Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-antitrust: Il-Kummissjoni tibgħat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lil Google dwar is-sistema operattiva u l-applikazzjonijiet ta' Android

Brussell, I-20ta' april 2016

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lil Google dwar il-fehma preliminari tagħha li l-kumpanija, bi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE, abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi imponiet restrizzjonijiet fuq manifatturi tal-apparat Android u operaturi tan-netwerks tal-mowbajl

Il-fehma preliminari tal-Kummissjoni hija li Google implimentat strateġija dwar apparat tal-mowbajl biex tippreserva u ssaħħaħ id-dominanza tagħha fit-tiftix ġenerali fuq l-internet. L-ewwel nett, il-prattiki jfissru li Google Search hija installata minn qabel u ssettjata bħala servizz ta' tiftix awtomatiku, jew esklussiv, fuq il-maġġorparti ta' apparat Android mibjugħ fl-Ewropa. It-tieni nett, il-prattiki jidhru li għalqu l-aċċess għas-suq għal magni tat-tiftix rivali, permezz ta' brawżers tal-mowbajl u sistemi operattivi. Barra minn hekk, huma jidhru li qiegħdin jagħmlu dannu lill-konsumaturi billi joħonqu l-kompetizzjoni u jirrestrinġu l-innovazzjoni fl-ispazju tal-mowbajl aktar wiesa'.

It-tħassib tal-Kummissjoni huwa deskritt f'Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet indirizzata lil Google u l-kumpanija omm tagħha, Alphabet. Il-ħruġ ta' Stqarrija ta’ Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "L-importanza ta' qasam kompetittiv tal-internet tal-mowbajl għall-konsumaturi u n-negozji fl-Ewropa qegħda dejjem tikber. Abbażi tal-investigazzjoni tagħna s'issa, nemmnu li l-imġiba ta' Google tiċħad l-għażla wiesgħa tal-konsumaturi għal applikazzjonijiet u servizzi tal-mowbajl u tostakola l-innovazzjoni minn atturi oħra, bi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Dawn ir-regoli japplikaw għall-kumpanija kollha attivi fl-Ewropa. Issa Google għandha l-opportunità li twieġeb għat-tħassib tal-Kummissjoni."

Is-smartphones u t-tablets joħolqu iktar minn nofs it-traffiku tal-internet globali, u huma mistennija joħolqu iktar fil-futur. Madwar 80% tal-apparat intelliġenti tal-mowbajl fl-Ewropa u fid-dinja jiffunzjona bis-sistema operattiva tal-mowbajl Android żviluppata minn Google. Google tilliċenzja s-sistema operattiva Android għall-mowbajl lil manifatturi terzi ta' apparat tal-mowbajl.

Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti f'April 2015 dwar l-imġiba ta' Google fir-rigward tas-sistema operattiva u l-applikazzjonijiet Android. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tikkunsidra li Google hija dominanti fis-swieq għas-servizzi ġenerali ta' tiftix bl-internet, is-sistemi operattivi liċenzjabbli ta' apparat intelliġenti tal-mowbajl u l-ħwienet elettroniċi tal-applikazzjonijiet għas-sistemi operattivi Android għall-mowbajl. Ġeneralment Google għandha ishma fis-suq ta' iktar minn 90% f'kull wieħed minn dawn is-swieq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Fid-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet tal-lum, il-Kummissjoni tallega li Google kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE billi:

  • torbot lil manifatturi li jinstallaw minn qabel Google Search u l-brawżer Chrome ta' Googleu torbothom li jissettjaw Google Search bħala s-servizz ta' tiftix awtomatiku fuq l-apparat tagħhom, bħala kundizzjoni biex tinħareġ il-liċenzja għal xi applikazzjonijiet propjetarji ta' Google;

  • tipprevjeni lil manifatturi milli jbiegħu apparat intelliġenti tal-mowbajl b'sistemi operattivi kompetituri bbażati fuq il-kodiċi miftuħ tas-sors ta' Android;

  • tagħti inċentivi finanzjarji lil manifatturi u operaturi tan-netwerks tal-mowbajl b'kundizzjoni li jinstallaw minn qabel u esklussivament Google Search fuq l-apparat tagħhom.

Il-Kummissjoni temmen li dawn il-prattiki tan-negozju jistgħu jwasslu għal konsolidazzjoni ulterjuri tal-pożizzjoni dominanti ta' Google Search fis-servizzi ġenerali ta' tiftix bl-internet. Hija mħassba li dawn il-prattiki jaffettwaw l-abbiltà ta' brawżers tal-mowbajl kompetituri li jikkompetu ma' Google Chrome, u li jostakolaw l-iżvilupp ta' sistemi operattivi bbażati fuq il-kodiċi miftuħ tas-sors ta' Android u l-opportunitajiet li kieku joffru għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi ġodda.

Fil-fehma preliminari tal-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar din il-kondotta tagħmel ħsara lill-konsumaturi peress li mhumiex jingħataw l-iktar għażla wiesgħa possibbli u peress li toħnoq l-innovazzjoni.

It-tħassib tal-Kummissjoni

Il-liċenzjar tal-applikazzjonijiet propjetarji ta' Google

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li huwa kummerċjalment importanti għall-manifatturi ta' apparat li juża s-sistema operattiva Android li jinstallaw minn qabel fuq dak l-apparat il-Play Store, il-ħanut elettroniku tal-applikazzjonijiet għal Android. Fil-kuntratti tagħha mal-manifatturi, Google għamlet il-liċenzjar tal-Play Store fuq apparat Android kundizzjonali fuq li Google Search tiġi installata minn qabel u ssettjata bħala s-servizz ta' tiftix awtomatiku. B'riżultat ta' dan, magni ta' tiftix rivali ma jistgħux isiru s-servizz ta' tiftix awtomatiku fuq il-maġġoranza sinjifikanti ta' apparat mibjugħ fiż-ŻEE. Naqqset ukoll l-inċentivi ta' manifatturi li jinstallaw minn qabel applikazzjonijiet ta' tfittxija ta' kompetituri, kif l-inċentivi tal-konsumaturi li jniżżlu dawn l-applikazzjonijiet.

B'mod simili, Google fil-kuntratti tagħha mal-manifatturi teħtieġ ukoll l-installazzjoni minn qabel tal-brawżer tal-mowbajl Chrome b'kundizzjoni għal-liċenzjar tal-Play Store jew Google Search. Għalhekk, Google żgurat ukoll li l-brawżer tal-mowbajl tagħha jkun diġà installat fuq il-maġġoranza sinjifikanti ta' apparat mibjugħ fiż-ŻEE. Il-brawżers jirrappreżentaw punt ta' entrata importanti għal talbiet ta' tiftix fuq apparat tal-mowbajl. Għaldaqstant, billi naqsu l-inċentivi tal-manifatturi li jinstallaw minn qabel applikazzjonijiet ta' brawżers kompetituri u l-inċentivi tal-konsumaturi li jniżżlu dawn l-applikazzjonijiet, il-kompetizzjoni kemm fil-brawżers tal-mowbajl kif ukoll fit-tfittxija ġenerali ġiet affettwata b'mod negattiv.

Anti-frammentazzjoni

Android huwa sistema b'sors miftuħ, jiġifieri tista' b'mod liberu tiġi wżat u żviluppata minn min irid joħloq sistema operattiva modifikata għall-mowbajl (hekk imsejħa "fergħa Android"). Madankollu, jekk manifattur jixtieq jinstalla minn qabel applikazzjonijiet propjetarji ta' Google, inklużi Google Play Store u Google Search, fuq xi wieħed mill-apparat tiegħu, Google teħtieġlu jidħol fi "Ftehim Anti-Frammentazzjoni" li jikkommetieh li ma jbiegħx apparat li jaħdem b'fergħat Android.

L-imġiba ta' Google kellha impatt dirett fuq il-konsumaturi, peress li ċaħħdithom mill-aċċess għal apparat intelliġenti tal-mowbajl innovativ ibbażat fuq verżjonijiet alternattivi, potenzjalment superjuri, tas-sistema operattiva ta' Android. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet evidenza li l-imġiba ta' Google ippreveniet lil manifatturi milli jbiegħu apparat intelliġenti tal-mowbajl ibbażati fuq fergħa Android kompetitur li kellha l-potenzjal li ssir alternattiva kredibbli għas-sistema operattiva ta' Google Android. Permezz ta' dan, Google għalqet ukoll mod importanti li kien jippermetti lill-kompetituri tagħha jintroduċu applikazzjonijiet u servizzi, b'mod partikulari servizzi ta' tiftix ġenerali, li jkunu jistgħu jiġu installati minn qabel fuq fergħat Android.

Esklussività

Google tat inċentivi finanzjarji sinifikanti lil uħud mill-ikbar manifatturi tas-smartphones u tablets kif ukoll lil operaturi tan-netwerks tal-mowbajl b'kundizzjoni li jinstallaw minn qabel u esklussivament Google Search fuq l-apparat tagħhom.

Għaldaqstant Google naqqset l-inċentivi ta' manifatturi u operaturi tan-netwerks tal-mowbajl li jinstallaw minn qabel servizzi ta' tiftix kompetituri fuq l-apparati li jikkummerċjalizzaw. Filfatt, il-Kummissjoni għandha evidenza li l-kundizzjoni ta' esklussività affettwat jekk uħud mill-manifatturi ta' apparat u l-operaturi tan-netwerks tal-mowbajl installawx minn qabel servizzi ta' tiftix kompetituri.

image EN

Sfond

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok ara Skeda informattiva.

Din l-investigazzjoni hija distinta u separata mill-investigazzjoni formali għaddejja tal-Kummissjoni skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE ta' aspetti oħra tal-imġiba ta' Google fiż-ŻEE, inkluż it-trattament favorevoli minn Google fir-riżultati ta' tiftix ġenerali ta' servizzi ta' tiftix speċjalizzati oħra tagħha stess, u tikkonċerna l-ikkuppjar ta' kontenut elettroniku ta' rivali (magħruf bħala "scraping"), esklussività ta' riklamar u restrizzjonijiet inġusti fuq min jirreklama.

L-isfond proċedurali:

L-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li tista' taffettwa u tipprevjeni jew tirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija definita fir-Regolament dwar l-Antitrust (ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003), li jista' jkun applikat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

Illum, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tibda proċedimenti fl-investigazzjoni ta' Google Android ukoll kontra Alphabet Inc., il-kumpanija omm ta' Google, li nħolqot wara li kienu nbdew proċedimenti kontra Google. Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet deskritta fil-qosor hawn fuq hija indirizzata kemm lil Google kif ukoll lil Alphabet Inc.

Dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet hija pass formali fl-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkun hemm suspett ta' ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Il-Kummissjoni tgħarraf lill-partijiet ikkonċernati bil-miktub bl-oġġezzjonijiet magħmula kontra tagħhom. Id-destinatarji jistgħu jeżaminaw id-dokumenti fil-fajl ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni, iwieġbu bil-miktub u jitolbu seduta ta' smigħ biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan il-każ quddiem ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-ħruġ ta' Stqarrija ta’ Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni, peress li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali biss wara li l-partijiet jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' difiża.

Ma hemm l-ebda data tal-għeluq legali biex il-Kummissjoni tlesti l-inkjesti tal-antitrust fi mġiba antikompetittiva. It-tul ta' investigazzjoni tal-antitrust jiddependi minn għadd ta' fatturi, inkluża l-kumplessità tal-każ, kemm l-impriża kkonċernata tikkoopera mal-Kummissjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet tad-difiża.

Iktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni fir-reġistru tal-każi pubbliċi taħt in-numru tal-każ 40099.

IP/16/1492

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos