Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda għall-kummerċ elettroniku biex il-konsumaturi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku

Brussell, il-25ta' mejju 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ miżuri bil-għan li l-konsumaturi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jixtru u jbigħu l-prodotti u s-servizzi online aktar faċilment u b’aktar kunfidenza madwar l-UE.

Hija u timplimenta l-istrateġiji tas-Suq Uniku Diġitali u tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan fuq tliet livelli għaż-żieda tal-kummerċ elettroniku. Dan il-pjan jindirizza l-imblukkar ġeografiku, iraħħas il-kunsinni transfruntiera tal-pakketti u jagħmilhom aktar effiċjenti u jippromwovi l-fiduċja tal-konsumaturi permezz ta’ protezzjoni u infurzar aħjar.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Ta' spiss jiġri li wieħed ma jkunx jista' jaċċessa l-aħjar offerti huwa u jixtri mill-internet jew inkella jiddeċiedi li ma jixtrix minn pajjiż ieħor minħabba li l-prezz tal-posta jkun għali wisq jew għax jinkwieta dwar kif se jiġġieled għal drittijietu jekk xi ħaġa tmur ħażin. Aħna rridu nsolvu dawk il-problemi li lill-konsumaturi u lin-negozji mhux iħalluhom igawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’ xiri u ta' bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi mill-internet.”

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali qal: "L-inizjattiva tal-imblukkar ġeografiku tilħaq bilanċ tajjeb bejn l-interess tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jixtru mill-internet mingħajr fruntieri u bejn l-għoti ta' biżżejjed ċertezza legali lin-negozji. Jiena għandi kunfidenza li l-metodu tagħna, li jqis l-ispeċifitajiet ta' ċerti setturi, se jagħti l-ispinta meħtieġa lill-kummerċ elettroniku transfruntier fl-UE."

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs żiedet tgħid li: "Fis-Suq Uniku m'hemmx post għad-diskriminazzjoni bejn il-konsumaturi tal-UE abbażi tas-segmentazzjoni tas-swieq skont il-fruntieri nazzjonali. B’regoli aktar ċari, b'infurzar aħjar u b'kunsinni transfruntiera orħos tal-pakketti, il-konsumaturi u l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, se jsibuha aktar faċli biex jisfruttaw is-Suq Uniku tal-UE u l-kummerċ elettroniku transfruntier.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet: "Wisq nies fl-Ewropa joqogħdu lura milli jixtru mill-internet għaliex ma jafux x'inhuma drittijiethom jew għaliex jaħsbu li dawn diffiċli biex jiġu infurzati. Jien irrid li l-konsumaturi jixtru mill-internet bl-istess kunfidenza daqslikieku minn ħanut normali. Se nagħtu s-saħħa lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-konsumatur fuq l-internet u sabiex jieħdu passi kontra l-prattiki qarrieqa. Il-pakkett tal-lum huwa pass importanti fil-mixja lejn protezzjoni aħjar tal-konsumaturi fid-dinja tal-internet u biex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tas-suq.”

Il-pakkett tal-lum dwar il-kummerċ elettroniku huwa magħmul minn:

  • Proposta leġiżlattiva biex jiġi indirizzat l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat u forom oħra ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-istabbiliment;
  • Proposta leġiżlattiva biex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet u tittejjeb is-sorveljanza regolatorja tas-servizzi transfruntieri tal-kunsinni tal-pakketti;  
  • Proposta leġiżlattiva biex issaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi u gwida biex tiċċara, fost affarijiet oħra, dak li jikkwalifika bħala prattika kummerċjali żleali fid-dinja diġitali.

Il-prevenzjoni tal-imblukkar ġeografiku u forom oħra ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità jew fuq il-post tar-residenza

Il-Kummissjoni qed tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-konsumaturi li jkunu jridu jixtru xi prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE, kemm jekk mill-internet u kemm jekk minn ħanut, ma ssirilhomx diskriminazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-kundizzjonijiet tal-prezz, tal-bejgħ jew tal-ħlas, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat oġġettivament minħabba raġunijiet bħall-VAT jew bħal ċerti dispożizzjonijiet legali ta' interess pubbliku.

Meta konsumatur jidħol f'ħanut f'pajjiż ieħor tal-UE, is-sid ma joqgħodx jistaqsi għall-karta tal-identità tal-konsumatur biex jaċċetta l-bejgħ jew biex jaġġusta l-prezz jew il-kundizzjonijiet. Iżda fid-dinja tal-internet ta' spiss jiġri li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jaċċessaw l-offerti f'pajjiżi oħra, pereżempju billi l-konsumatur jittieħed awtomatikament fis-sit web li jkun speċifiku għall-pajjiżu jew inkella billi jintalab iħallas b'karta tad-debitu jew tal-kreditu ta' pajjiż partikolari. Fis-Suq Uniku m'hemmx post għal dan it-tip ta' diskriminazzjoni.

Filwaqt li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni diġà huwa stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Kummissjoni applikatu f'setturi tas-servizzi bħall-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi jew il-parks tad-divertiment, kemm il-kumpaniji u kif ukoll il-konsumaturi se jibbenefikaw minn ċertezza legali akbar dwar il-prattiki li huma permessi u dawk li mhumiex. Ir-Regolament se jipprovdi din iċ-ċertezza legali u l-infurzabbiltà għall-prodotti u għas-servizzi online jew offline.

Sabiex ma jkunx hemm piż sproporzjonat fuq il-kumpaniji, ir-Regolament ma jimponix obbligu ta’ kunsinni madwar l-UE u jeżenta lin-negozji ż-żgħar li jaqgħu taħt ċertu livell tal-VAT nazzjonali minn xi dispożizzjonijiet.

Kunsinni transfruntiera tal-pakketti orħos u iktar effiċjenti

Ir-Regolament propost illum ser iżid it-trasparenza tal-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja tas-servizzi transfruntiera tal-kunsinni tal-pakketti biex il-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kunsinni bi prezzijiet orħos u minn possibilitajiet konvenjenti biex jibagħtu l-prodotti lura anki mir-reġjuni periferali u lejhom.

Il-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar jilmentaw li l-problemi bil-kunsinni tal-pakketti, b’mod partikolari l-ispejjeż għolja tal-kunsinni transfruntiera, iżommuhom milli jbigħu jew jixtru aktar minn madwar l-UE. Il-prezzijiet li jiċċarġjaw l-operaturi postali għat-twassil ta’ pakkett żgħir fi Stat Membru ieħor, spiss ikunu sa ħames darbiet ogħla mill-prezzijiet domestiċi, mingħajr rabta ċara mal-ispejjeż tabilħaqq involuti.

Ir-Regolament se jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni billi jintroduċi trasparenza akbar fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-kunsinni. Ir-regolazzjoni tal-prezzijiet hija biss mezz tal-aħħar rikors, jekk il-kompetizzjoni ma twassalx għal riżultati sodisfaċenti. Fl-2019, il-Kummissjoni se tqis il-progress li jkun sar u se tivvaluta jekk ikunux meħtieġa aktar miżuri.

Ir-Regolament ser jagħti lir-regolaturi postali nazzjonali l-informazzjoni li jeħtieġu biex jissorveljaw is-swieq transfruntiera u biex jikkontrollaw il-livell tal-prezzijiet u l-orjentament tal-ispejjeż tagħhom. Se jinkoraġġixxi wkoll il-kompetizzjoni billi se jeżiġi li jkun hemm aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għall-partijiet terzi għas-servizzi u għall-infrastruttura transfruntiera tal-kunsinni tal-pakketti. Il-Kummissjoni se tippubblika l-prezzijiet elenkati pubblikament tal-fornituri tas-servizzi universali biex tiżdied il-kompetizzjoni u t-trasparenza tat-tariffi bejn il-pari.

Il-proposta se żżid mal-inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni meħuda mill-operaturi postali biex jitjiebu l-kwalità u l-konvenjenza tas-servizzi transfruntiera tal-kunsinni tal-pakketti.

Iż-żieda tal-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku

Ir-reviżjoni proposta tar-Regolament tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur se tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-konsumatur. Se jkunu jistgħu:

  • jiċċekkjaw jekk is-siti web iwettqux imblukkar ġeografiku jew jekk joffrux servizzi ta’ wara l-bejgħ b'kundizzjonijiet li ma jirrispettawx ir-regoli tal-UE (eż. id-drittijiet tal-irtirar);
  • jordnaw it-tneħħija immedjata ta’ siti ingannużi;
  • jitolbu informazzjoni mingħand ir-reġistraturi tad-dominji u mingħand il-banek biex isiru jafu l-identità tan-negozjant responsabbli.

F’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-UE, il-Kummissjoni se tkun tista’ tikkoordina l-azzjonijiet konġunti mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar biex dawn il-prattiki jitwaqqfu. Dan se jiżgura protezzjoni aktar rapida tal-konsumaturi, filwaqt li jiġu ffrankati l-ħin u r-riżorsi tal-Istati Membri u tan-negozji.

Il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll dokument ta’ gwida aġġornata dwar il-prattiċi kummerċjali żleali biex twieġeb, fost l-oħrajn, għall-isfidi ppreżentati mid-dinja diġitali. Din il-gwida tiċċara l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali. Pereżempju, kwalunkwe pjattaforma online li tikkwalifika bħala “kummerċjant” u li tippromwovi jew tbigħ il-prodotti, is-servizzi jew xi kontenut diġitali lill-konsumaturi, trid tiżgura li l-prattiki kummerċjali tagħha jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi tal-konsumatur tal-UE. Il-pjattaformi jridu jiddikjaraw b’mod ċar li r-regoli dwar il-prattiċi kummerċjali żleali ma japplikawx għal persuni privati li jbigħu l-prodotti, u li l-magni tat-tiftix għandhom jiddistingwu b’mod ċar ir-reklami mħallsa mir-riżultati tat-tiftixa.

Il-Gwida riveduta tinkorpora wkoll żewġ settijiet ta’ prinċipji awtoregolatorji li qablu dwarhom il-partijiet ikkonċernati: sett wieħed se jappoġġja l-għodod tat-tqabbil sabiex ikunu iktar konformi mad-Direttiva u s-sett l-ieħor se jgħin fl-infurzar tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali kontra d-dikjarazzjonijiet ambjentali qarrieqa u bla bażi.

Sfond

Il-pakkett tal-lum dwar il-kummerċ elettroniku jikkomplementa żewġ proposti leġiżlattivi dwar il-provvista tal-kontenut diġitali u dwar il-bejgħ online u bejgħ ieħor mill-bogħod tal-prodotti li l-Kummissjoni pproponiet f’Diċembru 2015, u l-proposta għas-simplifikazzjoni tal-VAT li hija ppjanata għall-ħarifa 2016.

Fl-istess ħin tal-adozzjoni ta’ pakkett dwar il-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni llum ppreżentat ir-regoli awdjoviżivi tal-UE aġġornati u l-approċċ tagħha lejn il-pjattaformi online.  

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni "Approċċ komprensiv għall-istimolu tal-kummerċ elettroniku transfruntier għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-Ewropa"

Mistoqsijiet u tweġibiet: L-ixprunar tal-kummerċ elettroniku fl-UE

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat u forom oħra ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-post tar-residenza jew tal-istabbiliment, jew abbażi tan-nazzjonalità fis-Suq Uniku

Proposta għal Regolament dwar is-servizzi tal-kunsinni transfruntiera tal-pakketti

Proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali  

 

IP/16/1887

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar