Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan biex tiddiġitalizza l-industrija Ewropea

Brussell, id-19ta' april 2016

Bit-twettiq tal-Istrateġija tagħha biex jinħoloq Suq Uniku Diġitali, illum il-Kummissjoni ppreżentat il-pjanijiet tagħha biex tgħin lill-industrija Ewropea, lill-SMEs, lir-riċerkaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi jisfruttaw bl-aħjar mod it-teknoloġiji l-ġodda.

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ta' miżuri bil-għan li tappoġġa u tgħaqqad inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u servizzi relatati fis-setturi kollha u biex tixpruna l-investiment bi sħubiji u netwerks strateġiċi. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll miżuri konkreti biex tħaffef aktar l-iżvilupp ta' standards komuni fl-oqsma ta' prijorità, bħan-netwerks ta' komunikazzjoni 5G jew iċ-ċibersigurtà u biex timmodernizza s-servizzi pubbliċi. Bħala parti mill-pjanijiet ippreżentati llum, il-Kummissjoni se toħloq cloud Ewropea li l-ewwel għan tagħha huwa li tipprovdi lill-1.7 miljun riċerkatur u lis-70 miljun professjonist tat-teknoloġija u tax-xjenza Ewropej b'ambjent virtwali fejn jaħżnu, jimmaniġġjaw, janalizzaw u jużaw mill-ġdid volumi kbar ta' riċerka (stqarrija għall-istampa).

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Ir-rivoluzzjoni industrijali ta' żminijietna hija waħda diġitali. Biex niksbu l-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji bħall-cloud computing, ix-xjenza xprunata mid-dejta u l-internet tal-oġġetti għandna bżonn ta' skala tajba. Hekk kif il-kumpaniji qed jimmiraw li jkomplu jikbru fis-Suq Uniku, is-servizzi elettroniċi pubbliċi jridu jissodisfaw ukoll il-ħtiġijiet li qed niltaqgħu magħhom bħalissa: għandhom jitfasslu b'tali mod li jkunu diġitali, miftuħa u transfruntiera. L-UE hija l-iskala t-tajba għaż-żminijiet diġitali."

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "L-Ewropa għandha bażi industrijali kompetittiva ħafna u tinsab fuq quddiem nett f'diversi setturi importanti. Iżda din il-pożizzjoni tista' tinżamm biss jekk id-diġitalizzazzjoni tal-industrija ssir malajr u tkun ta' suċċess. Il-proposti tagħna tfasslu biex jiżguraw li dan iseħħ. Dawn jeħtieġu sforz konġunt fl-Ewropa kollha biex jattiraw l-investiment li għandna bżonn għat-tkabbir fl-ekonomija diġitali."

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs żiedet tgħid: "L-ekonomija diġitali tingħaqad mal-ekonomija reali. Neħtieġu tmexxija u investiment fit-teknoloġiji diġitali f'oqsma bħall-manifattura avvanzata, l-enerġija intelliġenti, is-sewqan awtomatizzat jew is-saħħa elettronika."

Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija

Għalkemm ħafna partijiet tal-ekonomija implimentaw malajr ħafna t-teknoloġiji u l-proċessi diġitali, l-industrija Ewropea fis-setturi kollha u irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija trid tuża bis-sħiħ l-opportunitajiet diġitali, jekk trid tkun globalment kompetittiva. Is-setturi tradizzjonali (bħas-setturi tal-kostruzzjoni, agroalimentari, tat-tessuti jew tal-azzar) u l-SMEs għadhom lura ħafna fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom. Studji riċenti stmaw li fil-ħames snin li ġejjin id-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi se żżid id-dħul tal-industrija fl-Ewropa b'EUR 110 biljun fis-sena.

Xi Stati Membri tal-UE diġà nedew strateġiji biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-industrija. Iżda hemm bżonn approċċ komprensiv fil-livell Ewropew biex jiġu evitati s-swieq frammentati u biex jitgawdew il-benefiċċji tal-evoluzzjonijiet diġitali bħall-internet tal-oġġetti.

Bħala parti minn dan l-approċċ, il-Kummissjoni se:

  • tgħin fil-koordinazzjoni tal-inizjattivi nazzjonali u reġjonali dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija billi żżomm djalogu kontinwu fl-UE mal-atturi kollha involuti. Se jiġi stabbilit qafas ta' governanza mal-Istati Membri u mal-industrija.
  • tiffoka l-investimenti fis-sħubijiet pubbliċi privati tal-UE u tħeġġeġ l-użu tal-opportunitajiet li joffru l-Pjan ta' Investiment tal-UEu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.
  • tinvesti €500 miljun f'netwerk mal-UE kollha ta' ċentri tal-innovazzjoni diġitali (ċentri ta' eċċellenza fit-teknoloġija) fejn in-negozji jistgħu jieħdu pariri u jittestjaw l-innovazzjonijiet diġitali.
  • toħloq proġetti pilota fuq skala kbira biex isaħħu t-teknoloġiji tal-internet tal-oġġetti, il-manifattura u t-teknoloġiji avvanzati fil-bliet u d-djar intelliġenti, fil-karozzi konnessi jew fis-servizzi tas-saħħa mobbli.
  • tadotta leġiżlazzjoni li tkun valida anke għall-futur li se tappoġġa l-fluss liberu tad-dejta u tiċċara s-sjieda tad-dejta miksuba minn apparati jew sensers intelliġenti. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà tas-sistemi awtonomi.
  • tippreżenta aġenda għall-ħiliet tal-UE li se tgħin lill-persuni jiksbu l-ħiliet meħtieġa għax-xogħlijiet fl-era diġitali.

L-inizjattiva Ewropea dwar il-cloud (stqarrija għall-istampa) hija wkoll parti minn dan il-pakkett u se tgħin biex l-Ewropa tkun fuq quddiem fl-ekonomija xprunata mid-dejta.

B'mod ġenerali, il-pjanijiet tal-lum se jimmobilizzaw aktar minn €50 biljun ta' investimenti pubbliċi u privati biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

Standards ta' prijorità biex tiġi xprunata l-innovazzjoni diġitali

Fis-Suq Uniku Diġitali biljuni ta' apparati konnessi, fosthom telefowns, kompjuters u sensers, għandhom jikkomunikaw b'mod sikur u bla xkiel irrispettivament mill-manifattur, mid-dettalji tekniċi jew mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Għaldaqstant hemm bżonn ta' lingwa komuni, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards.

Il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri konkreti biex jitħaffef il-proċess ta' stabbiliment tal-istandards billi:

  • issir enfasi fuq ħames oqsma ta' prijorità meta l-industrija u l-korpi ta' standardizzazzjoni jintalbu biex jaħdmu fuq l-istandards. Dawn l-oqsma huma: il-5G, il-cloud computing, l-internet tal-oġġetti, it-teknoloġiji tad-dejta u ċ-ċibersigurtà.
  • isir kofinanzjament tal-ittestjar u tal-isperimentazzjoni tat-teknoloġiji biex jitħaffef l-istabbiliment tal-istandards inklużi fis-sħubijiet pubbliċi privati rilevanti. Dan se jiżgura li l-istandards jitwettqu fil-ħin biex titħeġġeġ l-innovazzjoni u t-tkabbir tan-negozji.

Dan l-approċċ aktar mgħaġġel u ffukat se jħaffef l-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-teknoloġiji bħall-grilji intelliġenti, is-servizzi tas-saħħa mobbli, il-vetturi konnessi u setturi oħra. L-UE qed tippjana li tappoġġa l-parteċipazzjoni tal-esperti Ewropej f'deċiżjonijiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali biex tiżgura li l-ideat Ewropej jikkontribwixxu għas-soluzzjonijiet globali.

 

Servizzi pubbliċi diġitali

Il-pubbliku u n-negozji għadhom mhux qed igawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji tas-servizzi pubbliċi diġitali li għandhom ikunu disponibbli bla xkiel fl-UE kollha. Il-pjan ta' azzjoni tal-gvern elettroniku li ġie ppreżentat illum, se jimmodernizza s-servizzi pubbliċi diġitali u b'hekk l-UE se tkun post aħjar fejn wieħed jgħix, jaħdem u jinvesti.

Il-Kummissjoni ressqet 20 miżura li għandhom jitnedew sal-aħħar tal-2017. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se:

  • tistabbilixxi portal diġitali uniku fejn l-utenti jkunu jistgħu jiksbu s-servizzi kollha ta' informazzjoni, ta' assistenza u ta' soluzzjoni għall-problemi meħtieġa biex jaħdmu b'mod effiċjenti bejn il-fruntieri.
  • tiġbor flimkien ir-reġistri kollha tan-negozji u tal-insolvenza u tikkollegahom mal-portal Ewropew tal-Ġustizzja, biex b'hekk isir punt uniku ta' servizz.
  • tniedi proġett pilota mal-amministrazzjonijiet li se japplikaw il-prinċipju ta' "darba biss" għan-negozji transfruntiera. B'hekk il-kumpaniji se jkollhom bżonn jipprovdu biss id-dokumenti lill-awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiż wieħed tal-UE, anke jekk jaħdmu fi Stati Membri oħra tal-UE.
  • tgħin lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw servizzi tas-saħħa elettronika transfruntiera bħar-riċetti elettroniċi u s-sommarji mediċi tal-pazjenti.
  • tħaffef it-tranżizzjoni tal-akkwist elettroniku, tal-firem elettroniċi u tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss" fl-akkwist pubbliku.

Sfond

L-inizjattivi tal-lum huma l-ewwel pakkett relatat mal-industrija skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Dan tħabbar mill-President Juncker f'Pariġi, f'Ottubru 2015 (diskors).

L-inizjattivi jirriżultaw mill-ewwel sett ta' proposti adottati f'Diċembru 2015 dwar id-drittijiet tal-awtur (stqarrija għall-istampa) u l-kuntratti diġitali (stqarrija għall-istampa) kif ukoll mill-abbozz tad-deċiżjoni dwar il-koordinazzjoni tal-ispettru li sar fi Frar 2016(stqarrija għall-istampa). L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tinkludi 16-il inizjattiva ewlenija li għandhom jiġu ppreżentati sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Kummissjoni għaddejja bi sforz kontinwu u ambizzjuż biex tappoġġa l-industrija bi proġetti bħall-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-Pjan ta' Investiment, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ul-Ekonomija Ċirkolari.

Għal aktar informazzjoni ara:

-Il-Mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar is-sett ta' miżuri biex tiġi diġitalizzata l-industrija Ewropea

- L-istqarrija għall-istampa: L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud se tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett fl-ekonomija xprunata mid-dejta

Komunikazzjonijiet adottati llum:

- Il-Komunikazzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea: Ingawdu l-benefiċċji sħaħ ta’ Suq Uniku Diġitali

- Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva tal-Cloud Ewropea - Il-bini ta' ekonomija ta' data u għarfien kompetittiva fl-Ewropa

- Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar Amministrazzjoni elettronika 2016-2020. L-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern

- Il-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

Fuq il-midja soċjali

#DigitiseEU#DigitalSingleMarket#OpenScience

 

 

IP/16/1407

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar