Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tissikka r-regoli għal karozzi iktar sikuri u li jniġġsu inqas

Brussell, is-27ta' jannar 2016

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti leġiżlattivi biex tiżgura li l-manifatturi tal-karozzi jikkonformaw strettament mar-rekwiżiti kollha tal-UE dwar is-sikurezza, dawk ambjentali u tal-produzzjoni.

Il-Kummissjoni qed tipproponi tiġdid maġġuri ta' 'l hekk imsejjaħ qafas tal-approvazzjoni 'tat-tip tal-UE'. Taħt ir-regoli preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali huma unikament responsabbli biex jiċċertifikaw li vettura tissodisfa r-rekwiżiti kollha biex titqiegħed fis-suq u biex jissorveljaw il-konformità tal-manifatturi mal-liġi tal-UE. Il-proposti tal-lum se jagħmlu l-ittestjar tal-vetturi iktar indipendenti u se jżiedu s-sorveljanza tal-karozzi li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni. Sorveljanza Ewropea ikbar se ssaħħaħ is-sistema kumplessivament.

Il-Kummissjoni diġà kienet qed tirrevedi l-qafas tal-approvazzjoni tat-'tip tal-UE' għall-vetturi bil-mutur qabel ir-rivelazzjonijiet tal-każ tal-Volkswagen. Minn dak iż-żmien 'l hawn iddeċidiet li hija meħtieġa riforma iktar estiża biex ma jerġgħux jiġru każijiet ta' nuqqas ta’ konformità. Il-proposta tal-lum għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur tikkumplimenta l-isforzi biex jiġi introdott ittestjar tal-emissjonijiet iktar robust (ittestjar tal-Emissjonijiet Reali Waqt is-Sewqan).

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "F’Suq Uniku, li fih il-prodotti jiċċirkolaw b’mod liberu, kulħadd irid jirrispetta r-regoli. Ir-rivelazzjonijiet tal-każ tal-Volkwagen aċċennaw li s-sistema li tippermetti t-tqegħid tal-karozzi fis-suq teħtieġ iktar titjib. Sabiex terġa tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi f'din l-industrija importanti, jeħtieġ li nissikkaw ir-regoli iżda rridu niżguraw ukoll li dawn jiġu osservati b'mod effettiv. Huwa essenzjali li nerġgħu nġibu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u kompetizzjoni ġusta fis-suq."

Il-Kummissarju Elzbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet: "Is-Suq Uniku jirrikjedi infurzar rigoruż fis-setturi kollha, inkluż l-industrija tal-karozzi. Bil-proposti tagħna llum, se ntejbu l-kwalità u l-indipendenza tal-ittestjar tal-vetturi u se ntejbu s-sorveljanza tal-karozzi li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni. Dan jikkumplimenta l-isforzi tagħna biex nintroduċu l-iktar proċeduri robusti tal-ittestjar fid-dinja, li se nibqgħu nirfinaw u nirrivedu sabiex niżguraw li l-limiti tal-emissjonijiet l-iktar stretti jiġu verament issodisfati."

Is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip preżenti hija bbażata fuq fiduċja reċiproka: ladarba karozza tiġi ċċertifikata fi Stat Membru wieħed, din tkun tista' tiċċirkola liberament fl-UE kollha. Filwaqt li l-UE tistabbilixxi l-qafas legali, l-awtoritajiet nazzjonali huma kompletament responsabbli biex jikkontrollaw il-konformità tal-manifatturi tal-karozzi. L-abbozz tar-Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur iżomm il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, li huwa fil-qalba tas-Suq Uniku tal-UE, iżda jipprova jikkoreġi n-nuqqasijiet fis-sistema.

Il-proposta għal Regolament se tgħin biex jinkisbu tliet affarijiet ewlenin:

  • Rinforz tal-indipendenza u tal-kwalità tal-ittestjar li jippermetti t-tqegħid ta' karozza fis-suq: Il-maġġoranza tal-Istati Membri jinnominaw servizzi tekniċi, li jitħallsu direttament mill-manifatturi tal-karozzi, għall-ittestjar u l-ispezzjoni tal-konformità tal-vettura mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Il-Kummissjoni tipproponi l-modifika tas-sistema ta' rimunerazzjoni biex jiġu evitati r-rabtiet fiskali bejn is-servizzi tekniċi u l-manifatturi, li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess u jikkompromettu l-indipendenza tal-ittestjar. Il-proposta tipprevedi wkoll kriterji tal-prestazzjoni iktar strinġenti għal dawn is-servizzi tekniċi, li għandhom jiġu awditjati regolarment u indipendentament biex jiksbu u jżommu d-deżinjażżjoni tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip se jkunu suġġetti għal reviżjonijiet bejn il-pari biex ikun żgurat li r-regoli rilevanti jiġu implimentati u inforzati b'mod rigoruż fl-UE kollha.
  • Introduzzjoni ta' sistema ta' sorveljanza tas-suq effettiva għall-kontroll tal-konformità ta' karozzi li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni: Filwaqt li r-regoli preżenti primarjament jittrattaw kontrolli ex ante, fil-futur l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jwettqu verifiki fuq il-post tal-vetturi diġà fis-suq. Dawn se jagħmlu possibbli d-detezzjoni ta' nuqqas ta' konformità fi stadju bikri, u jiżguraw li tittieħed azzjoni korrettiva immedjata u robusta kontra vetturi li jinstab li ma humiex konformi u/jew li jippreżentaw riskju serju tas-sikurezza jew ħsara għall-ambjent. L-Istati Membri kollha għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta' salvagwardja kontra vetturi mhux konformi fit-territorju tagħhom mingħajr ma jistennew sakemm tittieħed azzjoni mill-awtorità li ħarġet l-approvazzjoni tat-tip. L-Istati Membri se jkollhom jirrevedu regolarment il-funzjonament tal-attivatajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom u jagħmlu r-riżultati disponibbli pubblikament.
  • Rinforz tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip b'sorveljanza Ewropea ikbar: Il-Kummissjoni se jkollha s-setgħa tissospendi, tirrestrinġi jew tirtira d-deżinjazzjoni ta' servizzi tekniċi li mhux qed ikollhom prestazzjoni tajba jew huma wisq laxki fl-applikar tar-regoli. Fil-futur il-Kummissjoni se tkun tista' twettaq l-ittestjar tal-verifika ex post (permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha) u, jekk ikun hemm bżonn, tibda t-treġġiegħ lura. Il-proposta, billi tippermetti lill-Kummissjoni timponi penali finanzjarji, se taħdem ta' deterrent biex il-manifatturi u s-servizzi tekniċi ma jkunux jistgħu jqegħdu vetturi mhux konformi fis-suq. Il-Kummissjoni se tippresjedi wkoll Forum ta' Rinforz li se jiżviluppa strateġiji tal-verifika tal-konformità komuni mal-Istati Membri u se torganizza awditi konġunti tas-servizzi tekniċi u tar-reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip.

Il-proposta żżomm il-projbizzjoni attwali fuq l-apparat ta' manipulazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom obbligu permanenti ta' superviżjoni u rinforz tagħha, iżda tmur ukoll pass lil hinn minn dan. Skont l-abbozz tar-Regolament, il-manifattur se jkollu jipprovdi aċċess għall-protokolli tas-softwer tal-karozza. Din il-miżura tikkumplimenta l-pakkett tal-Emissjonijiet Reali Waqt is-Sewqan, li se jagħmilha verament diffiċli biex wieħed jimmanipula r-rekwiżit tal-emissjonijiet u tinkludi obbligu fuq il-manifatturi biex jiżvelaw l-istrateġija ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, kif inhu l-każ fl-USA.

Passi li jmiss

L-abbozz tar-Regolament issa se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Ladarba jiġi adottat, se jkun applikabbli direttament. Se jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2007/46/KE (id-'Direttiva Qafas').

Għal iktar informazzjoni

M&R: Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur, ittestjar tal-emissjonijiet reali waqt is-sewqan

Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur

DOkument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Valutazzjoni tal-Impatt

Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs


IP/16/167

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar