Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għaxar azzjonijiet biex in-nies fl-Ewropa jkollhom ħiliet aħjar

Brussell, I-10ta' gunju 2016

Il-Kummissjoni llum adottat Aġenda tal-Ħiliet ġdida u komprensiva għall-Ewropa. L-għan huwa li jkun żgurat li n-nies jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet minn kmieni fil-ħajja u li jiġi utilizzat bl-aħjar mod il-kapital uman tal-Ewropa, li fl-aħħar mill-aħħar se jagħti spinta lill-impjegabbiltà, lill-kompetittività u lit-tkabbir fl-Ewropa.

L-Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa adottata llum tappella lill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex itejbu l-kwalità tal-ħiliet u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol. Skont ir-rapporti, 70 miljun Ewropew ma għandhomx ħiliet adegwati tal-kitba u tal-qari, u numru akbar minn dan ma għandhomx ħiliet diġitali u tan-numri. Minħabba f'hekk jinsabu fir-riskju tal-qgħad, tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali. Min-naħa l-oħra, għadd kbir ta' Ewropej, b'mod partikolari żgħażagħ bi kwalifiki għolja, qed jagħmlu xogħol li mhux xieraq għat-talenti u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Fl-istess waqt, 40% ta' min iħaddem fl-Ewropa jiddikjaraw li ma jistgħux isibu nies bil-ħiliet adatti biex jikbru u jkunu innovattivi. Fl-aħħar nett, ftit wisq huma n-nies li għandhom l-ispirtu imprenditorjali u l-kompetenzi biex jibdew in-negozju tagħhom, u jibqgħu jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet li jevolvu tas-suq tax-xogħol.

It-titjib tal-livelli tal-ħiliet, il-promozzjoni ta’ ħiliet trażversali u t-tfittxija ta' modi dwar kif jiġu antiċipati aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż abbażi ta' djalogu mal-industrija, huma għalhekk essenzjali biex jittejbu l-opportunitajiet ta' ħajja aħjar għan-nies, u jiġu appoġġati t-tkabbir ġust, inklużiv u sostenibbli kif ukoll soċjetajiet koeżivi.

Biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi fl-ambitu tal-ħiliet, il-Kummissjoni se tniedi għaxar azzjonijiet li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet biex il-ħiliet isiru aktar viżibbli u jitjieb l-għarfien tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali u dak tal-UE, mill-iskejjel u l-universitajiet għas-suq tax-xogħol.

Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, Valdis Dombrovskis, qal: B'miljuni ta' nies qiegħda fl-UE bħalissa, jeħtieġ li nagħmlu kull ma nistgħu biex ngħinuhom jiksbu l-ħiliet adatti għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi. Il-pjan ta' azzjoni ta' għaxar punti adottat lllum jistabbilixxi oqsma fejn l-UE tista' tagħmel id-differenza, u dan jinkludi l-iżgurar ta' għarfien aħjar tal-kwalifiki minn fruntiera għal oħra tal-UE, sa Garanzija tal-Ħiliet li tgħin lill-adulti li għandhom ħiliet baxxi jitgħallmu ħiliet essenzjali fil-kitba u l-qari, fin-numri u f'dawk diġitali."     

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen, ikkummenta hekk: "F'dinja fejn kollox jinbidel malajr jeħtieġ li ninvestu fir-riżorsa ewlenija li għandna fl-Ewropa: in-nies In-nies għandhom bżonn sett ta' ħiliet biex jissodisfaw il-potenzjali tagħhom kemm bħala ċittadini attivi kif ukoll fuq ix-xogħol. Il-ħiliet iħollu u jorbtu f'dak li għandu x'jaqsam ma' prosperità, impjiegi, tkabbir u benesseri sostenibbli. L-Aġenda tal-Ħiliet ġdida tagħna għandha l-għan kemm li tiżgura li ħadd ma jibqa' lura kif ukoll li l-Ewropa trawwem il-ħiliet l-aktar avanzati li jixprunaw il-kompetittività u l-innovazzjoni."

Marianne Thyssen, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: Jeħtieġ li ninvestu aktar fil-ħiliet fl-Ewropa. L-aktar pajjiżi kompetittivi fl-UE, u fid-dinja, huma dawk li jinvestu l-aktar fil-ħiliet u 70 miljun Ewropew qed jiffaċċjaw ir-riskju li jaqgħu lura. Investiment aktar qawwi fil-ħiliet huwa ta' importanza kbira għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-ixprunar tat-tkabbir. U fuq kollox, huwa kruċjali li ngħinu lin-nies jiksbu l-miri tagħhom u dak li jixtiequ professjonalment biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Nistieden lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lid-dinja tan-negozju biex jaħdmu id f'id magħna sabiex din l-Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa tkun suċċess."

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, qal: "Li nħarsu fit-tul huwa kruċjali biex l-Aġenda tal-Ħiliet tkun suċċess. Mhux nirranġaw l-ispariġġ tal-ħiliet attwali biss irridu, iżda ma nħallux li jiffurmaw aktar diskrepanzi fil-futur. Għaldaqstant jiena kuntent li nara li l-Aġenda tal-Ħiliet tiddefinixxi b'mod wiesa' l-ħiliet u tfittex li ġġib 'il quddiem il-medda sħiħa tal-ħiliet trażversali li jgħinu lin-nies jirnexxu f'dawn l-ekonomniji tagħna li dejjem qed jinbidlu malajr u li jsiru ċittadini attivi li jgħixu ħajja indipendenti u ta' sodisfazzjon.

B’mod konkret, il-Kummissjoni qed tipproponi 10 azzjonijiet biex jiġu żviluppati matul is-sentejn li ġejjin,li xi wħud minnhom se jitniedu llum:

  • Garanzija tal-Ħiliet biex tgħin lil dawk l-adulti li għandhom ħiliet baxxi jiksbu livell minimu ta' ħila fil-kitba u l-qari, kompetenza diġitali u fin-numri u progress lejn kwalifika ta' edukazzjoni għolja sekondarja.
  • Reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal fehim aħjar tal-kwalifiki u biex isir użu aħjar tal-ħiliet kollha disponibbli fis-suq tax-xogħol Ewropew.
  • “Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet Diġitali u l-Impjiegi ” li tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-impjiegi u tal-industrija sabiex jiżviluppaw riżorsa kbira ta' talenti diġitali u jiżguraw li l-individwi u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa jkunu mgħammra b’ħiliet diġitali adegwati.
  • Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali fil-Ħiliet biex tiżdied l-informazzjoni dwar il-ħiliet u jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħiliet f'oqsma speċifiċi tal-ekonomija.

Aktar tard din is-sena u fl-2017 se jitnedew aktar azzjonijiet:

  • "' Għodda tal-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi" biex jingħata appoġġ lill-identifikazzjoni u lit-tfassil ta' profili tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni li jfittxu l-asil, tar-refuġjati u ta' migranti oħra.
  • Reviżjoni tal-Qafas Europass, biex in-nies jingħataw għodda aħjar u aktar faċli fl-użu meta jippreżentaw il-ħiliet tagħhom u biex jiksbu informazzjoni utli fil-ħin reali dwar il-ħtiġijiet u x-xejriet tal-ħiliet li tista' tgħinhom fl-għażliet tal-karriera u tat-tagħlim.
  • L-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) isiru l-ewwel għażla bit-tisħiħ tal-opportunitajiet għall-istudenti tal-ETV biex jidħlu għal esperjenza tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u biex tingħata aktar viżibbiltà lir-riżultati tajba tal-ETV fis-suq tax-xogħol.
  • Reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin biex aktar nies ikunu jistgħu jiksbu s-sett ewlieni ta' ħiliet li huwa meħtieġ għax-xogħol u għall-ħajja fis-seklu 21 b'attenzjoni speċjali fuq il-promozzjoni ta' mentalitajiet u ħiliet imprenditorjali orjentati lejn l-innovazzjoni.
  • Inizjattiva dwar l-ittraċċar tal-gradwati biex ikun hemm informazzjoni aħjar dwar kif il-gradwati jimxu 'l quddiem fis-suq tax-xogħol.
  • Proposta biex issir aktar analiżi u jkun hemm skambju tal-aħjar prassi dwar modi effettivi biex jiġi indirizzat l-eżodu ta' mħuħ.

Sfond

L-Aġenda Ewropea tal-Ħiliet tħabbret fil-Programm ta' Ħidma 2016 tal-Kummissjoni. Se tagħti appoġġ lill-konverġenza soċjali lejn livelli ogħla u tikkontribwixxi lejn l-ewwel prijorità politika tal-Kummissjoni Ewropea, "Spinta Ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment" billi tindirizza tliet sfidi urġenti tal-ekonomiji tallum: in-nuqqas ta' ħiliet rilevanti li jissodisfaw il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' trasparenza ta' ħiliet u kwalifiki, u d-diffikultà tal-antiċipazzjoni u t-tbassir tal-ħiliet.

Għal aktar informazzjoni

MEMO

Skeda Informattiva: Ħiliet fl-UE

Skedi informattivi speċifiċi għall-pajjiż

Skeda Informattiva: Ħiliet diġitali

Skeda Informattiva: Ħiliet ekoloġiċi

Skeda Informattiva: L-investiment fil-ħiliet

Skeda Informattiva: Spariġġi fil-livell settorjali

Skeda Informattiva: Ħiliet u migranti

L-aħbar fuq is-sit web tad-DĠ Edukazzjoni u Kultura - Skeda informattiva dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet

L-aħbar fuq is-sit web tad-DĠ Impjiegi

Komunikazzjoni "Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex jissaħħu l-kapital uman u l-impjegabbiltà u l-kompetittività”

Cedefop tbassir tal-ħiliet/panorama ta' ħiliet 2016

Filmati dwar l-Aġenda tal-Ħiliet Ġodda

#EUSkillsAgenda

Segwi lil Valdis Dombrovskis fuq Facebook u twitter

Segwi lil Jyrki Katainen fuq Facebook u twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u twitter

Segwi lil Tibor Navracsics fuq Facebook u twitter

 

Abbona mingħajr ħlas b'email għall- bulettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

IP/16/2039

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar