Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni taġġorna r-regoli awdjoviżivi tal-UE u tippreżenta approċċ immirat għall-pjattaformi online

Brussell, il-25ta' mejju 2016

Illum, bil-proposta tagħha li taġġorna r-regoli awdjoviżivi tal-UE, il-Kummissjoni għandha f'moħħha l-ħolqien ta' ambjent aktar ġust għall-atturi kollha, il-promozzjoni tal-films Ewropej, il-protezzjoni tat-tfal u mod aktar effettiv kif tindirizza d-diskors ta' mibegħda. Din il-proposta tirrifletti wkoll approċċ ġdid għall-pjattaformi online bl-intenzjoni li jiġu indirizzati l-isfidi f'oqsma differenti.

Bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħha, illum il-Kummissjoni ppreżentat Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) aġġornata; ir-regoli komuni li rregolaw il-midja awdjoviżiva żguraw id-diversità kulturali u ċ-ċirkolazzjoni libera tal-kontenut fl-UE għal kważi 30 sena. Illum il-ġurnata t-telespettaturi ma jarawx il-vidjos biss fuq l-istazzjonijiet tat-televixin iżda qed jużaw ukoll aktar ta' spiss is-servizzi tal-vidjos fuq talba (video-on-demand) (bħal Netflix u MUBI) u pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' vidjos (video-sharing platforms) (bħal YouTube u Dailymotion). Huwa proprju għalhekk li l-Kummissjoni tixtieq tikseb bilanċ aħjar fir-regoli li japplikaw attwalment għax-xandara tradizzjonali, għal-fornituri tas-servizzi ta' vidjos fuq talba u għal pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' vidjos, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tat-tfal. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva riveduta ssaħħaħ ukoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea, tiżgura l-indipendenza tar-regolaturi awdjoviżivi u tagħti aktar flessibbiltà lix-xandara f'dak li għandu x'jaqsam mar-reklamar.

Din il-Proposta tirrifletti l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għall-pjattaformi online – bħas-swieq online, il-magni tat-tiftix (search engines), is-sistemi ta' pagament, il-midja soċjali u s-siti għall-kondiviżjoni ta' vidjos u ta' kontenut. Minn meta tnediet l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali f'Mejju 2015, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tar-rwol soċjali u ekonomiku ta’ dawn l-atturi l-ġodda. Illum il-Kummissjoni kkonkludiet li approċċ wieħed komuni għal kulħadd, ma jwassalx biex il-konsumaturi jibbenefikaw mill-opportunitajiet disponibbli u lanqas ma jgħin biex ir-regoli jiffaċċjaw l-isfidi differenti li jinħolqu minħabba t-tipi differenti ħafna ta’ pjattaformi online. Abbażi ta' dan l-approċċ, il-Kummissjoni se teżamina l-oqsma kollha fejn għandha dritt li taġixxi, mir-regoli tat-telekomunikazzjoni sar-regoli tad-drittijiet tal-awtur, biex tindirizza problemi speċifiċi b'mod orjentat lejn il-futur għall-operaturi kollha tas-suq.

Andrus Ansip, il-Viċi President tas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Irrid li l-pjattaformi online u s-setturi awdjoviżivi u kreattivi jkunu l-muturi tal-ekonomija diġitali, u li ma jkunux mgħobbija b'regoli bla bżonn. Għandhom bżonn iċ-ċertezza ta’ ambjent legali modern u ġust: hu huwa proprju dak li qegħdin nagħmlu llum. Dan ifisser li r-regoli eżistenti li digà jaħdmu tajjeb m'hemmx għalfejn jinbidlu, bħal dawk relatati mar-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi online. Dan ifisser ukoll deregolamentazzjoni fejn hemm bżonn fis-setturi tradizzjonali bħax-xandir, jew l-estensjoni ta' xi wħud mill-obbligi għal pjattaformi u atturi oħra diġitali biex titjieb il-protezzjoni tal-utenti u jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi."

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "Il-mod kif naraw it-televixin jew il-vidjos jista' jkun li nbidel iżda l-valuri tagħna le. B’dawn ir-regoli l-ġodda, aħna se niddefendu l-pluraliżmu fil-midja u l-indipendenza tar-regolaturi awdjoviżivi, u se niżguraw li l-inċitament għal mibgħeda ma jkunx hemm postu fuq pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' vidjos. Irridu wkoll niżguraw kundizzjonijiet ekwi, imġiba responsabbli, fiduċja u korrettezza fl-ambjent tal-pjattaformi online; il-Komunikazzjoni tagħna tal-lum tiddeskrivi l-viżjoni tagħna dwar dan."

Qafas għall-midja għas-seklu 21

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-Direttiva tal-2010 dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) u abbażi tagħha pproponiet:

  • Pjattaformi għal kondiviżjoni ta' vidjos b'mod responsabbli: Pjattaformi li jorganizzaw u jitteggjaw kwantità kbira ta’ vidjows se jkollhom jipproteġu l-minuri minn kontenut li jagħmel il-ħsara (bħall-pornografija u l-vjolenza) u jipproteġu liċ-ċittadini kollha mill-inċitament għal mibegħda. Miżuri dettaljati jinkludu għodda li tippermetti lill-utenti jirrappurtaw u jissinjalaw kontenut li jagħmel il-ħsara u sistemi ta' verifikazzjoni tal-età jew ta' kontroll mill-ġenituri. Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri jibqgħu rilevanti u effettivi fil-futur, il-Kummissjoni se tistieden lill-pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' vidjos kollha biex jaħdmu fi ħdan l-Alleanza għall-protezzjoni aħjar tal-minorenni online, bl-għan li titfassal kodiċi ta’ kondotta għall-industrija. Aktar milli jkunu sempliċiment awtoregolatorji, ir-regolaturi awdjoviżivi nazzjonali se jkollhom is-setgħa li jinfurzaw ir-regoli; dejjem skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu anki jingħataw multi.
  • Rwol aktar b'saħħtu għar-regolaturi awdjoviżivi: Id-Direttiva issa se tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji jkunu verament indipendenti mill-gvernijiet u mill-industrija, u jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bl-aħjar mod billi jiżguraw li l-midja awdjoviżiva taġixxi fl-interess tat-telespettaturi. Ir-rwol tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA), li huwa ffurmat mit-28 regolatur nazzjonali awdjoviżivi kollha, se jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni Awdjoviżivi se jivvaluta l-kodiċijiet koregolatorji ta’ kondotta u se jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea.
  • Aktar kreattività Ewropea: Attwalment, ix-xandara tat-televixin Ewropej jinvestu madwar 20 % tad-dħul tagħhom f'kontenut oriġinali mentri l-fornituri tas-servizzi fuq talba (on-demand) jinvestu inqas minn 1 %. Il-Kummissjoni trid li x-xandara tat-televiżjoni jkomplu jiddedikaw mill-inqas nofs il-ħin tax-xandir għal xogħlijiet Ewropej u se tobbliga lill-fornituri tas-servizzi fuq talba biex jiżguraw li mill-inqas 20 % tal-kontenut tal-katalgi tagħhom ikun Ewropew. Il-proposta tiċċara wkoll li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu lil fornituri tas-servizzi fuq talba li huma disponibbli f’pajjiżhom biex jikkontribwixxu finanzjarjament għal xogħlijiet Ewropej.
  • Aktar flessibiltà għax-xandara tat-televixin: It-telespettaturi li jixbgħu bl-ammont kbir ta' reklami fuq it-televixin issa jistgħu jaqilbu għal servizzi online mingħajr reklami, xi ħaġa li ma kinitx teżisti għaxar snin ilu. Ir-regoli awdjoviżivi riveduti huma reazzjoni għal din it-tip ta' sitwazzjoni, u għal realtajiet ġodda oħra. Id-Direttiva riveduta lix-xandara tagħtihom flessibilità akbar dwar meta għandhom ixandru r-reklami – il-limitu globali ta’ 20 % tal-ħin tax-xandir jinżamm bejn is-sebgħa ta' filgħodu u l-ħdax ta' filgħaxija, iżda minflok it-tnax il-minuta kull siegħa li hemm fis-seħħ bħalissa, ix-xandara jistgħu jagħżlu b’mod aktar liberu meta jxandru r-reklami matul il-ġurnata. Ix-xandara u l-fornituri tas-servizzi fuq talba se jkollhom ukoll flessibilità akbar fl-użu tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u tal-isponsers bil-kundizzjoni li jżommu lit-telespettaturi infurmati.

Huwa mistenni li dawn il-miżuri differenti jkollhom impatt ekonomiku pożittiv fuq il-fornituri tas-servizzi tal-midja – prinċipalment ix-xandara tat-televiżjoni – u se jżidulhom il-possibiltajiet biex jinvestu f’kontenut awdjoviżiv. Dan huwa importanti għall-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva tal-UE.

Il-pjattaformi online: opportunitajiet u sfidi għall-Ewropa

Il-pjattaformi online għandhom rwol ewlieni fl-innovazzjoni u fit-tkabbir tas-Suq Uniku Diġitali. Irrevoluzzjonaw l-aċċess għall-informazzjoni u qarrbu aħjar lix-xerrejja u lill-bejjiegħa b'mod ħafna aktar effiċjenti. Hemm bżonn li l-UE tintervjeni biex jinħoloq ambjent ideali li jattira, jikkonserva u jkattarl-innovaturi ġodda tal-pjattaformi online.

Il-Kummissjoni fasslet approċċ immirat, wieħed ibbażat fuq il-prinċipji, biex issolvi problemi ssinjalati minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tagħha tul il-valutazzjoni tal-pjattaformi tagħha li damet għaddejja sena (ara l-mistoqsijiet u t-tweġibiet). Il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi ta' awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni tal-industrija u tal-partijiet ikkonċernati biex tiżgura li dan l-approċċ jibqa' flessibbli u aġġornat. L-oqsma ta’ azzjoni jinkludu:

  • Regoli kumparabbli għal servizzi diġitali kumparabbli: is-ervizzi diġitali kumparabbli għandhom isegwu l-istess regoli jew regoli simili u fejn possibbli l-Kummissjoni għandha ċċekken l-ambitu u l-firxa tar-regoli eżistenti. Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-prinċipji fir-reviżjonijiet li qed isiru bħalissa tal-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u tad-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika, pereżempju meta tkun qed tikkunsidra jekk ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità għandhomx japplikaw għal fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online, kif ukoll għal kumpaniji tradizzjonali tat-telekomunikazzjonijiet.
  • Obbligu għall-pjattaformi online dwar l-imġiba responsabbli: Ir-reġim tar-responsabbiltà intermedjarja eżistenti, stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku għandu jinżamm. Se jiġu indirizzati problemi speċifiċi permezz ta’ strumenti apposta, bħalma huma regoli awdjoviżivi jew tad-drittijiet tal-awtur(stqarrija għall-istampa), jew sforzi volontarji mtejba mill-industrija.
    Pereżempju, il-Kummissjoni qed taħdem b'mod intensiv mal-pjattaformi online il-kbar nett fuq kodiċi ta' kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibgħeda fuq l-internet u se tippreżenta r-riżultati fil-ġimgħat li ġejjin.
  • Il-fiduċja hija indispensabbli:Il-kooperazzjoni fl-infurzar transfruntiera se tiżgura li l-pjattaformi jwettqu l-obbligi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-konsumaturi, pereżempju biex jindikaw b’mod ċar ir-riżultati tat-tiftix sponsorjati (stqarrija għall-istampa). Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll lill-industrija biex tintensifika l-isforzi volontarji fil-ġlieda kontra prattiki bħalma huma l-opinjonijiet online foloz jew qarrieqa. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-pjattaformi online biex jirrikonoxxu t-tipi differenti ta'identifikazzjonijiet elettroniċi sikuri (eID) li joffru l-istess serħan il-moħħ bħas-sistemi eID tagħhom stess.
  • Swieq miftuħa għal ekonomija xprunata mid-dejta: L-inizjattiva tal-fluss liberu tad-dejta ippjanata għal tmiem l-2016 se tiffaċilita l-iswiċċjar u l-portabbiltà tad-dejta bejn id-diversi pjattaformi online u s-servizzi ta' cloud computing.
  • Ambjent tan-negozju ġust u favur l-innovazzjoni: Il-Kummissjoni se twettaq eżerċizzju ta’ tiftix tal-fatti dwar kwistjonijiet imqajma fil-konsultazzjoni pubblika minn negozji u fornituri li jinteraġixxu b’mod dirett mal-pjattaformi. Dawn jinkludu, pereżempju, kwistjonijiet dwar termini u kundizzjonijiet inġusti, b’mod partikolari dwar aċċess għal bażijiet ta’ dejta importanti, aċċess għas-suq u nuqqas ta' trasparenza inġenerali. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni se tiddetermina, sar-rebbiegħa 2017, jekk hemmx bżonn ta' azzjoni addizzjonali tal-UE f’dan il-qasam.

Fl-aġenda Ewropea li ġejja tagħha għall-ekonomija kollaborattiva, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll gwida dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u se tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri.

Sfond

Dawn l-inizjattivi ġodda skont l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali llum qed jiġu preżentati flimkien ma’ pakkett li jagħti spinta lill-kummerċ elettroniku fl-UE (stqarrija għall-istampa).

Il-miżuri tal-lum huma b'segwitu għal sett ta’ inizjattivi għad-diġitazzjoni tal-industrija Ewropea (stqarrija għall-istampa), għal proposti dwar id-drittijiet tal-awtur (stqarrija għall-istampa) u għal kuntratti diġitali (stqarrija għall-istampa) u kif ukoll għal abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-koordinazzjoni tal-ispettru (stqarrija għall-istampa). L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tinkludi 16-il inizjattiva li se jiġu ppreżentati sal-aħħar ta’ din is-sena.

Għal aktar informazzjoni ara

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar il-pjattaformi online u dwar ir-regoli awdjoviżivi tal-UE

Id-dokumenti adottati llum:

Il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva

Il-komunikazzjoni dwar pjattaformi online u s-Suq Uniku Diġitali

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar pjattaformi online u s-Suq Uniku Diġitali

Fuq il-midja soċjali

#Is-SuqUnikuDiġitali

#Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva

#Pjattaformi

IP/16/1873

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar