Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni sodisfatta bil-ftehim biex is-siti elettroniċi u l-apps tas-settur pubbliku isiru aktar aċċessibbli

Brussell, it-3ta' mejju 2016

In-negozjaturi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni llejla qablu dwar l-ewwel regoli li se japplikaw għall-UE kollha biex is-siti elettroniċi u l-mobile apps tal-entitajiet tas-settur pubbliku isiru aktar aċċessibbli, speċjalment għal dawk neqsin mid-dawl, dawk neqsin mis-smigħ jew b'diffikultajiet fis-smigħ.

L-internet sar mezz essenzjali sabiex tinkiseb l-informazzjoni u anki biex jingħataw is-servizzi. Għaldaqstant, huwa aktar importanti minn qatt qabel li niżguraw li kulħadd ikun jista' jara u jifhem is-siti elettroniċi u l-mobile apps, u jinteraġixxi magħhom sew.

Madwar 80 miljun persuna fl-UE huma affettwati minn diżabbiltà. Hekk kif il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, din iċ-ċifra mistennija tiżdied għal 120 miljun sal-2020. Approċċ komuni se jiżgura l-aċċessibbiltà tal-internet, se jikkontribwixxi għal soċjetà diġitali inklużiva u se jiftaħ għalkollox il-bieb tal-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali, għaċ-ċittadini kollha Ewropej.

Id-Direttiva se tkopri s-siti elettroniċi u l-mobile apps tal-entitajiet tas-settur pubbliku, minn dawk tal-amministrazzjonijiet, il-qrati u d-dipartimenti tal-pulizija sal-isptarijiet pubbliċi, l-universitajiet u l-libreriji. Se tagħmilhom aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha - b'mod partikolari dawk neqsin mid-dawl, dawk neqsin mis-smigħ jew b'diffikultajiet fis-smigħ, u anki dawk bi problemi fil-vista u b'diżabbiltajiet funzjonali.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, kien sodisfatt ferm bil-ftehim: "L-aċċess għall-internet għandu jkun tabilħaqq realtà għal kulħadd. Assolutament mhux f'loku li nħallu miljuni ta' Ewropej ma jibbenfikawx sew minnu. Il-ftehim tal-lejla huwa pass importanti lejn Suq Uniku Diġitali, li jikkonsisti fit-tneħħija tal-ostakli sabiex l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jiksbu l-aħjar mid-dinja diġitali.”

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "Mhuwiex aċċettabbli li miljuni ta' ċittadini Ewropej jibqgħu lura f'dik li hi s-soċjetà diġitali. Il-ftehim li għadu kif ġie milħuq se jiżgura li kulħadd se jkollu l-istess opportunità biex igawdi mill-benefiċċji tal-Internet u tal-mobile apps, biex jipparteċipa fis-soċjetà b’mod aktar estiż u biex ikollu ħajja aktar indipendenti.”

It-test tad-Direttiva li ntlaħaq qbil dwaru:

  •               ikopri siti elettroniċi u mobile apps ta' entitajiet tas-settur pubbliku b'għadd limitat ta' eċċezzjonijiet (eż. is-settur tax-xandir, il-livestreaming).
  • jirreferi għall-istandards li se jgħinu biex is-siti elettroniċi u l-mobile apps isiru aktar aċċessibbli. Pereżempju, dawn l-istandards jipprevedu li immaġni jkollha test jakkumpanjaha, u li s-siti elettroniċi ma jkollokx bilfors bżonn maws biex tfittex fihom minħabba li xi nies b’diżabilità jbatu biex jużaw il-maws.
  •             jesiġi monitoraġġ u rappurtar regolari mill-Istati Membri tas-siti elettroniċi tas-settur pubbliku u tal-mobile apps. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u jsiru pubbliċi. Id-Direttiva dwar l-aċċessibilità għall-internet u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità propost f’Diċembru 2015 (stqarrija għall-istampa) li jkopri għadd ħafna akbar ta' prodotti u servizzi, it tnejn huma parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tgħin lill-persuni b’diżabbiltà sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.

Il-passi li jmiss

Wara l-qbil politiku tal-lejla (permezz ta' 'trijologu' bejn in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni), it-test irid jiġi approvat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Wara dan jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjaliu jidħol fis-seħħ uffiċjalment. L-Istati Membri se jkollhom 21 xahar biex jittrasponu dan it-test fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Sfond

F’Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (stqarrija għall-istampa).

L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà jobbliga lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà, bi kundizzjonijiet indaqs ma’ ħaddieħor, fost affarijiet oħra għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-internet.

L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010–2020tibni fuq il-Konvenzjoni tan-UN, u tinkludi azzjonijiet f’għadd ta’ oqsma prijoritarji, inkluża l-aċċessibbiltà tal-internet, bl-għan li “tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi, inklużi s-servizzi pubbliċi u t-tagħmir ta’ assistenza għall-persuni b’diżabbiltà.”

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tiżgura l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-mobile apps tagħha u adottat standards internazzjonali għoljin bħala l-objettivi tagħha għal dan il-għan. Dawn huma riflessi fil-Linji gwida għall-fornituri tal-informazzjoni, il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-pubblikazzjoni fuq l-internet. Il-Kummissjoni qed tkompli wkoll tinvesti biex tqajjem kuxjenza dwar dan kollu u biex tħarreġ lill-amministraturi tal-web dwar l-aċċessibbiltà tal-internet.

IP/16/1654

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar