Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva

Brussell, it-2ta' gunju 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat gwida li għandha l-għan li tappoġġa lill-konsumaturi, lin-negozji u lill-awtoritajiet pubbliċi b'mod li jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom b’fiduċja fl-ekonomija kollaborattiva.

Jekk jiġu mħeġġa u żviluppati b’mod responsabbli, dawn il-mudelli ġodda ta’ negozju jistgħu jagħtu kontribuzzjoni importanti fl-oqsma tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

L-ekonomija kollaborattiva qed tikber b’rata mgħaġġla. Hekk kif qed tistabbilixxi ruħha fl-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali qed jirreaġixxu permezz ta’ serje varjata ta’ azzjonijiet regolatorji differenti. Dan l-approċċ frammentat fir-rigward ta' mudelli ġodda ta' negozju joħloq inċertezza għall-operaturi tradizzjonali, għall-fornituri ta’ servizzi ġodda kif ukoll għall-konsumaturi u jista’ jxekkel l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir. Kif ġie mħabbar fl-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku, il-Kummissjoni llum ħarġet gwida għall-Istati Membri bl-għan li jiġi żgurat li l-ekonomija kollaborattiva tiżviluppa b'mod bilanċjat.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: "Ekonomija Ewropea kompetittiva teħtieġ l-innovazzjoni, kemm fil-qasam tal-prodotti kif ukoll fil-qasam tas-servizzi. L-ekonomija kollaborattiva tista' twassal għall-ħolqien tan-negozju Ewropew il-ġdid matur li jmiss b’valur ta’ mill-inqas EUR 1 biljun. Ir-rwol tagħna hu li nħeġġu ambjent regolatorju li jippermetti l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, filwaqt li tingħata protezzjoni lill-konsumaturi u jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' tassazzjoni ġusti u kundizzjonijiet ta' impjieg ġusti."

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “L-ekonomija kollaborattiva hija opportunità għall-konsumaturi, l-imprendituri u n-negozji – iżda rridu nagħmlu ħilitna biex din tirnexxi. Jekk inħallu s-Suq Uniku tagħna jifframmenta ruħu fil-livell nazzjonali jew lokali, hemm riskju li l-effett negattiv jinħass fl-Ewropa kollha. Illum qed nipprovdu gwida legali għall-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi tas-suq għall-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli ta’ dawn il-mudelli ġodda ta' negozju. Nistiednu lill-Istati Membri biex iwettqu rieżami tar-regolamentazzjoni tagħhom fid-dawl ta’ din il-gwida u ninsabu lesti li nappoġġawhom f’dan il-proċess.”

Il-Komunikazzjoni “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” tipprovdi gwida dwar kif il-liġijiet eżistenti tal-UE għandhom jiġu applikati għal dan is-settur dinamiku u li qed jevolvi malajr, u tiċċara l-kwistjonijiet ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom kemm l-operaturi tas-suq kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi:

  • X’tip ta’ rekwiżiti jistgħu jiġu imposti b'rabta mal-aċċess għas-suq? Il-fornituri ta’ servizzi għandhom ikunu obbligati biss li jiksbu awtorizzazzjonijiet jew liċenzji tan-negozju fejn dawn ikunu strettament meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet rilevanti ta’ interess pubbliku. Projbizzjonijiet assoluti ta’ attività għandhom ikunu biss miżura tal-aħħar istanza. Il-pjattaformi m’għandhomx ikunu soġġetti għal awtorizzazzjonijiet jew liċenzji meta dawn jaġixxu biss bħala intermedjarji bejn il-konsumaturi u dawk li joffru s-servizz proprju (eż. servizz ta' akkomodazzjoni jew ta' trasport). L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu distinzjoni bejn ċittadini individwali li jipprovdu servizzi fuq bażi okkażjonali u fornituri li jaġixxu f’kapaċità professjonali, pereżempju billi jiġu stabbiliti livelli limitu bbażati fuq il-livell ta’ attività.
  • Min hu responsabbli jekk tinqala’ problema? Il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu jiġu eżentati milli jinżammu responsabbli għall-informazzjoni li jaħżnu f’isem dawk li joffru servizz. M'għandhomx ikunu eżentati mir-responsabbiltà għal servizzi li joffru huma stess, bħal pereżempju servizzi ta’ ħlas. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pjattaformi kollaborattivi biex ikomplu jieħdu azzjoni volontarja sabiex jiġġieldu kontra l-kontenut illegali fuq l-internet u biex iżidu l-fiduċja.
  • Il-liġijiet tal-UE dwar il-konsumaturi kif jipproteġu lill-utenti? L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu minn livell għoli ta’ ħarsien minn prattiki kummerċjali inġusti, filwaqt li ma jiġux imposti obbligi sproporzjonati fuq individwi privati li jipprovdu servizzi fuq bażi okkażjonali biss.
  • Meta jitqies li teżisti relazzjoni tax-xogħol? Fil-biċċa l-kbira l-liġi tax-xogħol taqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali, ikkumplimentata bi standards soċjali minimi u l-ġurisprudenza tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkunsidraw kriterji bħar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni għall-pjattaforma, in-natura tax-xogħol u r-remunerazzjoni meta jkun qed jiġi deċiż jekk persuna tistax titqies bħala impjegat ta’ pjattaforma.
  • Liema regoli dwar it-taxxa japplikaw? Il-fornituri ta’ servizzi u l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva jridu jħallsu t-taxxi, bħalma jridu jagħmlu wkoll il-parteċipanti l-oħra fl-ekonomija. Taxxi rilevanti jinkludu t-taxxa fuq l-introjtu personali, it-taxxa fuq l-introjtu korporattiv u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. L-Istati Membri huma mħeġġa biex ikomplu jissimplifikaw u jiċċaraw l-applikazzjoni tar-regoli tat-taxxa għall-ekonomija kollaborattiva. Il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali biex jirreġistraw l-attività ekonomika u jiffaċilitaw il-ġbir tat-taxxi.

Il-Komunikazzjoni tistieden lill-Istati Membri tal-UE jwettqu rieżami u, fejn xieraq, jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti skont din il-gwida. Il-Kummissjoni se tkun qed timmonitorja l-ambjent regolatorju li qed jinbidel b'rata mgħaġġla, kif ukoll l-iżviluppi ekonomiċi u kummerċjali. Se ssegwi x-xejriet tal-prezzijiet u tal-kwalità tas-servizz, u tidentifika l-ostakoli u l-problemi li jistgħu jirriżultaw minn regolamenti nazzjonali diverġenti jew lakuni regolatorji.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet frekwenti

Komunikazzjoni dwar l-aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal: Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva – analiżi ta’ sostenn

L-ekonomija kollaborattiva fuq is-sit web tal-Kummissjoni

Rapport ta’ sinteżi tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Ekonomija Kollaborattiva

Ewrobarometru: L-użu ta’ pjattaformi kollaborattivi

 

 

IP/16/2001


Side Bar