Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Lejn Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sostenibbli u ġusta

Brussell, I-4ta' mejju 2016

Lejn Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sostenibbli u ġusta

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta proposti għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil billi tinħoloq sistema aktar ġusta, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli għat-tqassim tal-applikazzjonijiet għall-ażil fost l-Istati Membri. Il-prinċipju bażiku se jibqa' l-istess - dawk li qed ifittxu ażil għandhom, sakemm ma jkollhomx qraba xi mkien ieħor, japplikaw għall-ażil fl-ewwel pajjiż fejn jidħlu – imma mekkaniżmu ġdid għal tqassim ġust se jiżgura li l-ebda Stat Membru jitħalla bi pressjoni sproporzjonata fuq is-sistema tiegħu ta' ażil. Il-proposti tal-lum jinkludu wkoll it-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (European Asylum Support Office, EASO) eżistenti f'Aġenzija għall-Ażil stabbilita tal-Unjoni Ewropea biex tirrifletti r-rwol imsaħħaħ tagħha fis-sistema l-ġdida u ssaħħaħ il-bażi ta' dejta tal-UE għat-teħid tal-marki tas-swaba', l-Eurodac, biex ikun hemm ġestjoni aħjar tas-sistema dwar l-ażil u biex tgħin għall-ittrattar tal-migrazzjoni irregolari.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni teħtieġ azzjoni fuq bosta aspetti, ġestjoni aktar effettiva tal-fruntieri esterni tagħna, kooperazzjoni aħjar ma' pajjiżi terzi, twaqqif tat-traffikar u sistemazzjoni ġdida tar-refuġjati direttament fl-UE. Nafu wkoll li n-nies se jkomplu jaslu mal-fruntieri tagħna u jistaqsu għall-ażil, u se jkun hemm bżonn li niżguraw li dawk li jeħtieġu protezzjoni jirċievuha. Madankollu matul din il-kriżi rajna kif ftit Stati Membri tpoġġew taħt pressjoni kbira minħabba n-nuqqasijiet ta' din is-sistema, li ma kinetx imfassla biex titratta ma' sitwazzjonijiet bħal dawn. Ma hemm ebda soluzzjoni oħra: meta Stat Membru jinsab taħt pressjoni kbira, irid ikun hemm solidarjetà u tqassim ġust ta' responsabbiltà fl-UE. Il-proposta tagħna tal-lum qiegħda biex tiżgura dan."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni Dimitris Avramopoulos, qal: "Jekk il-kriżi tar-refuġjati ta' bħalissa għallmitna ħaġa waħda biss, hija li l-istatus quo tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil mhuwuex possibbli. "Issa wasal iż-żmien għal sistema riformata u aktar ekwitabbli, fuq il-bażi ta' regoli komuni u tqassim aktar ġust tar-responsabbiltà. Bir-riforma proposta tas-sistema ta' Dublin, it-tisħiħ tal-Eurodac u t-trasformazzjoni tal-EASO f'Aġenzija Ewropea għall-Ażil stabbilita, illum qed nieħdu pass kbir fid-direzzjoni t-tajba u qed indaħħlu fis-seħħ l-istrutturi u l-għodda ta' livell Ewropew meħtieġa għal sistema komprensiva li taħdem fil-ġejjieni. Issa se npoġġu l-isforzi kollha tagħna biex naħdmu id f'id mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri. Hemm bżonn li dawn il-proposti nwettquhom malajr kemm jista' jkun."

Il-proposti tal-lum huma parti mill-ewwel sett ta' proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni qed tippreżenta fil-kuntest ta' riforma kbira tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016. Din ir-riforma hija maħsuba biex tinħoloq reazzjoni għal perjodu medju għall-isfidi migratorji tal-ġejjieni. Sadanitant, ir-regoli eżistenti ta' Dublin u ż-żewġ deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ta' emerġenza jibqgħu japplikaw u se jiġu infurzati bis-sħiħ mill-Kummissjoni

Riforma tas-Sistema ta' "Dublin"

Ir-regoli tal-UE biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jittratta ma' kull applikazzjoni għall-ażil (magħrufa bħala s-Sistema ta' Dublin) ma ġewx imfassla biex jiżguraw tqassim sostenibbli tar-responsabbiltajiet madwar l-UE u jiggarantixxu pproċessar f'waqtu tal-applikazzjonijiet. Il-proposta tal-lum se tagħmel lis-Sistema ta' Dublin aktar trasparenti u se ssaħħaħ l-effettività tagħha, waqt li tipprovdi mekkaniżmu biex tittratta mas-sittwazzjonijiet ta' pressjoni sproporzjonata fuq is-sistemi ta' ażil tal-Istati Membri. Is-sistema l-ġdida hija mfassla biex tkun aktar ġusta imma aktar b'saħħitha wkoll, waħda li hija aktar kapaċi li tiflaħ għal pressjoni. Is-sistema l-ġdida se tiggarantixxi determinazzjoni rapida tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-eżaminar tal-applikazzjoni għall-ażil, il-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn, u l-iskoraġġament ta' movimenti sekondarji ("xiri tal-ażil")  

L-elementi l-ġodda jinkludu:

  • Sistema aktar ġusta bbażata fuq is-solidarjetà: b'mekkaniżmu korrettiv ta' tqassim (mekkaniżmu għal tqassim ġust). Is-sistema l-ġdida se tiġi stabbilita b'mod awtomatiku meta pajjiż ikun qed jittratta ċifra sproporzjonata ta' applikazzjonijiet għall-ażil. Dan isir b'referenza mad-daqs u mal-ġid tal-pajjiż. Jekk pajjiż wieħed ikun jirċievi ċifri sproporzjonati aktar minn dik ir-referenza (150% taċ-ċifra ta' referenza), l-applikazzjonijiet l-ġodda kollha f'dak il-pajjiż (irrelevanti ta' liema ċittadinanza) jiġu rilokati, wara verifika ta' ammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħhom, madwar l-UE sakemm iċ-ċifra tal-applikazzjonijiet terġa' tinżel taħt dak il-livell. Stat Membru se jkollu wkoll l-għażla biex b'mod temporanju ma jeħux sehem fir-rilokazzjoni. F'dak il-każ, ikollu jagħmel kontribuzzjoni ta' solidarjetà ta' EUR 250,000 għal kull applikant li kien se jkun responsabbli għalih, skont il-mekkaniżmu għal tqassim ġust, lil dak l-Istat Membru fejn dan l-applikant se jiġi rilokat.
  • Mekkaniżmu li jqis ukoll l-isforzi ta' risistemazzjoni: il-mekkaniżmu għal tqassim ġust se jinkludi wkoll l-isforz li jkun qed isir minn Stat Membru għal risistemazzjoni ta' dawk fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali direttament minn pajjiż terz. Dan se jiffoka fuq l-importanza tal-isforzi biex jiġu implimentati rotot legali u sikuri lejn l-Ewropa.
  • Sistema aktar effiċjenti: b'limiti ta' żmien iqsar biex jintbagħtu talbiet ta' trasferiment, jirċievu tweġiba u jitwettqu t-trasferimenti ta' dawk li qed ifittxu ażil bejn l-Istati Membri, u jitneħħew il-bidliet ta' responsabbiltà;
  • Suraġġament ta' abbużi u movimenti sekondarji b'obbligi legali aktar ċari għal dawk li japplikaw għall-ażil, inklużi dmir li jibqgħu fl-Istat Membru responsabbli għat-talba tagħhom, limiti ġeografiċi għall-għoti ta' benefiċċji materjali ta' akkoljenza u konsegwenzi proporzjonati fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;
  • Protezzjoni tal-aħjar interessi ta' dawk li qed ifittxu ażil: b'garanziji aktar b'saħħithom għall-minuri mhux akkumpanjati u estensjoni bilanċjata tad-definizzjoni ta' membri tal-familja;

Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex meħtieġa li jagħmlu dan imma jistgħu jiddeterminaw huma nfushom sa liema punt iridu jieħdu sehem f'dawn il-miżuri, dan skont il-Protokolli relevanti mehmuża mat-Trattati. Jekk jiddeċiedu lil ma jieħdux sehem, ir-regoli ta' bħalissa , hekk kif inhuma llum, jibqgħu japplikaw għalihom, skont it-Trattati

Tisħiħ tas-sistema Eurodac

Għall-appoġġ tal-implimentazzjoni prattika tas-Sistema ta' Dublin riformata, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tiġi addattata u tissaħħaħ is-sistema Eurodac u biex jiżdied l-għan tagħha, biex jiġu ffaċilitati r-ritorni u tingħata għajnuna fl-ittrattar tal-migrazzjoni irregolari. Il-proposta se testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Eurodac biex tiġi inkluża l-possibbiltà għall-Istati Membri biex jaħżnu u jfittxu dejta taċ-ċittadini ta' pajjiż terz jew persuni mingħajr stat li mhumiex applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u li jinsabu li qed jgħixu b'mod irregolari fl-UE, biex dawn jiġu identifikati għal finijiet ta' ritorn u riammissjoni. B'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, se tippermetti wkoll lill-Istati Membri biex jaħżnu aktar dejta personali fl-Eurodac, bħall-ismijiet, id-dati tat-twelid, iċ-ċittadinanzi, id-dettalji tal-identità jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar, u l-immaġni tal-wiċċ ta' individwi. Iż-żieda tat-tagħrif fis-sistema se tippermetti lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u tal-ażil biex jidentifikaw faċilment ċittadin irregolari minn pajjiż terz jew applikant għall-ażil mingħajr ma jkun hemm bżonn li t-tagħrif jiġi mitlub minn Stat Membru ieħor b'mod separat, bħal ma qed jiġri bħalissa.

Twaqqif ta' Aġenzija għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea

Il-proposta se tbiddel l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil eżistenti f'Aġenzija għall-Ażil stabbilità tal-Unjoni Ewropea b'mandat imsaħħaħ u b'kompiti miżjuda b'mod konsiderevoli biex jiġu indirizzati kwalunkwe dgħjufijiet strutturali li jistgħu jinqalgħu fl-applikazzjoni tas-sistema ta' ażil tal-UE.

Waħda mill-ħidmiet il-ġodda ewlenin tal-Aġenzija se tkun li topera l-kriterji ewlenin sabiex tapplika l-mekkaniżmu għal taqssim ġust bis-sistema ta' Dublin il-ġdida. L-Aġenzija se jkollha wkoll il-ħidma li tiżgura konverġenza akbar fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali madwar l-Unjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni prattika u l-iskambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri u l-promozzjoni tal-liġi tal-Unjoni u tal-istandards operattivi rigward proċeduri għall-ażil, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u l-bżonnijiet ta' protezzjoni.

Bl-istess mod għal dak li ġie propost mill-Kummissjoni għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-15 ta' Diċembru 2015, ir-rwol u l-ħidmiet tal-Aġenzija għall-Ażil dwar l-għajnuna operattiva u teknika se jiżdidu. Dan se jinkludi l-possibbiltà biex jiġu mobilizzati gruppi ta' appoġġ għall-ażil minn riserva ta' esperti magħmlua ta' mill-inqas minn 500 espert mill-Istati Membri u experti ssekondati mill-Aġenzija, kif ukoll kapaċità li tiġi pprovduta għajnuna operattiva u teknika f'każijiet fejn Stat Membru huwa suġġett għal pressjoni sproporzjonata li tpoġġi ħtiġijiet tqal u urġenti b'mod eċċezzjonali fuq is-sistemi tiegħu ta' ażil jew akkoljenza.

Kuntest

Fis-6 ta' April 2016 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni li nediet il-proċess għal riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil: Il-Komunikazzjoni ppreżentat:

  • għażliet għal sistema ġusta u sostenibbli għall-allokazzjoni tal-applikanti għall-ażil fost l-Istati Membri;
  • aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri u tal-istandards għall-ażil biex jinħolqu kondizzjonijiet ekwi madwar l-Ewropa u għalhekk jitnaqqsu fatturi ta' attrazzjoni inklużi miżuri biex jitnaqqsu movimenti sekondarji irregolari;
  • u tisħiħ tal-mandat tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).

Il-pakkett tal-lum għalhekk huwa l-ewwel pass kbir fir-riforma komprensiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. It-tieni stadju ta' proposti leġiżlattivi li jirriformaw il-Proċeduri għall-Ażil, id-Direttivi ta' Kwalifikazzjoni, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza- se jsegwu, biex jiġi żgurat li r-riforma sħiħa tal-partijiet kollha tas-sistema ta' ażil tal-UE.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija estensiva, permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex jiġu affaċċjati l-isfidi immedjati tal-kriżi li għaddejja, kif ukoll biex l-UE tiġi mgħammra bl-għodda biex tiġġestixxi aħjar il-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali.

Diġà ġew adottati tliet pakketti ta' implimentazzjoni permezz tl-Aġenda, fis-27 ta' Mejju, 2015, fid-9 ta' Settembru, 2015 u l-15 ta' Diċembru.

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-riforma tas-Sistema ta' Dublin

Regolament li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (tfassil mill-ġdid)

Ir-Regolament dwar l-Aġenzija għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010

Annex

Ir-Regolament dwar l-istabbiliment tal-UERODAC (tfassil mill-ġdid)

Komunikazzjoni: Lejn Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u Tisħiħ tat-Toroq Legali lejn l-Ewropa

IP/16/1620

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar