Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tassazzjoni ġusta: Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri ġodda kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva

Brussell, it-28ta' jannar 2016

Il-proposti tal-lum jimmiraw għal reazzjoni kordinata mal-UE kollha għall-evitar tat-taxxa korporattiva, skont l-istandards globali żviluppati mill-OECD fil-ħarifa li għaddiet.

Hemm bżonn ta’ regoli ġodda biex ikunu allinjati l-liġijiet tat-taxxa fit-28 pajjiż kollha tal-UE sabiex jiġu miġġielda prattiki aggressiv tat-taxxa minn kumpaniji kbar b’mod effiċjenti u effettiv.

Il-Kummissjoni Ewropea llum fetħet kapitolu ġdid fil-kampanja tagħha għal tassazzjoni ġusta, effiċjenti u li tiffavorixxi t-tkabbir fl-UE bi proposti ġodda li jindirizzaw l-evitar tat-taxxa korporattiva. Il-Pakkett ta’ Kontra l-Evitar tat-Taxxa jistieden lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni aktar b’saħħitha u aktar koordinata kontra kumpaniji li jfittxu li jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa u biex jimplimenta l-istandards internazzjonali fl-isfond tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u ċ-ċaqliq tal-profitti.  

L-elementi ewlenin tal-proposti l-ġodda jinkludu:

  • miżuri legalment vinkolanti li jimblokkaw l-aktar metodi komuni użati mill-kumpaniji biex jevitaw li jħallsu t-taxxa;
  • rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar kif jipprevjenu l-abbuż tat-trattat tat-taxxa;
  • proposta biex l-Istati Membri jikkondividu informazzjoni relatata mat-taxxa fuq il-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-UE;
  • azzjonijiet biex jippromwovu governanza fiskali tajba internazzjonalment;
  • proċess ġdid tal-UE għall-elenkar ta’ pajjiżi terzi li jirrifjutaw li jkunu ġusti.

Kollettivament, dawn il-miżuri se jfixklu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jagħtu spinta lit-trasparenza bejn l-Istati Membri u jiżguraw kompetizzjoni ġusta għan-negozji kollha fis-suq uniku.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal: "Illum qed nagħmlu pass ieħor biex insaħħu il-fiduċja fis-sistema tat-taxxa kollha kemm hi, biex nagħmluha aktar ġusta u aktar effiċjenti. In-nies jridu jkunu fiduċjużi li l-regoli tat-taxxa japplikaw bl-istess mod għall-individwi u n-negozji kollha. Il-kumpaniji għandhom iħallsu s-sehem xieraq tagħhom tat-taxxi, fejn l-attività ekonomika tagħhom tkun qiegħda fil-fatt isseħħ. L-Ewropa tista' tkun mexxej globali fit-trattament tal-evitar tat-taxxa. Dan jeħtieġ azzjoni kordinata Ewropea, biex tevita sitwazzjoni ta' 28 approċċ differenti fi 28 Stat Membru. "

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Biljuni ta' euro f'taxxa jintilfu kull sena minħabba evitar tat-taxxa - flus li jistgħu jintużaw għas-servizzi pubbliċi bħal skejjel u sptarijiet jew biex jagħtu spinta lill-impjiegi u t-tkabbir. Ewropej u negozji li jaġixxu b'mod ġust jispiċċaw iħallsu taxxi ogħla b'riżultat ta' dan. Dan mhux aċċettabbli u qed naġixxu biex nittrattawha. Illum qed nieħdu pass importanti lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha tagħna, għal tassazzjoni ġusta u effettiva għall-Ewropej kollha.”

Azzjonijiet Ewlenija

Il-pakkett huwa bbażat madwar it-tliet pilastri ewlenin tal-aġenda tal-Kummissjoni għal tassazzjoni aktar ġusta:

Niżguraw tassazzjoni effettiva fl-UE

Il-prinċipju fundamentali ta’ tassazzjoni korporattiva huwa li l-kumpaniji għandhom iħallsu t-taxxa fejn jagħmlu l-profitti tagħhom. Il-Pakkett jagħmel proposti speċifiċi biex jgħin lill-Istati Membri jiżguraw li dan iseħħ. Il-Kummissjoni tipproponi Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa b’miżuri legalment vinkolanti biex tindirizza xi wħud mill-aktar skemi ta’ evitar tat-taxxa prevalenti. Ir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar it-Trattati tat-Taxxa tagħti parir lill-Istati Membri dwar l-aħjar modi biex jipproteġu t-trattati tat-taxxa tagħhom kontra l-abbuż, b’mod li jkun kompatibbli mal-liġi tal-UE.

Inżidu it-trasparenza fiskali

It-trasparenza hija kruċjali biex jiġu identifikati l-prattiki ta’ pjanifikazzjoni fiskali aggressiva minn kumpaniji kbar u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta tat-taxxa. Il-Pakkett tal-lum għandu l-għan li jżid it-trasparenza fit-taxxi li l-kumpaniji qed iħallsu, permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva. Skont ir-regoli proposti, l-awtoritajiet nazzjonali se jiskambjaw informazzjoni relatata mat-taxxa fuq l-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali, fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Bħala tali, l-Istati Membri kollha se jkollhom informazzjoni kruċjali biex jidentifikaw ir-riskji ta’ evitar ta’ taxxa u biex jimmiraw aħjar il-verifiki tat-taxxa tagħhom. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll teżamina l-kwistjoni separata ta’ rapporti pubbliċi pajjiż b’pajjiż, li bħalissa għaddejja valutazzjoni tal-impatt tagħhom fid-dawl tal-inizjattiva li għandha tkun ippreżewntata kmieni fir-rebbiegħa.

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni

L-evitar tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża huma problemi globali. Azzjoni biex tipprevenihom trid testendi lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Peress li l-Istati Membri jaħdmu biex jimplimentaw standards globali ġodda ta’ trasparenza fiskali u kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, huwa importanti li l-imsieħba internazzjonali tal-UE jagħmlu l-istess. Pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ukoll ikunu inklużi f’netwerk internazzjonali ta’ governanza tajba tat-taxxa, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ġlieda globali kontra l-evitar tat-taxxa wkoll. Il-Pakkett tal-lum fih Komunikazzjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva. L-għan tagħha huwa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, issaħħaħ il-miżuri tal-UE biex tiġi promossa tassazzjoni ġusta globalment abbażi ta' standards internazzjonali u toħloq approċċ komuni għal theddid estern ta’ evitar tat-taxxa. Dan se jgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u ugwali għan-negozji u għall-pajjiżi kollha.

Il-Pakkett jinkludi wkoll Komunikazzjoni Chapeau u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, li jispjegaw ir-raġunijiet politiċi u ekonomiċi wara l-miżuri individwali u l-aġenda usa tal-Kummissjoni kontra l-evitar tat-taxxa. Huwa akkumpanjat minn Studju ġdid dwar il-Pjanifikazzjoni Fiskali Aggressiva, li jħares lejn il-mezzi ewlenin użati mill-kumpaniji biex jevitaw it-taxxi.

Sfond

Il-Pakkett tal-lum jirrifletti approċċ politiku u ekonomiku globali attwali għal tassazzjoni korporattiva. F’Ottubru li għadda, il-pajjiżi tal-OECD qablu dwar miżuri biex tkun limitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt (BEPS). Il-Parlament Ewropew żviluppa wkoll rakkomandazzjonijiet dwar l-evitar tat-taxxa korporattiva.

Il-Kummissjoni qed twettaq b’pass mgħaġġel il-wegħda tal-President Juncker li tagħti aġenda komprensiva biex tindirizza l-evitar tat-taxxa korporattiva, biex b'hekk tiżgura Suq Uniku aktar ġust u tippromwovi l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa.

Inizjattivi ewlenin proposti mill-Kummissjoni fl-2015 biex tingħata spinta lit-trasparenza fiskali u tkun irriformata t-tassazzjoni korporattiva diġà qegħdin jħallu l-frott: Il-proposta għal trasparenza dwar deċiżjonijiet tat-taxxa ġiet miftehma mill-Istati Membri f’seba’ xhur biss u tnedew għadd ta’ riformi tat-taxxa korporattiva sostanzjali oħra. Il-Kummissjoni se tkompli l-kampanja tagħha għal riforma tat-taxxa korporattiva matul l-2016, bi proposti importanti bħal pereżempju t-tnedija mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-taxxa Korporattiva (CCCTB).

Il-Passi li Jmiss

Iż-żewġ proposti leġiżlattivi tal-Pakkett se jintbagħtu lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Il-Kunsill u l-Parlament għandhom ukoll jendorsjaw ir-Rakkomandazzjoni tat-Trattati Fiskali u l-Istati Membri għandhom isegwuha waqt ir-reviżjoni tat-trattati fiskali tagħhom. L-Istati Membri għandhom ukoll formalment jaqblu dwar l-Istrateġija Esterna l-ġdida u jiddeċiedu dwar kif se jimxu ‘l quddiem kemm jista’ jkun malajr ladarba tkun ġiet endorsjata mill-Parlament Ewropew.  

Għall-aktar informazzjoni:

Informazzjoni dwar il-pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

MEMO dwar il-pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

Skeda informattiva dwar il-pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

Komunikazzjoni dwar il-pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

Proposta dwar miżuri kontra l-evitar tat-taxxa

Proposta dwar l-iskambju awtomatiku mandatorju ta' informazzjoni fost l-amministrazzjoni tat-taxxa

Komunikazzjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva

Studju dwar strutturi ta' Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u Indikaturi

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal

Rakkomandazzjoni dwar miżuri kontra l-abbuż tat-trattat tat-taxxa

Pjan ta' azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-UE

Hashtags tat-Twitter: #FairTaxation

IP/16/159

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos