Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud se tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett fl-ekonomija xprunata mid-dejta

Brussell, id-19ta' april 2016

Illum il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta' azzjoni tagħha għas-servizzi bbażati fuq il-cloud u għall-infrastruttura tad-dejta tal-ogħla livell biex tiżgura li s-servizzi xjentifiċi, kummerċjali u pubbliċi jgawdu mill-benefiċċji tar-rivoluzzjoni tal-Big Data.

L-Ewropa hija l-akbar produttur tad-dejta xjentifika fid-dinja, iżda l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' infrastruttura mhux qed jippermettu li l-Big Data tiġi kompletament sfruttata. Biż-żieda u bl-intekonnessjoni tal-infrastruttura tar-riċerka eżistenti, il-Kummissjoni qed tippjana li toħloq Cloud Ewropea Miftuħa tax-Xjenza ġdida li se tipprovdi lill-1.7 miljun riċerkatur u lis-70 miljun professjonist tat-teknoloġija u tax-xjenza Ewropej b'ambjent virtwali, interdixxiplinari u transfruntier, fejn jaħżnu, jaqsmu u jużaw mill-ġdid id-dejta tagħhom. Dan se jkun ibbażat fuq l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea li tuża n-netwerks b'veloċità għolja, il-faċilitajiet ta' ħżin fuq skala kbira u l-kapaċità ta' superkompjuter meħtieġa biex taċċessa b'mod effettiv u tipproċessa s-settijiet kbar ta' dejta maħżuna fil-cloud. Din l-infrastruttura tal-ogħla livell se tiżgura li l-Ewropa tieħu sehem fit-tellieqa globali għall-informatika ta' prestazzjoni għolja f'konformità mal-potenzjal ekonomiku u ta' għarfien tagħha.

Fl-Ewropa u fost is-sħab globali tagħha, il-bażi tal-utenti għall-ewwel se tkun iffukata fuq il-komunità xjentifika iżda maż-żmien se tiġi estiża anke għas-settur pubbliku u għall-industrija. Din l-inizjattiva hija parti minn pakkett ta' miżuri biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fl-innovazzjoni xprunata mid-dejta, biex jittejbu l-kompetittività u l-koeżjoni u biex tgħin fil-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa (stqarrija għall-istampa).

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni qal: "L-għan tagħna huwa li noħolqu Cloud Ewropea Miftuħa tax-Xjenza biex ix-xjenza tkun aktar effiċjenti u produttiva u b'hekk miljuni ta' riċerkaturi jkunu jistgħu jaqsmu u janalizzaw ir-riċerka f'ambjent sikur, interdixxiplinari u li jegħleb l-ostakli tekonoloġiċi u l-fruntieri nazzjonali. Smajna t-talbiet tal-komunità xjentifika għal infrastruttura tax-Xjenza Miftuħa u b'dan il-pjan komprensiv nistgħu mmiddu jdejna għax-xogħol. Il-benefiċċji tad-dejta miftuħa għax-xjenza, għall-ekonomija u għas-soċjetà Ewropea se jkunu enormi".

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal:"L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud se tisfrutta l-valur tal-Big Data billi tipprovdi kapaċità ta' superkompjutazzjoni fuq livell għoli, konnettività b'veloċità għolja u servizzi ta' dejta u ta' software mill-aktar avvanzati għax-xjenza, għall-industrija u għas-settur pubbliku. B'din l-inizjattiva, l-ambizzjoni tagħna hi li sal-2020 nkunu fost l-aqwa tliet awtoritajiet fid-dinja tal-informatika ta' prestazzjoni għolja. Se nkunu qed naraw ukoll il-potenzjal tat-teknoloġiji quantum li jistgħu verament isolvu l-problemi komputazzjonali li jmorru lil hinn mis-superkomjuters li hawn bħalissa."

L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud se tgħin lir-riċerkaturi u lill-innovaturi biex jaċċessaw u jużaw mill-ġdid id-dejta u se tnaqqas l-ispejjeż tal-ħżin tad-dejta u tal-analiżi ta' prestazzjoni għolja. Jekk ir-riċerka tkun disponibbli b'mod miftuħ, din tista' ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa billi tkun ta' benefiċċju għan-negozji l-ġodda, għall-SMEs u għall-innovazzjoni mmexxija mid-dejta, anke fl-oqsma tal-mediċina u tas-saħħa pubblika. Saħansitra tista' tixpruna industriji ġodda, kif jixhed il-Proġett tal-Ġenoma tal-Bniedem.

Il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud b'mod progressiv permezz ta' sensiela ta' azzjonijiet, fosthom:

  • Mill-2016: se toħloq Cloud Ewropea Miftuħa tax-Xjenza għar-riċerkaturi Ewropej u għall-kollaboraturi xjentifiċi globali tagħhom billi tintegra u tikkonsolida l-pjattaformi tal-infrastruttura elettronika, billi tiffedera l-infrastrutturi tar-riċerka u l-clouds xjentifiċi eżistenti u tappoġġa l-iżvilupp tas-servizzi bbażati fuq il-cloud;
  • fl-2017: se tiftaħ b'mod awtomatiku d-dejta xjentifika kollha prodotta minn proġetti futuri skont il-programm ta' riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020 li jiswa €77 biljun, biex tiżgura li l-komunità xjentifika tista' tuża mill-ġdid il-volumi kbar ta' dejta li jiġġeneraw;
  • fl-2018: se tniedi inizjattiva ewlenija biex tħaffef l-iżvilupp tat-teknoloġija quantum li hija l-bażi għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' superkompjuters;
  • Sal-2020: se tiżviluppa u tuża fuq skala kbira infrastruttura Ewropea tal-informatika ta' prestazzjoni għolja, ta' ħżin tad-dejta u tan-netwerks, bl-akkwist ta' żewġ prototipi ta' superkompjuters tal-ġenerazzjoni li jmiss, b'wieħed minnhom li jikklassifika fost l-aqwa tlieta fid-dinja billi jistabbilixxi ċentru Ewropew tal-Big Data u jaġġorna n-netwerk ewlieni għar-riċerka u l-innovazzjoni (GEANT).

Barra minn hekk, il-komunità tar-riċerka Ewropea, il-Cloud Ewropea Miftuħa tax-Xjenza u l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se jkunu aċċessibbli u joħolqu benefiċċji għal għadd ta' utenti oħra, fosthom:

  • In-negozji se jkollhom aċċess faċli u kosteffettiv għad-dejta tal-ogħla livell u għall-infrastruttura tal-informatika kif ukoll għal ġabra sħiħa ta' dejta xjentifika li tippermetti l-innovazzjoni mmexxija mid-dejta. Dan se jkun partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs li ġeneralment ma jkollhomx aċċess għal dawn ir-riżorsi.
  • L-industrijase tibbenefika mill-ħolqien ta' ekosistema tal-cloud fuq skala kbira li tappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji Ewropej ġodda bħaċ-ċipep b'enerġija baxxa għall-informatika ta' prestazzjoni għolja.
  • Is-servizzi pubbliċi se jibbenefikaw minn aċċess affidabbli għal riżorsi tal-informatika b'saħħithom u mill-ħolqien ta' pjattaforma biex jiftħu d-dejta u s-servizzi u tagħhom, li tista' twassal għal servizzi pubbliċi interkonnessi li jkunu orħos, aħjar u iżjed mgħaġġla. Ir-riċerkaturi se jibbenefikaw ukoll minn aċċess onlajn għall-ġabra sħiħa ta' dejta maħluqa mis-servizzi pubbliċi.

L-investiment pubbliku u privat meħtieġ biex tiġi implimentata l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud huwa stmat li jilħaq is-€6.7 biljun. Il-Kummissjoni tistma li b'mod ġenerali, €2 biljun mill-finanzjament tal-Orizzont 2020 se jkunu allokati għall-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud. L-istima tal-investiment addizzjonali pubbliku u privat huwa ta' €4.7 biljun fuq perjodu ta' 5 snin.

Għal aktar informazzjoni ara:

- L-istqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan biex tiddiġitalizza l-industrija Ewropea

- Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar is-sett ta' miżuri biex tiġi diġitalizzata l-industrija Ewropea

Komunikazzjonijiet adottati llum:

- Il-Komunikazzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea: Ingawdu l-benefiċċji sħaħ ta’ Suq Uniku Diġitali

- Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva tal-Cloud Ewropea - Il-bini ta' ekonomija ta' data u għarfien kompetittiva fl-Ewropa

- Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar Amministrazzjoni elettronika 2016-2020. L-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern

- Il-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

Fuq il-midja soċjali

#DigitiseEU

#DigitalSingleMarket

#OpenScience

 

IP/16/1408

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar