Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni qed tipproponi protezzjoni aħjar għall-ħaddiema kontra l-kimika li tikkawża l-kanċer

Brussell, it-13ta' mejju 2016

Il-kanċer huwa l-ewwel kawża tal-imwiet relatati max-xogħol fl-UE, li jammontaw għal 53 % tat-total u għalhekk l-ikbar riskju uniku għas-saħħa tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea.

Biex ittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema minn kimika li tikkawża l-kanċer, illum il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet fid-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (2004/37/KE) biex tillimita l-espożizzjoni għal 13-il kimika li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet: "Il-kanċer għandu impatt qawwi fuq il-ħaddiema, il-familji tagħhom, l-industrija u s-soċjetà. B’din il-proposta se nsalvaw 100,000 ħajja fil-50 sena li ġejjin. Il-protezzjoni tal-ħaddiema hija lfi-qalba tal-impenn tal-Kummissjoni lejn Ewropa soċjali b'saħħitha."

B’mod konkret, il-Kummissjoni qed tipproponi li tindirizza l-espożizzjoni għal 13-il kimika li jikkawżaw il-kanċer billi tinkludi jew temenda il-valuri limitu fid-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni. Dawn il-valuri limitu jistabbilixxu konċentrazzjoni massima għall-preżenza ta’ kimika karċinoġenika fl-arja tal-post tax-xogħol. Il-proposta ssejset fuq evidenza xjentifika u ssegwi diskussjonijiet wesgħin ma’ xjenzati, impjegaturi, ħaddiema, rappreżentanti tal-Istati Membri u spetturi tax-xogħol.

Eżempju speċifiku ta’ aġent kimiku ġdid li għandu jiżdied huwa 's-silika kristallina respirabbli' (RCS), li l-Kummissjoni qed tipproponi li tiġi inkluża fid-Direttiva bħala sustanza 'ġġenerata minn proċess' li tfisser trab li jinħoloq minn proċessi ta' xogħol bħalma huma x-xogħol fil-minjieri, fil-barrieri, jew xogħol fit-tħaffir jew il-qtugħ ta' mini, it-tifrik jew it-tħin ta' materjali li jkun fihom is-silika bħalma huma l-konkos, il-briks jew il-blat. Filwaqt li xi kumpaniji għandhom kontroll tajjeb tal-konċentrazzjonijiet fl-arja ta’ din il-kimika, appoġġata minn ftehim dedikat bejn is-sħab soċjali, madankollu din hi l-kawża ewlenija kemm tas-silikożi, marda tal-pulmun, kif ukoll tal-kanċer tal-pulmun okkupazzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni se tipproteġi l-ħaddiema fl-UE kollha, inklużi dawk fis-settur tal-kostruzzjoni li jirrappreżenta kważi 70 % tal-ħaddiema kollha esposti għas-'silika kristallina respirabbli'.

L-introduzzjoni ta’ dawn il-valuri limitu se twassal għal inqas każijiet ta’ kanċer okkupazzjonali. Barra minn hekk, il-valuri limitu tal-UE jippromwovu konsistenza billi jistabbilixxu 'kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni' għall-utenti kollha u objettiv komuni għall-impjegaturi, il-ħaddiema u l-awtoritajiet tal-infurzar. Il-proposta għalhekk twassal għal sistema aktar effiċjenti ta’ ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u aktar ekwità fis-suq uniku.

Sfond

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-kanċer huwa t-tieni l-akbar kawża ta’ mwiet fil-parti l-kbira tal-pajjiżi żviluppati — u fl-Unjoni Ewropea, il-kanċer huwa l-ewwel kawża tal-imwiet relatati max-xogħol. 53 % tal-imwiet okkupazzjonali annwali huma attribwiti għall-kanċer, imqabbla mat-28 % għall-mard ċirkulatorju u s-6 % għall-mard respiratorju.

L-espożizzjoni għal xi sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol jista’ jikkawża l-kanċer. Filwaqt li l-kanċer huwa marda kumplessa u xi fatturi kawżali tal-marda huma diffiċli li jiġu identifikati, huwa ċar li l-kanċer ikkawżat mix-xogħol jista' jiġi evitat billi titnaqqas jew tiġi eliminata l-espożizzjoni li twassal għall-mard.

Sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema qed ikunu protetti kontra tali riskji, fit-2004 l-UE adottat id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD). Din tistabbilixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex tiġi eliminata jew limitata l-espożizzjoni għal aġenti kimiċi karċinoġeniċi, u bħala tali għandhom jgħinu biex jipprevjenu l-kanċer okkupazzjonali u mard relatat.

Biex ġew stabbiliti valuri limitu għal għadd ta' karċinoġeni taħt id-Direttiva, il-Kummissjoni bdiet valutazzjoni xjentifika u ekonomika ta’ aktar minn 20 aġent kimiku ta’ prijorità. Fl-UE, madwar 20 miljun ħaddiem jiġu esposti għal talanqas wieħed minn dawn l-aġenti kimiċi.

Din il-proposta hija biex tintroduċi valuri limitu għal13 minn dawn l-aġenti kimiċi ta’ prijorità identifikati. Għall-aġenti kimiċi li fadal, għad baqa' aktar xogħol preparatorju xi jsir u sa tmiem l-2016, se jkun hemm proposta li tkopri dawn.

Xi wħud minn dawn it-13-il karċinoġenu, bħas-'silika kristallina respirabbli' (RCS), il-komposti tal-kromju (VI), it-trab tal-injam iebes jew l-idrażina, jaffettwaw għadd kbir ħafna ta’ ħaddiema. Għal xi oħrajn, hemm indikazzjonijiet li l-mudelli tal-użu jistgħu jkunu inqas, iżda dawk il-kimiċi huma kkunsidrati prijorità minħabba l-proporzjon bejn in-numru ta’ ħaddiema esposti u l-każijiet ta’ kanċer .

Għal iżjed informazzjoni

MEMO

L-aħbar fuq is-sit web tad-DĠ Impjiegi

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

Abbona mingħajr ħlas b'email għall-bulettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

IP/16/1656

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar