Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Strasburgu, it-2ta' frar 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

L-attakki terroristiċi riċenti fl-Unjoni Ewropea u lil hinn juru l-ħtieġa għal rispons Ewropew b'saħħtu u kkoordinat għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà identifikat numru ta’ oqsma biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Pjan ta’ Azzjoni kompressiv tal-lum se jwassal għal rispons b’saħħtu u fil-pront għall-isfidi attwali, billi jibni fuq ir-regoli eżistenti tal-UE u jikkumplimentahom fejn neċessarju. Permezz ta’ miżuri konkreti, se tadotta jew tipproponi regoli addizzjonali biex tittratta theddidiet ġodda.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, qal: "Irridu neqirdu r-riżorsi li t-terroristi jużaw biex iwettqu r-reati koroh tagħhom. Permezz tal-identifikazzjoni u t-tfixkil ta’ finanzjament ta' netwerks terroristiċi, nistgħu nnaqqsu l-abbiltà tagħhom li jivvjaġġaw, li jixtru armi u splussivi, li jippjanaw attakki u li jxerrdu l-mibegħda u l-biża’ onlajn. Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se taġġorna u tiżviluppa regoli u strumenti tal-UE permezz ta’ miżuri mfassla sew biex jindirizzaw it-theddid emerġenti u tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex isaħħu l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u jikkooperaw aħjar, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Huwa kruċjali li naħdmu flimkien dwar il-finanzjament tat-terroriżmu biex niksbu riżultati u nipproteġu s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej.”

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis, responsabbli mil-Ewro u mid-Djalogu Soċjali, qal: "Permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-lum qegħdin naġixxu fil-pront biex inrażżnu l-finanzjament tat-terroriżmu, billi nibdew bi proposti leġiżlattivi fix-xhur li ġejjin. Jeħtieġ li naqtgħu l-aċċess tat-terroristi għal fondi, nippermettu lill-awtoritajiet biex jintraċċaw aħjar il-flussi finanzjarji biex jipprevjenu attakki devastanti bħal dawk f’Pariġi tas-sena li għaddiet, u niżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu sanzjonati fl-Istati Membri kollha. Irridu ntejbu s-sorveljanza tal-ħafna mezzi finanzjarji użati mit-terroristi, minn flus kontanti u oġġetti kulturali għal muniti virtwali u kards anonimi mħallsa minn qabel, filwaqt li nevitaw ostakoli mhux meħtieġa għall-funzjonament ta’ pagamenti u swieq finanzjarji għaċ-ċittadini ordinarji li josservaw il-liġi.”

Il-Pjan ta’ Azzjoni se jiffoka fuq azzjoni f'żewġ oqsma ewlenini:

  • L-intraċċar tat-terroristi permezz tal-movimenti finanzjarji u l-impediment li jittrasferrixu fondi jew assi oħra;
  • It-tfixkil tas-sorsi tad-dħul użati minn organizzazzjonijiet terroristiċi, billi jiffoka fuq il-kapaċità tagħhom li jiġbru l-fondi.

Prevenzjoni tal-moviment ta’ fondi u l-identifikar tal-finanzjament terroristiku

It-terroristi huma involuti f’varjetà ta’ attivitajiet leċiti u illeċiti għall-finanzjament ta’ atti terroristiċi. L-intraċċar tal-flussi finanzjarji jista’ jgħin biex jiġu identifikati u segwiti netwerks terroristiċi. Strumenti finanzjarji u modi ta’ ħlas ġodda joħolqu vulnerabbiltajiet ġodda li jeħtieġ li jiġu indirizzati. L-għeluq tal-għażliet għal finanzjament tat-terroriżmu huwa kruċjali għas-sigurtà, iżda miżuri f’dan il-qasam jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-ħajja u l-attività ekonomika taċ-ċittadini u tal-kumpaniji madwar l-UE. Din hija r-raġuni għalfejn il-proposti tal-Kummissjoni għandhom jibbilanċjaw il-ħtieġa li tiżdied is-sigurtà mal-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-dejta personali, u l-libertajiet ekonomiċi.                      

L-adozzjoni tar-Raba’ Pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus f’Mejju 2015 tirrappreżenta pass sinifikanti biex titjieb l-effettività tal-isforzi tal-UE biex tikkumbatti l-ħasil ta’ flus minn attivitajiet kriminali u għall-ġlieda kontra l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. Issa jeħtieġ li jiġi implimentat fil-pront mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom li jagħmlu dan sa tmiem l-2016. F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li tikkriminalizza l-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament ta’ reklutaġġ, taħriġ u vjaġġar għal skopijiet ta’ terroriżmu. Il-Kummissjoni issa se tiproponi modi ulterjuri biex jiġi indirizzat l-abbuż tas-sistema finanzjarja għal finijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Aħna se nipproponu għadd ta’ emendi mmirati lejn ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus sa mhux aktar tard mill-aħħar tat-tieni kwart tal-2016, fl-oqsma li ġejjin:

  • Niżguraw livell għoli ta’ salvagwardji għal flussi finanzjarji minn pajjiżi terzi ta’ riskju għoli: Il-Kummissjoni se temenda d-Direttiva biex tinkludi lista tal-verifiki kollha mandatorji (miżuri ta’ diliġenza dovuta) li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom iwettqu fuq il-flussi finanzjarji minn pajjiżi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Bl-applikazzjoni tal-istess miżuri fl-Istati Membri kollha jiġu evitati lakuni fl-Ewropa, fejn it-terroristi jistgħu jmexxu operazzjonijiet f’pajjiżi b’livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni;
  • Intejbu s-setgħat tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE u niffaċilitaw l-kooperazzjoni tagħhom: l-ambitu tal-informazzjoni aċċessibbli mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja se titwessa’, skont l-aħħar standards internazzjonali;
  • Bank nazzjonali u reġistri tal-kontijiet tal-ħlas ċentralizzati jew sistemi tal-irkupru ta’ dejta ċentrali fl-Istati Membri kollha: Id-Direttiva se tiġi emendata biex tagħti l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja aċċess eħfef u aktar malajr għal informazzjoni dwar id-detenturi ta’ kontijiet bankarji u kontijiet tal-ħlas;
  • Nindirizzaw riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma’ muniti virtwali: biex jiġi evitat l-abbuż tagħhom għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni tipproponi li jġib il-pjattaformi ta' skambju ta’ muniti virtwali fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, b’tali mod li dawn il-pjattaformi jkollhom japplikaw kontrolli ta’ diliġenza dovuta mal-klijent meta jbiddlu muniti virtwali għal dawk reali, li ttemm l-anonimità assoċjata ma’ tali skambji;
  • Nindirizzaw riskji marbuta ma’ strumenti anonimi mħallsa minn qabel (pereż. kards imħallsa minn qabel): Il-Kummissjoni qed tipproponi li jitbaxxew il-limiti għall-identifikazzjoni u jitwessgħu r-rekwiżiti ta' verifika tal-klijent. Il-proporzjonalità se tingħata l-attenzjoni xierqa, partikolarment fir-rigward tal-użu ta' dawn il-kards minn ċittadini vulnerabbli finanzjarjament.

Miżuri oħra se jinkludu:

  • Titjieb tal-effiċjenza tat-traspożizzjoni tal-UE ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-assi tan-NU u tittejjeb l-aċċessibilità tal-elenkar tan-NU għall-istituzzjonijiet finanzjarji u operaturi ekonomiċi tal-UE sa tmiem l-2016. Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll il-ħtieġa għal reġim speċifiku tal-UE għall-iffriżar tal-assi tat-terroristi;
  • Kriminalizzazjoni tal-ħasil tal-flus: definizzjoni komuni kompressiva ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus u s-sanzjonijiet madwar l-UE se jevitaw ostakoli għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija transfruntiera biex jiġi indirizzat il-ħasil tal-flus;
  • Limitar tar-riskji marbuta ma’ ħlasijiet fi flus kontanti: Permezz ta’ proposta leġiżlattiva dwar il-movimenti ta’ flus illeċiti, il-Kummissjoni se testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament eżistenti biex jinkludi flus kontanti mibgħuta bil-baħar jew bil-posta u sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu fuq ammonti aktar baxxi ta’ flus kontanti fejn ikun hemm suspetti ta’ attività illegali;
  • Tevalwa miżuri addizzjonali biex tintraċċa l-finanzjament tat-terroriżmu: Il-Kummissjoni se tesplora l-ħtieġa ta' sistema komplementari tal-UE għall-intraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju biex tkopri pagamenti fl-UE li ma jinqabdux mill-Programm dwar l-Intraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu bejn l-UE u l-Istati Uniti (Terrorism Financing Tracking Programme, TFTP).

Tfixkil tas-sorsi ta’ dħul ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi

Kummerċ illeċitu fiż-żoni bħalissa okkupati huwa sors primarju ta’ introjtu tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, inkluż il-kummerċ illeċitu f’beni kulturali u l-kummerċ ta’ annimali selvaġġi. Huma jistgħu wkoll jiggwadanjaw minn kummerċ fi prodotti legali. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jipprovdu assistenza teknika lil pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ beni kulturali u jipprovdu appoġġ lil pajjiżi terzi biex jikkonformaw mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’dan il-qasam. Pajjiżi fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq u fix-Xlokk tal-Asja se jirċievu wkoll appoġġ biex itejbu l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Fl-2017 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex jissaħħu s-setgħat tal-awtoritajiet doganali biex jindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu permezz tal-kummerċ f’oġġetti, pereżempju billi jiġu indirizzati gwadanji illegali permezz ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali moħbija, rappreżentazzjoni ħażina tal-valur tal-merkanzija u fatturi fittizji.

Proposta oħra se tindirizza l-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali biex testendi l-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali għal numru akbar ta’ pajjiżi.

Passi li jmiss

Il-Pjan ta’ Azzjoni jelenka numru ta’ miżuri konkreti li se jiġu implimentati minnufih mill-Kummissjoni. Oħrajn se jsegwu fix-xhur li ġejjin. L-azzjonijiet kollha preżentati llum għandhom jitwettqu sal-aħħar tal-2017 (ara l-iskeda ta' żmien dettaljat fl-skeda informattiva).

Sfond

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tenfasizza l-ħtieġa għal miżuri biex jiġi indirizzat il-finanzjament tat-terroriżmu b’mod aktar effettiv u komprensiv. Passi meħuda matul is-sena li għaddiet jinkludu l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-iffirmar mill-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-20 ta’ Novembru, tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-8 ta’ Diċembru, kif ukoll tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2015 enfasizzaw il-ħtieġa li tkompli tintensifika l-ħidma f’dan il-qasam. Fl-istess ħin, ir-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta’ Diċembru 2015, aktar speċifikament immirata lejn il-finanzjament għad-Da’esh u l-estensjoni tal-iskema ta’ qabel tar-reġim ta’ sanzjonijiet kontra “Al Qaeda”, urew kunsens globali qawwi biex tittieħed azzjoni kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Għal iżjed tagħrif

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Q&A

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

 

IP/16/202

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar