Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea u Kumpaniji tal-IT iħabbru Kodiċi ta' Kondotta dwar id-diskors illegali ta' mibegħda onlajn

Brussell, il-31ta' mejju 2016

Il-Kummissjoni flimkien ma' Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft ("il-kumpaniji tal-IT") illum qegħdin jiżvelaw kodiċi ta' kondotta li jinkludi serje ta' impenji biex jiġi miġġieled it-tifrix ta' diskors illegali ta' mibegħda onlajn fl-Ewropa.

Il-Kumpaniji tal-IT qegħdin jappoġġaw il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-isforz tagħhom li jindirizzaw l-isfida li jiżguraw li l-pjattaformi onlajn ma joffrux opportunitajiet għad-diskors illegali ta' mibegħda onlajn biex jinfirex viralment.  Flimkien ma' pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħrajn, dawn għandhom ir-responsabbiltà kollettiva u l-unur li jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà ta' espressjoni fid-dinja onlajn kollha. Madankollu, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kumpaniji tal-IT jagħrfu li l-firxa tad-diskors illegali ta' mibegħda onlajn mhux biss jaffettwa b'mod ħażin il-gruppi jew l-individwi fil-mira tiegħu, imma jaffettwa b'mod negattiv lil dawk li jsemmgħu leħinhom favur il-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni fis-soċjetajiet miftuħa tagħna, u għandha effett li jkexkex id-diskors demokratiku fuq il-pjattaformi online.

Sabiex tipprevjeni l-firxa tad-diskors illegali ta' mibegħda, huwa essenzjali li jkun żgurat li l-liġijiet nazzjonali rilevanti li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija jiġu eżegwiti bis-sħiħ mill-Istati Membri fl-ambjent onlajn kif ukoll dak offlajn. Filwaqt li l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw id-diskors ta' mibegħda tiddependi fuq sistema robusta tal-eżekuzzjoni ta' sanzjonijiet tal-liġi kriminali kontra min jagħmel diskors ta' mibegħda, ix-xogħol għandu jkun komplementat b'azzjonijiet imfassla biex jiżguraw li d-diskors illegali ta' mibegħda onlajn jiġi ezaminat mill-iktar fis minn intermedjarji onlajn u pjattaformi tal-midja soċjali, malli jirċievu notifika valida, f'terminu ta' żmien xieraq. Biex tiġi meqjusa valida f'dan ir-rigward, notifika trid tkun preċiża u tkun sostanzjata b'mod adegwat.

Vĕra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, qalet: "L-attakki terroristiċi reċenti fakkruna dwar il-bżonn urġenti li jiġi indirizzat id-diskors illegali ta' mibegħda onlajn.Sfortunatament, il-midja soċjali hija waħda mill-għodod li l-gruppi terroristiċi jużaw biex jirradikalizzaw iż-żgħażagħ u għar-razzisti biex ixerrdu l-vjolenza u l-mibegħda. Dan il-ftehim huwa pass importanti 'l quddiem biex niżguraw li l-internet jibqa' post ta' espressjoni ħielsa u demokratika, li fih il-valuri u l-liġijiet Ewropej jiġu rrispettati. Jien nilqa' l-impenn tal-kumpaniji internazzjonali tal-IT biex jevalwaw il-maġġoranza tan-notifiki validi għat-tneħħija tad-diskors illegali ta' mibegħda f'inqas minn 24 siegħu u jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal dan il-kontenut, jekk ikun meħtieġ."

Karen White, il-Kap tal-Politika Pubblika ta' Twitter għall-Ewropa, qalet: "L-imġiba ta' mibegħda m'għandha l-ebda post fuq Twitter u aħna se nkomplu nindirizzaw din il-kwistjoni direttament, flimkien mas-sħab tagħna fl-industrija u s-soċjetà ċivili. Aħna għadna impenjati li nħallu t-Tweets għaddejjin. Madankollu, hemm distinzjoni ċara bejn il-libertà ta' espressjoni u mġiba li tinċita l-vjolenza u l-mibegħda. Waqt li nieħdu passi fuq imġiba ta' mibegħda li tikser ir-regoli ta' Twitter, aħna nużaw ukoll il-kapaċitajiet inkredibbli tas-sit tagħna biex nagħtu spazju għal ilħna pożittivi, biex nisfidaw il-preġudizzju u biex nindirizzaw il-kawżi tal-għeruq fondi tal-intolleranza. Aħna entużjasti biex ikollna iktar djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, sħabna fis-soċjetà ċivili u l-kollegi tagħna fis-settur teknoloġiku dwar din il-kwistjoni."

Lie Junius, id-Direttur tal-Politika Pubblika u r-Relazzjonijiet mal-Gvernijiet ta' Google, qal: "Aħna impenjati li lin-nies intuhom aċċess għall-informazzjoni permezz tas-servizzi tagħna, imma dejjem ipprojbixxejna diskors ta' mibegħda illegali fuq il-pjattaformi tagħna. Aħna għandna sistemi effiċjenti biex neżaminaw notifiki validi f'inqas minn 24 siegħa u biex inneħħu l-kontenut illegali. Huwa pjaċir għalina li naħdmu mal-Kummissjoni biex niżviluppaw approċċi koregolatorji u awtoregolatorji biex niġġieldu d-diskors ta' mibegħda onlajn."

Monika Bickert, il-Kap tal-Ġestjoni tal-Politika Globali ta' Facebook qalet: "Nilqgħu it-tħabbira tal-lum u ċ-ċans li nkomplu xogħolna mal-Kummissjoni u mal-industrija teknoloġika usa' biex niġġieldu d-diskors ta' mibegħda. B'komunità globali ta' 1.6 biljun ruħ, aħna nistinkaw biex ikollna bilanċ bejn li nagħtu n-nies is-setgħa li jesprimu lilhom infushom filwaqt li niżguraw li nagħtu ambjent ta' rispett. Kif nagħmlu ċar fl-Istandards tal-Komunità tagħna, m'hemmx post għad-diskors ta' mibegħda fuq Facebook. Aħna nħeġġu lin-nies jużaw l-għodod ta' rapportar tagħna jekk isibu kontenut li huma jemmnu jmur kontra l-istandards tagħna, ħalli nkunu nistgħu ninvestigaw. It-timijiet tagħna mad-dinja kollha jeżaminaw dawn ir-rapporti 24 siegħa kuljum u jieħdu azzjoni fil-pront."

John Frank, il-Viċi President tal-Affarijiet tal-Gvern tal-UE ta' Microsoft, qal: "Aħna nagħtu valur għaċ-ċiviltà u l-espressjoni ħielsa, u għaldaqstant it-termini tal-użu tagħna jipprojbixxu l-promozzjoni tal-vjolenza u d-diskors ta' mibegħda fuq servizzi iħħowstjati mill-Microsoft. M'ilux, ħabbarna iktar passi biex speċifikament nipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta' kontenut terroristiku. Aħna se nkomplu noffru lill-utenti tagħna mod biex javżawna meta jaħsbu li l-politika tagħna tkun qed tinkiser. Li aħna sseħibna fil-Kodiċi ta' Kondotta jikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħna favur din il-kwistjoni importanti."

Billi ffirmaw dan il-kodiċi ta' kondotta, il-kumpaniji tal-IT qegħdin jimpenjaw ruħhom li jkomplu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw id-diskors illegali ta' mibegħda onlajn. Dan se jinkludi t-tkomplija tal-iżvilupp ta' proċeduri interni u taħriġ tal-istaff biex ikun garantit li jeżaminaw il-maġġoranza tan-notifiki validi għat-tneħħija ta' diskors illegali ta' mibegħda f'inqas minn 24 siegħa u li jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal dan il-kontenut, jekk ikun meħtieġ. Il-Kumpaniji tal-IT se jfittxu wkoll li jsaħħu s-sħubijiet li għandhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li se jgħinu biex jiġbdu l-attenzjoni lejn kontenut li jinċita l-vjolenza u l-imġiba ta' mibegħda. Il-Kumpaniji tal-IT u l-Kummissjoni Ewropea jimmiraw ukoll li jkomplu xogħolhom fl-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' kontronarrattivi indipendenti, ideat ġodda u inizjattivi, u li jappoġġaw programmi edukattivi li jinkoraġġixxu l-ħsieb kritiku.

Il-Kumpaniji tal-IT jissottolinjaw ukoll li l-kodiċi ta' kondotta preżenti huwa immirat li jiggwida l-attivitajiet tagħhom kif ukoll li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki ma' kumpaniji, pjattaformi tal-internet u operaturi tal-midja soċjali.

Il-kodiċi ta' kondotta jinkludi l-impenji pubbliċi li ġejjin:                                                                     

  • Il-Kumpaniji tal-IT, li ħadu r-riedni tat-tmexxija fil-ġlieda kontra t-tixrid illegali ta’ diskors ta’ mibegħda onlajn, ftiehmu mal-Kummissjoni Ewropea dwar kodiċi ta’ kondotta li jistabbilixxi l-impenji pubbliċi li ġejjin:                                                                                                                      
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandu jkollhom stabbiliti proċessi ċari u effettivi biex jirrevedu n-notifiki dwar id-diskors ta’ mibegħda illegali fis-servizzi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut bħal dan. Il-Kumpaniji tal-IT għandu jkollhom fis-seħħ Regoli jew Linji Gwida Komunitarji li jiċċaraw li huma jipprojbixxu l-promozzjoni ta’ inċitament għal vjolenza u kondotta ta' mibegħda.
  • Meta jirċievu notifika valida għal tneħħija, il-Kumpaniji tal-IT jirrevedu dawn it-talbiet kontra r-regoli tagħhom u linji gwida Komunitarji u, fejn ikun meħtieġ, il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, ma’ timijiet iddedikati li jirrevedu t-talbiet.
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jirrevedu l-maġġoranza tan-notifiki validi għal tneħħija ta’ diskors ta’ mibegħda illegali f’inqas minn 24 siegħa u jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut bħal dan, jekk ikun meħtieġ.
  • Flimkien ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumpaniji tal-IT għandhom jedukaw u jissensibilizzaw lill-utenti tagħhom dwar it-tipi ta’ kontenut mhux awtorizzati taħt ir-regoli tagħhom u l-linji gwida Komunitarji. Is-sistema ta’ notifika tista' tintuża bħala għodda għal dan l-iskop.
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-proċeduri għas-sottomissjoni ta’ notifiki, bl-għan li jtejbu l-veloċità u l-effikaċja tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kumpaniji tal-IT, b’mod partikolari dwar notifiki u d-diżattivazzjoni ta’ aċċess għal jew it-tneħħija ta’ diskors ta’ mibegħda onlajn illegali. L-informazzjoni għandha tiġi mgħoddija permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali magħżula mill-Kumpaniji tal-IT u l-Istati Membri rispettivament. Dan jippermetti wkoll lill-Istati Membri, u b’mod partikolari l-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi, biex ikomplu jsiru familjari mal-metodi biex jirrikonoxxu u jinnotifikaw lill-kumpaniji dwar diskors ta’ mibegħda onlajn illegali.
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta’ avviżi u mmarkar ta’ kontenut li jippromwovi l-inċitament għal vjolenza u kondotta ta' mibegħda fuq skala minn esperti, partikolarment permezz ta’ sħubijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi jipprovdu informazzjoni ċara dwar ir-regoli tal-kumpaniji individwali u linji gwida Komunitarji u regoli dwar il-proċessi ta' rappurtar u notifika. Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu s-sħubiji mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi jwessgħu l-firxa ġeografika ta’ dawn is-sħubiji u, fejn xieraq, biex jipprovdu appoġġ u taħriġ li jippermettu lill-imsieħba tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jaqdu r-rwol ta’ “korrispondent ta' fiduċja” jew ekwivalenti, b’rispett dovut għall-ħtieġa li tinżamm l-indipendenza u l-kredibilità tagħhom.
  • Il-Kumpaniji tal-IT jiddependu fuq appoġġ minn Stati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex jiġi żgurat aċċess għal netwerk rappreżentattiv ta' msieħba CSO u “korrispondenti ta' fiduċja” fl-Istati Membri kollha biex jipprovdu notifiki ta' kwalità għolja. Fuq is-siti elettroniċi tal-Kumpaniji tal-IT għandu jkun hemm disponibbli informazzjoni dwar "il-korrispondenti ta' fiduċja".
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jipprovdu taħriġ regolari lill-persunal tagħhom dwar l-iżviluppi attwali tas-soċjetà u biex jiskambjaw fehmiet dwar il-potenzjal għal aktar titjib.
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom u pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħra biex isaħħu l-iskambju tal-aħjar prattiki.
  • Il-Kumpaniji tal-IT u l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jirrikonoxxu l-valur ta' diskors indipendenti mmirat kontra r-rettorika ta' mibegħda u preġudizzju, lesti biex ikomplu x-xogħol tagħhom biex jidentifikaw u jippromwovu kontronarrattivi indipendenti, ideat ġodda u inizjattivi u jappoġġjaw programmi edukattivi li jinkoraġġixxu l-ħsieb kritiku.
  • Il-Kumpaniji tal-IT għandhom jintensifikaw il-ħidma tagħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jagħtu taħriġ fuq l-aħjar prattika kontra r-rettorika ta' mibegħda u l-preġudizzji u jżidu l-iskala ta’ avviċinament proattiv tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jgħinuhom iwettqu kampanji effettivi ta' diskors kontra l-mibegħda. Il-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tikkontribwixxi għal dan l-isforz billi tieħu passi biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-bżonnijiet speċifiċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward.
  • Il-Kummissjoni Ewropea f’koordinazzjoni mal-Istati Membri għandha tippromwovi l-osservanza tal-impenji stabbiliti f’dan il-kodiċi ta’ kondotta wkoll lejn il-kumpaniji tal-midja soċjali u pjattaformi rilevanti.

Il-Kumpaniji tal-IT u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li jivvalutaw l-impenji pubbliċi f’dan il-kodiċi ta’ kondotta fuq bażi regolari, inkluż l-impatt tagħhom. Huma jaqblu wkoll li jiddiskutu aktar dwar kif jistgħu jiġu promossi t-trasparenza u jħeġġu l-kontronarrattivi u narrattivi alternattivi. Għal dan l-għan, se jsiru laqgħat regolari u se tiġi ppreżentata valutazzjoni preliminari lill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu, il-Ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza sal-aħħar tal-2016.

Sfond

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-kumpaniji tal-midja soċjali biex tiżgura li d-diskors ta' mibegħda jiġi indirizzat onlajn b'mod simili għal mezzi oħrajn.

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (fl-Artiklu 14) wasslet għall-iżvilupp ta' proċeduri ta' tneħħija, iżda ma tirregolahomx fid-dettal. Proċedura "avviż u azzjoni" tibda meta xi ħadd jinnotifika fornitur ta' servizz ta' hosting - pereżempju netwerk soċjali, pjattaforma tal-kummerċ elettroniku jew kumpanija li tospita s-siti web - dwar kontenut illegali fuq l-internet (pereżempju kontenut razzist, ta' abbuż tat-tfal jew spam) u tintemm meta l-fornitur ta' servizz ta' hosting jieħu azzjoni kontra l-kontenut illegali.

Wara l-Kollokju tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali f'Ottubru 2015 dwar "It-tolleranza u r-rispett:nipprevjenu u niġġieldu l-mibegħda antisemitika u anti-Islamika fl-Ewropa", il-Kummissjoni bdiet djalogu ma' kumpaniji ewlenin tal-IT, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, biex jaraw kif l-aħjar jindirizzaw id-diskors illegali ta' mibegħda onlajn li jxerred il-vjolenza u l-mibegħda.

L-attakki terroristiċi riċenti u l-użu tal-mezzi soċjali mill-gruppi terroristiċi biex jirradikalizzaw iż-żgħażagħ għamlu din il-kwistjoni waħda iktar urġenti.

F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni diġà nediet il-Forum tal-UE dwar l-Internet biex iħares lill-pubbliku mit-tixrid ta' materjal terroristiku u l-isfruttar terroristiku tal-kanali ta' komunikazzjoni biex jiffaċilitaw u jiddirieġu l-attivitajiet tagħhom. L-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni straordinarju li sar wara l-attakki terroristiċi fi Brussell issottolinjaw il-ħtieġa biex ix-xogħol f'dan il-qasam jiġi skalat u biex ikun hemm qbil dwar Kodiċi ta' Kondotta dwar id-diskors ta' mibegħda onlajn.

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija tikkriminalizza l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp bħal dan iddefinit skont ir-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etniku. Din hija l-bażi ġuridika biex jiġi definit il-kontenut onlajn illegali.

Il-libertà tal-kelma hija valur ewlieni Ewropew li jrid jiġi ppreżervat. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet id-distinzjoni important bejn kontenut li "joffendi, jixxokkja jew jiddisturba lill-Istat jew kwalunkwe settur mill-popolazzjoni" u kontenut li fih inċitament ġenwin u serju għall-vjolenza u l-mibegħda. Il-Qorti għamlitha ċara li l-Istati jistgħu jagħmlu sanzjonijiet jew jipprevjenu kontenut bħal dan tal-aħħar.

Għal iktar tagħrif:

Kodiċi ta' Kondotta

Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali

 

IP/16/1937

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar