Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: Inwittu t-triq għal Unjoni tas-Siġurtà

Brussell, I-20ta' april 2016

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: Inwittu t-triq għal Unjoni tas-Siġurtà

Illum il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi t-triq 'il quddiem lejn il-kisba ta' Unjoni tas-Siġurtà tal-UE effettiva u ġenwina - billi tibni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ppreżentata fit-28 ta' April 2015. Filwaqt li r-responsabbiltà għas-sigurtà tinsab primarjament f’idejn l-Istati Membri, theddidiet transnazzjonali bħat-terroriżmu ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv mingħajr approċċ Ewropew komuni. L-għodod, l-infrastruttura u l-ambjent neċessarji qed jinbnew fuq livell Ewropew biex jippermettu li l-awtoritajiet nazzjonali jaħdmu flimkien b'mod effettiv biex jindirizzaw l-isfida komuni. Iżda l-valur miżjud sħiħ ta' Unjoni tas-Sigurtà jiddependi b'mod kruċjali mill-użu li jsir minn dan il-qafas, biex jingħalqu lakuni operazzjonali u nuqqasijiet fl-informazzjoni. Dan jirrikjedi bidla fil-pass fil-livell ta’ Stati Membri u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom, b’ħidma mill-qrib ma’ Aġenziji tal-UE.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "It-terroriżmu m'għandux fruntieri. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għas-sigurtà interna. Iżda jridu jkunu jistgħu jikkooperaw mingħajr xkiel għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u biex jintraċċaw l-awturi. L-UE tista’ u trid tipprovdi l-qafas u l-għodod it-tajba għal dan, imma dak li se jagħmel id-differenza huwa kif l-Istati Membri jużawhom. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri kollha tagħna għandhom kemm 'jaħsbu b’mod Ewropew' kif ukoll 'jaġixxu b'mod Ewropew', peress li s-sigurtà interna hija responsabbiltà komuni.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos żied: "L-Unjoni Ewropea hija mfassla biex toffri żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, mingħajr fruntieri interni għaċ-ċittadini tagħha. Is-sigurtà interna ta' Stat Membru wieħed hija s-sigurtà interna tal-Istati Membri kollha. Il-frammentazzjoni tagħmilna vulnerabbli. Din hija sfruttata bis-sħiħ mit-terroristi u l-kriminali, kif urew l-attakki reċenti f’diversi Stati Membri tagħna. Għandna bżonn nirbħu din is-sitwazzjoni u npoġġu fil-prattika l-impenji tagħna biex niksbu Unjoni tas-Sigurtà tal-UE vera."

F’Unjoni ta’ Sigurtà, il-forzi tal-pulizija fi Stat Membru wieħed għandu jkollhom rifless awtomatiku biex jaqsmu informazzjoni rilevanti ma’ kollegi fi Stati Membri oħra. Il-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni llum tieħu rendikont tal-progress magħmul fuq l-azzjonijiet permezz tal-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà, tidentifika nuqqasijiet fl-implimentazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tistabbilixxi azzjonijiet li jridu jittieħdu biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Hija tipprovdi pjan ta' direzzjoni li jidentifika għadd ta’ oqsma ta’ prijorità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fejn l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri proposti mill-Kummissjoni, u xi azzjoni ulterjuri, huma meħtieġa. Dawn il-miżuri, immirati li jżidu l-kapaċità kollettiva biex tiġi indirizzata t-theddida terroristika, jinkludu:

  • L-indirizzar tat-theddida kkawżata minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw: l-awtoritajiet nazzjonali jridu jkunu informati bis-sħiħ bil-movimenti ta' ġellieda terroristi barranin, kemm dawk ħerġin kif ukoll dawk deħlin u jaqsmu tali informazzjoni ma' xulxin u mal-aġenziji tal-UE permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol;

  • Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni: trid tingħata prijorità lill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi. L-Istati Membri jridu jiżguraw li dawk diġà radikalizzati jidħlu f'programmi ta' deradikalizzazzjoni u jiġu miżmuma milli jxerrdu propaganda terroristika u diskors ta' mibegħda u li l-informazzjoni dwar dawk li jippreżentaw riskju għoli ta' radikalizzazzjoni hija proattivament skambjata;

  • Miżura restrittiva għat-terroristi u dawk li jappoġġawhom: il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jilħqu ftehim malajr dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu biex tissaħħaħ il-kriminalizzazzjoni ta' reati relatati mat-terroristi bħall-ivvjaġġar tat-terroristi u l-forniment ta' finanzjament, djar, trasport jew materjal biex jappoġġaw it-terroristi;

  • It-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni: il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jilħqu ftehim malajr dwar ir-regolament tal-Europol rivedut u jadottaw il-proposti leġiżlattivi ppreżentati mill-Kummissjoni biex jittejjeb l-iskambju tal-infomazzjoni u l-interoperabbiltà ta' bażijiet tad-dejta u sistemi ta' informazzjoni, bħall-estensjoni tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) għal ċittadini mhux tal-UE;

  • It-tisħiħ taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu: iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għandu jissaħħaħ biex isir iċ-ċentru tal-intelligence tal-infurzar tal-liġi għall-analiżi tat-theddid u biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ pjanijiet operazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattivi biex tiżviluppa ċ-Ċentru fi struttura iktar b’saħħitha, bil-kapaċità għal ippjanar operatti konġunt, valutazzjonijiet tat-theddid u koordinazzjoni tal-intelligence dwar l-infurzar tal-liġi. Il-valutazzjoni konġunta tat-theddid dwar it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni trid tibda tiġi żviluppata minn issa bħala kwistjoni ta’ urġenza.

  • It-tneħħija tal-aċċess tat-terroristi għall-armi tan-nar u l-isplussivi: L-Istati Membri għandhom jimplimentaw bħala kwistjoni ta' prijorità l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi u l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta għal rieżami tad-Direttiva dwar il-kontroll tal-akkwiżizzjoni u l-pussess ta' armi ppreżentata mill-Kummissjoni fit-18 ta' Novembru 2015;

  • Il-qtugħ tal-aċċess tat-terroristi għall-fondi: il-Kummissjoni se twettaq il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu biex tgħin lill-Istati Membri jsaħħu l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-moviment ta' fondi u assi oħrajn u biex ittellef s-sorsi ta' dħul tal-organizzazzjonijiet tat-terroristi;

  • Il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-infrastrutturi kritiċi: l-awtoritjiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet prinċipali oħra jridu jkunu iktar preparati għar-riskju tas-sigurtà relatat mal-vulnerabbiltà tal-infrastuttura kritika, jiżguraw skambju ta' informazzjoni rilevanti suffiċjenti, ifasslu miżuri preventivi b'mod koordinat madwar il-fruntieri u jappoġġaw riċerka dwar ħtiġijiet teknoloġiċi u ta' kapaċità futuri;

  • Id-dimensjoni esterna: trid tiġi żgurata koerenza ikbar bejn l-azzjonijiet interni u esterni fil-qasam tal-ħtiġijiet tas-sigurtà. Billi tfassal fuq ix-xogħol tal-Koordinatur tal-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-UE, tal-Kummissjoni u l-SEAE, l-UE għandha tibda sħubijiet ta' kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi madwar il-Mediterran.

Sfond 

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fit-28 ta' April 2015, filwaqt li stabbilixxiet l-azzjonijiet prinċipali biex tiżgura risposta tal-UE effettiva għat-theddidiet tat-terroriżmu u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2015-2020. L-Aġenda ssodisfat impenn magħmul mill-Linji Gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u hija element kostitwenti prinċipali tal-Istrateġija tas-Siġurtà Interna li kienet adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2015.

Mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progess sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. Oqsma prinċipali ta' attenzjoni ġew imsaħħa mill-Pjan ta' Azzjoni adottat f'Diċembru 2015 dwar armi tan-nar u splussivi, fi Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 dwar Sistemi tal-Informazzjoni iktar b'Saħħithom u iktar Intelliġenti għall-Fruntieri u għas-Sigurtà.

Inċidenti riċenti wrew il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni, u titħaffef l-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti stabbiliti fl-Aġenda. Wara l-attakki fi Brussell, il-Parlament Ewropew, il-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-Kummissjoni enfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jagħfsu fuq il-miżuri previsti u biex isaħħu l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Komunikazzjoni adottata llum, sena mill-preżentazzjoni tal-Aġenda, tagħmel rendikont tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħha f'dak li jirrigwarda l-kontribut tal-UE għal sforzi kontra t-terroriżmu nazzjonali.

Għal iżjed informazzjoni

 

MEMO: L-implimentazjzoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Komunikazzjoni: Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

Anness

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Stqarrija għall-istampa: Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà - Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiġġieled t-terroriżmu u t-traffikar illegali ta' armi tan-nar u splussivi

Proposta għal Direttiva dwar it-Terroriżmu

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar illeċitu u l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi

Stqarrija għall-istampa: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu

Stqarrija għall-istampa: Fruntieri Aktar b'Saħħithom u Aktar Intelliġenti fl-UE: Il-Kummissjoni tipproponi li tkun stabbilita Sistema ta' Dħul u Ħruġ

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tniedi diskussjoni dwar qafas futur għal sistemi ta' informazzjoni iktar b'saħħithom u iktar intelliġenti għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna

IP/16/1445

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar