Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Inwasslu l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Il-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u tirriforma l-iskema tal-'Karta Blu' għall-ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli minn barra mill-UE

Strasburgu, is-7ta' gunju 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippreżenta Pjan ta' Azzjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiż terz u l-kontirbuzzjoni ekonomika u soċjali tagħhom lill-UE.

Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippreżenta Pjan ta' Azzjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiż terz u l-kontirbuzzjoni ekonomika u soċjali tagħhom lill-UE, kif ukoll proposta legali għal riforma tar-regoli dwar migranti b'ħiliet ta' livell għoli li jiġu fl-UE biex jaħdmu, li se tappoġġa lin-negozji Ewropej biex jattiraw nies kwalifikati u ta' ħila minn madwar id-dinja. Dawn l-inizjattivi se jissuktaw fuq l-impenn tal-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker, li jistabbilixxu l-migrazzjoni legali bħala prijorità għal din il-Kummissjoni.

Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza qal: "Jekk irridu li jkollna ġestjoni għat-tul tal-migrazzjoni rridu nibdew nagħmlu dawk l-investimenti issa, fl-interess tagħna lkoll. L-integrazzjoni bikrija u effettiva ta' ċittadini minn pajjiżi terzi hija kruċjali biex il-migrazzjoni tkun ta' benefiċċju għall-ekonomija u għall-koeżjoni tas-soċjetà tagħna. Fl-istess ħin, irridu ngħammru aħjar is-sistemi tagħna biex fil-ġejjieni. jaffaċċjaw in-nuqqassijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet. L-iskema riveduta tal-Karta Blu tal-UE se tagħmilha eħfef u aktar attrajenti għaċ-ċittadini minn pajjiż terz b'ħiliet ta' livell għoli biex jiġu u jaħdmu fl-UE u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku tagħna."

Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-integrazzjoni

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum jipprovdi qafas ta' politika komuni u miżuri ta' appoġġ li għandhom jgħinu lill-Istati Membri hekk kif dawn jiżviluppaw aktar u jsaħħu aktar il-politiki ta' integrazzjoni nazzjonali tagħhom għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. L-Istati Membri – fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali – jinsabu quddiem nett f'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi l-politika konkreta, l-appoġġ operattiv u finanzjarju li għandhom jiġu sodisfatti fil-livell tal-UE biex jappoġġawhom fl-isforzi tagħhom.

L-iżgurar li ċittadini minn pajjiż terz jistgħu jikkontribwixxu b'mod ekonomiku u soċjali lill-komunitajiet ospitanti tagħhom huwa ewlieni għall-benesseri, il-prosperità u l-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej fil-futur. Studju ppubblikat illum mis-servizzi tal-Kummissjoni jikkonferma li, jekk ċittadini minn pajjiż terz jintegraw tajjeb u malajr, dawn jistgħu jikkontribwixxu għal rendiment aħjar tas-suq tax-xogħol, jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi demokratiċi u jtejbu s-sostenibbiltà fiskali. Hemm riskju ċar li l-kost tan-nuqqas ta' integrazzjoni jkun ogħla mill-kost tal-investiment fil-politiki ta' integrazzjoni.

Minkejja l-isforzi mill-Istati Membri, il-migranti u r-refuġjati rikonoxxuti minn pajjiżi terzi li jirresjedu b'mod legali fl-UE għadhom qegħdin jaffaċċjaw riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali.

Filwaqt li l-politiki ta' integrazzjoni għadhom tassew kompetenza nazzjonali, fil-kuntest ta' bħalissa ħafna mill-Istati Membri tal-UE qed jaffaċċjaw sfidi simili, u l-livell tal-UE jista' jżid il-valur permezz tal-appoġġ strutturali u finanzjarju li jipprovdi.

Ġew proposti azzjonijiet f'oqsma ewlenin bħal: miżuri ta' integrazzjoni ta' qabel it-tluq u ta' qabel il-wasla, b'mod partikolari minn nies li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali li qed jiġu risistemati; edukazzjoni, impjieg u taħriġ vokazzjonali; aċċess għas-servizzi bażiċi; u parteċipazzjoni attiva u inklużjoni soċjali. Ġie propost ukoll approċċ aktar strateġiku u kkoordinat biex il-fondi tal-UE jintużaw għall-appoġġ ta' miżuri ta' integrazzjoni nazzjonali.

Taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol permezz ta' strumenti differenti biex jitjiebu l-ħiliet tal-migranti u biex jiġu rikonoxxuti u jkun hemm benefiċċju mill-kwalifiki eżistenti tagħhom.

L-azzjonijiet għall-appoġġ tal-integrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi ma għandhomx bżonn, u ma għandhomx ikunu bi żvantaġġ għall-miżuri li minnhom jibbenefikaw gruppi jew minoritajiet oħrajn vulnerabbli jew żvantaġġati.

L-attirtar ta' migranti b'ħiliet ta' livell għoli: Riforma tal-"Karta Blu" tal-UE :

L-iskema tal-Karta Blu tal-UE adottata fl-2009, uriet li s'issa ma kinetx biżżejjed u ma hix attraenti u għalhekk ma ntużatx fil-massimu tagħha. Kundizzjonijiet ta' ammissjoni restrittivi u l-eżistenza ta' regoli, kundizzjonijiet u proċeduri paralleli fil-livell nazzjonali llimitaw l-użu tal-iskema tal-UE. 31% biss tal-migranti b'edukazzjoni ta' livell għoli li kienu sejrin lejn pajjiżi tal-OECD għażlu l-UE bħala destinazzjoni, jiġifieri ħaddiema b'ħiliet qed jagħżlu destinazzjonijiet oħrajn li jikkompetu b'mod ekonomiku mal-UE.

Il-proposta tal-lum terġa' tixpruna r-regoli eżistenti u għandha l-għan li ttejjeb l-abbiltà tal-UE li tattira u żżomm ċittadini minn pajjiżi terzi b'ħiliet ta' livell għoli, hekk kif ix-xejriet demografiċi jindikaw li anki bil-forza tax-xogħol b'aktar ħiliet, li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għandha l-għan li tiżviluppa fl-UE, dejjem se jkun hemm il-ħtieġa li jiġi attirat talent addizzjonali fil-ġejjieni.

  • Il-proposta l-ġdida tistabbilixxi skema waħda mifruxa mal-UE, li tieħu post l-iskemi nazzjonali li għandhom x'jaqsmu ma' impjiegi b'ħiliet ta' livell għoli, biex tiġi pprovduta aktar ċarezza għall-applikanti u għal minn iħaddem u biex l-iskema tkun aktar viżibbli u kompetittiva.

  • Din issaħħaħ il-mobbiltà ġewwa l-UE billi jiġu ffaċilitati l-proċeduri u jkun possibbli wkoll li jsiru vjaġġi iqsar ta' negozju sa 90 jum fl-Istati Membri li japplikaw il-Karta Blu.

  • Tnaqqas il-limitu tas-salarju billi toħloq firxa flessibbli li fi ħdanha l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw il-limitu fil-kuntesti tas-swieq tax-xogħol tagħhom, u tipprevedi kundizzjonijiet aktar xierqa għall-gradwati u l-ħaddiema minn pajjiżi terzi li waslu fi żminijiet reċent i f'oqsma fejn hemm nuqqas ta' ħaddiema.

  • Taħt l-iskema l-ġdida tal-Karta Blu, benefiċjarji b'ħiliet ta' livell għoli li għandhom protezzjoni internazzjonali se jkunu jistgħu japplikaw Karta Blu.

  • Il-proposta ssaħħaħ id-drittijiet ta' kemm id-detenturi tal-Karta Blu (li tippermetti għal aċċess aktar rapidu għall-istatus ta' residenza għal perjodu twil, aċċess minnufih u aktar flessibbli għas-suq tax-xogħol) kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom (tiżgura li dawn jingħaqdu mad-detentur tal-Karta Blu tal-UE fl-istess ħin), li għandha tagħmel lill-UE destinazzjoni aktar attraenti għall-impjegati b'ħiliet ta' livell għoli li teħtieġ l-ekonomija tagħna.

L-Iskema l-ġdida tal-Karta Blu ġġib impatt ekonomiku annwali pożittiv stmat ta' bejn €1.4 biljun u €6.2 biljun minn ħaddiema addizzjonali b'ħiliet ta' livell għoli li jiġu fl-UE biex jaħdmu. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiddeċiedu dwar kemm ċittadini minn pajjiżi terzi jiġu ammessi fit-territorju tagħhom biex ifittxu xogħol, f'konformità mat-Trattat. Dawn jistgħu jwettqu wkoll test tas-suq tax-xogħol jekk is-suq tax-xogħol ikollu tfixkil serju, bħal livell għoli ta' qgħad f'xi okkupazzjoni jew settur partikolari, inkluż f'parti tat-territorju tagħhom.

Ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

Kuntest

Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi: Filwaqt li r-responsabbiltà għall-integrazzjoni tinsab primarjament f'idejn l-Istati Membri, l-UE stabbiliet miżuri biex jingħataw inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiż terz. Dan jinkludi finanzjament dedikat u strumenti li jindirizzaw il-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-Istati Membri. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum huwa parti mis-sett ta' azzjonijiet imħabbra fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 tal-Kummissjoni.

Riforma tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE : F'April 2014, f'Malta, Jean-Claude Juncker ippreżenta bħala parti mill-kampanja tiegħu għall-elezzjoni pjan ta' ħames punti dwar il-migrazzjoni, inkluż sejħa għall-Ewropa biex turi aktar determinazzjoni politika b'rabta mal-migrazzjoni legali. Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, il-President Juncker ħabbar il-ħsieb tiegħu li jippromwovi politika Ewropea ġdida dwar il-migrazzjoni legali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-ħiliet u jiġu attirati talenti biex ilaħħqu aħjar mal-isfidi demografiċi tal-UE, inkluż permezz ta' rieżami tal-Karta Blu tal-UE.

L-UE diġà qed taffaċċja nuqqasijiet strutturali sinifikanti fejn jidħlu l-ħiliet f'ċerti setturi, li għandhom il-potenzjal li jillimitaw it-tkabbir, il-produttività u l-innovazzjoni fl-UE (pereżempju, il-kura tas-saħħa, l-ICT u l-inġinerija). Fil-ġejjieni, il-bidliet strutturali fl-ekonomiji tal-UE se jkomplu jżidu t-talba għal ħiliet ta' livell ogħla li ma jkunux disponibbli minnufih fis-suq tax-xogħol, b'mod li jinħolqu aktar nuqqassijiet ta' ħiliet li ma jkunux jistgħu jimtlew mill-forza tax-xogħol ta' bħalissa fl-UE. Iċ-ċifra ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli li huma ċittadini minn pajjiżi terzi li bħalissa ġejjin fil-25 Stat Membru tal-UE li japplikaw il-Karta Blu s'issa hija wisq żgħira biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet ta' xogħol u ħiliet, minkejja l-isforzi biex jiġu aġġornati l-ħiliet taċ-ċittadini tal-UE li qegħdin jiġu proposti taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet. Ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma japplikawx id-Direttiva tal-Karta Blu.

Għal iżjed informazzjoni

Mistoqsijiet komuni: Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-iskema mtejba tal-Karta Blu tal-UE

SKEDA INFORMATTIVA: Karta Blu

SKEDA INFORMATTIVA: Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni of ċittadini minn pajjiżi terzi

Direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg b'ħila ta' livell għoli

Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni of ċittadini minn pajjiżi terzi

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: L-aspett ekonomiku tal-kriżi tar-refuġjati

Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Karta Blu

Taqsima ġdida ddedikata għall-Karta Blu tal-UE fuq il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni

Portal Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

Analiżi tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni tax-xogħol, parti mill-proġett konġunt DG HOME-OECD "Rieżami tal-Politika dwar il-Migrazzjoni tax-Xogħol fl-Ewropa"

IP/16/2041

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar