Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Skont rapport, il-finanzjament tar-riċerka tal-UE jagħti spinta lill-eċċellenza u lill-kompetittività xjentifika

Brussell, il-25ta' jannar 2016

L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni mill-baġit tal-UE bejn l-2007 u l-2013 tejjeb ħafna l-eċċellenza xjentifika fl-Ewropa u saħħaħ il-kompetittività tagħha billi tejjeb il-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija

Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet tal-Evalwazzjoni tas-7 Programm Kwadru tal-UE (FP 7), ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea.

L-evalwazzjoni ex-post tal-FP7, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka tal-UE għall-2007-2013, twettqet minn grupp indipendenti ta’ esperti ta’ livell għoli li analizza l-impatt ekonomiku u soċjetali tal-programm. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni fasslet ukoll rakkomandazzjonijiet biex jiġu integrati f’Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni qal: "Esperti indipendenti kkonfermaw li l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni qed jappoġġjaw xjenza ta' livell mondjali u qed itejbu l-benessri taċ-ċittadini tagħna. Illum il-ġurnata qed nużaw l-esperjenza miksuba biex intejbu aktar l-Orizzont 2020, il-programm il-ġdid ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, u biex nagħmluh aktar sempliċi, aktar effettiv u aktar iffukat fuq li jsib soluzzjonijiet innovattivi għall-benefiċċju tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna.”

L-evalwazzjoni ex-post tas-7 Programm ta’ Qafas turi li l-EUR 55 biljun investiti tul seba' snin fir-riċerka u innovazzjoni tal-UE kienu ferm attraenti għall-parteċipanti tas-settur privat, inkluż numru rekord ta’ SMEs, u dan għen sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industriji Ewropej. Il-programm jistabbilixxi wkoll ħames Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti f’oqsma ewlenin bħall-mediċina innovattiva u ċ-ċelloli tal-fjuwil u tal-idroġenu.

B’numru rekord ta’ parteċipanti u proġetti ffinanzjati, il-programm ikkontribwixxa wkoll b’mod qawwi għat-tisħiħ tal-eċċellenza xjentifika. Il-proġetti tal-FP7 s’issa ġġeneraw aktar minn 170,000 pubblikazzjoni, b’rata ta’ 54 % ta’ aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha riveduti bejn il-pari maħluqa matul il-perjodu operattiv tal-FP7.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ex-post sabet ukoll li l-FP7 kellu impatt sinifikanti fuq il-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi fl-Ewropa. L-esperti qed ibassru li l-investiment tal-FP7 huwa fit-triq it-tajba biex jistimola tkabbir ekonomiku ta’ madwar EUR 20 biljun kull sena fuq perjodu ta’ 25 sena, jew EUR 500 biljun b’kollox, permezz ta’ effetti ekonomiċi diretti u indiretti. Huwa stmat ukoll li l-programm qed joħloq 130,000 impjieg ta’ riċerka fis-sena fuq perjodu ta’ għaxar snin u 160,000 impjieg addizzjonali fis-sena fuq perjodu ta’ 25 sena.

Lezzjonijiet miksuba

Minbarra l-kisbiet tiegħu, ir-rapport ħares ukoll lejn il-kwistjonijiet li għandhom jittejbu sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investiment tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-ġejjieni. Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oqsma, fosthom it-titjib tal-proċeduri amministrattivi u l-flessibilità fil-finanzjament, l-integrazzjoni aħjar ta’ partijiet differenti tal-programm u s-sinerġiji ma’ skemi oħra ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, diġà ġew indirizzati meta kien qed jiġi stabbilit l-Orizzont 2020, f’rieżamijiet sussegwenti se jiġu kkunsidrati rakkomandazzjonijiet ulterjuri.

Il-Kummissjoni se tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni ex-post tal-FP7, flimkien mar-rispons tagħha għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, lill-Istati Membri fil-Kunsill Informali dwar il-Kompetittività f’Amsterdam fis-27 ta’ Jannar, kif ukoll lill-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Jannar.

Sfond

Is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (FP7) seħħ mill-2007 sal-2013. Dan kien strutturat madwar erba’ programmi speċifiċi li jappoġġaw ir-riċerka kollaborattiva transnazzjonali, ir-riċerka mmexxija mir-riċerkaturi, l-iżvilupp tal-karriera ta’ riċerkaturi individwali, kif ukoll it-taħriġ u l-mobbiltà, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ riċerka fl-Ewropa.

Minn baġit totali ta’ EUR 55 biljun:

  • 82 % (EUR 45 biljun) ġew allokati f’sejħiet miftuħa f’erba’ programmi speċifiċi (EUR 28.7 biljun (Kooperazzjoni), EUR 7.7 biljun (Ideat), EUR 4.8 biljun (Nies), EUR 3.8 biljun (Kapaċitajiet)
  • 18 % ġew allokati għall-Euratom, għall-azzjonijiet diretti tal-JRC, għall-ITER, għall-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u għan-nefqa amministrattiva.

Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni, suċċessur tal-FP7, ikopri mill-2014 sal-2020. Matul is-seba’ snin, il-programm se jagħmel disponibbli EUR 77 biljun f’finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, żieda ta’ kważi 40% fuq l-FP7 fi prezzijiet attwali.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/16/146

 

IP/16/145

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar