jirrikjedi wkoll li jkun hemm toroq legali alternattivi lejn l-Ewropa u aktar mezzi ta’ akkoljenza umanitarja eqreb lejn il-post tal-oriġini tagħhom. L-UE se tappoġġa l-istabbiliment ta’ skema ta’ risistemazzjoni globali mmexxija min-NU biex tikkontribwixxi għal kondiviżjoni ġusta tal-persuni spostati u tiskoraġġixxi aktar movimenti irregolari. Il-proposta li ġejja għal sistema strutturata ta' risistemazzjoni se tkun dimostrazzjoni diretta tal-impenn tal-UE.

  • Strumenti Finanzjarji: L-allokazzjonijiet finanzjarji dedikati biex jindirizzaw il-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni u l-ispostament irregolari se jiżdiedu, kif ukoll se tiżdied il-flessibbiltà għall-użu ta’ programmi. L-approċċ ta’ sħubija ġdid se jagħmel użu minn taħlita intelliġenti ta’ riżorsi għal żmien qasir u strumenti finanzjarji għat-tul biex jinkisbu riżultati immedjati iżda wkoll biex jiġu indirizzati muturi fundamentali tal-migrazzjoni. Fuq perjodu qasir, il-Fond Fiduċjarju għall-Afrika ser jissaħħaħ b’€1 biljun, ammont li jikkonsisti minn €500 miljun mill-Fond Ewropew ta' Riżerva għall-Iżvilupp u €500 miljun mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-programmi finanzjarji tradizzjonali għandhom jiġu riorjentati. Għat-tul, il-Kummissjoni qegħda tipproponi biex tirrikonsidra b'mod fundamentali l-firxa u n-natura ta' mudelli tradizzjonali ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fil-ħarifa tal-2016, il-Kummissjoni se tagħmel proposta għal Fond ġdid bħala parti minn Pjan ta' Investiment Estern ambizzjuż sabiex jiġu mobilizzati l-investimenti f’pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, li jibnu fuq l-esperjenza tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li kellu suċċess. Se jiġu mobilizzati €3.1 biljun għal dan il-għan, li mistennija li jixprunaw investimenti sa livell ta' €31 biljun u l-potenzjal li dan jiżdied għal €62 biljun jekk l-Istati Membri u s-sħab l-oħra joħorġu daqstant fondi daqs l-UE. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ukoll diġà qiegħed jaħdem fuq inizjattiva biex jinġabar finanzjament addizzjonali fl-Afrika matul il-ħames snin li ġejjin. Il-Pjan ta’ Investiment Estern se jiffoka wkoll fuq għajnuna mmirata għat-titjib tal-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi kkonċernati.

  • Ħidma flimkien: Is-sħubija l-ġdida ġġib flimkien l-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiksbu r-riżultati. Għandna bżonn ta’ involviment ikkoordinat kif ukoll ta' multiplikazzjoni tar-riżorsi biex jinkisbu għanijiet kondiviżi. L-Istati Membri huma msejħa biex jagħmlu l-parti tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi finanzjarji ekwivalenti u biex jaħdmu fi sħubija mal-UE fit-twettiq tal-patti.

Sfond

L-Ewropa qiegħda tara flussi migratorji irregolari mingħajr preċedent, xprunati minn fatturi ekonomiċi u ġeopolitiċi. Dawn huma mbuttati minn traffikanti bla skrupli li jaraw kif jibbenefikaw mid-disprament tal-persuni vulnerabbli. Is-sena li għaddiet, mindu ġiet adottata l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, deher li hemm rabta diretta bejn il-politika dwar il-migrazzjoni ġewwa l-Unjoni u barra minnha. L-azzjoni kredibbli fi ħdan l-UE biex jiġi skoraġġit il-kuntrabandu u d-dħul irregolari u biex jintwera li jeżistu modi legali hija ta’ importanza kritika għall-ksib tal-għanijiet esterni tagħna.

L-UE diġà ħadet ħafna passi matul is-sena li għaddiet biex ittejjeb il-ħidma tagħha ma’ sħab esterni. Id-djalogi ta’ livell għoli dwar il-migrazzjoni u r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ġabet attenzjoni ġdida fuq ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi ewlenin fejn tidħol il-migrazzjoni. Is-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015 poġġa l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE mal-kontinent Afrikan. Il-kooperazzjoni mat-Turkija kienet fundamentali fil-ġlieda kontra l-isfruttament ta’ persuni vulnerabbli waqt li jkunu qed ifittxu li jaqsmu l-Baħar Eġew. Hija żgurat assistenza umanitarja akbar fit-Turkija b’mod parallel mal-ftuħ ta' mezzi legali ġodda lejn l-UE. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija stabbiliet modi ġodda biex tinġieb l-ordni fil-flussi migratorji u biex jiġu salvati l-ħajjiet. Ir-rabta mill-qrib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni miż-żewġ partijiet wasslet għal grad ta’ kooperazzjoni bla preċedent.

Il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent fil-25 ta’ Ottubru u s-sessjonijiet sussegwenti ta’ kull ġimgħa ta' vidjokonferenzi wkoll wasslu għal koordinazzjoni qawwija u għal skambju aħjar ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien immedjati tagħna tul rotta migratorja importanti oħra.

L-istrumenti finanzjarji tal-UE qegħdin jgħinu biex jinħoloq futur eqreb lejn djarhom għal dawk li altrimenti setgħu kienu lesti biex jissograw ħajjithom fuq vjaġġi perikolużi irregolari lejn l-Ewropa minn postijiet differenti. Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali għas-Sirja, il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija ikkumplimentaw programmi finanzjarji eżistenti.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Anness 1: Il-qsim illegali tal-fruntieri lejn l-UE, deċiżjonijiet ta' ritorn u ritorni effettiv, 2014-2015

Anness 2: Djalogi ta' Livell Għoli

Anness 3: Eżempji ta' azzjonijiet kbar li għaddejjin bħalissa ffinanzjati mill-UE

Anness 4: Rahan u kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri għall-Fondi Fiduċjarji u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

SKEDA INFORMATTIVA: Qafas Ġdid ta' Sħubija

MEMO: Lejn Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Materjal għall-istampa dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Dikjarazzjoni UE-Turkija

Il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent

IP/16/2072

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar