Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Sigurtà: L-UE ssaħħaħ ir-reazzjoni tagħha għat-theddid ibridu

Brussell, is-6ta' april 2016

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli llum adottaw Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u titrawwem ir-reżiljenza tal-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab filwaqt li tiżdied il-kooperazzjoni man-NATO fil-ġlieda kontra dan it-theddid.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu dejjem aktar esposti għal theddid ibridu li jinkludi azzjonijiet ostili mfassla biex jiddistabbilizzaw reġjun jew Stat. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli llum adottaw Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u titrawwem ir-reżiljenza tal-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab filwaqt li tiżdied il-kooperazzjoni man-NATO fil-ġlieda kontra dan it-theddid.

Ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini qalet: “F'dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà nbidlet drastikament. Rajna żieda fit-theddid ibridu fuq il-fruntieri tal-UE. Kien hemm sejħa qawwija biex l-UE tadatta u żżid il-kapaċitajiet tagħha bħala fornitur tas-sigurtà. Ir-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna jeħtieġ li tiġi msaħħaħ aktar. B’dawn il-proposti l-ġodda, aħna rridu ntejbu l-kapaċità tagħna biex jiġġieldu t-theddid ta’ natura ibrida. F’dan l-isforz, aħna ser inżidu wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni man-NATO”.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs qalet: “L-UE trid issir fornitur tas-sigurtà, kapaċi tadatta għan-nautra dejjem tinbidel tat-theddid li qed naffaċċjaw, kif ukoll tantiċipahom u tirreaġixxi għalihom. Dan ifisser it-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tagħna minn ġewwa filwaqt li nżidu l-kapaċità tagħna kontra t-theddid estern li qed jitfaċċa. F’dan il-Qafas, aħna naġixxu flimkien biex niġġieldu t-theddid ibridu komuni. Qed nippreżentaw proposti konkreti biex l-Unjoni u l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fis-sigurtà u d-difiża, itejbu r-reżiljenza, jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet strateġiċi u jħejju reazzjoni koordinata.”  

Il-Qafas Konġunt joffri approċċ komprensiv biex titjieb ir-reazzjoni komuni għall-isfidi tat-theddid ibridu lill-Istati Membri, liċ-ċittadini u lis-sigurtà kollettiva tal-Ewropa. Din tgħaqqad l-atturi, il-politiki u l-istrumenti rilevanti kollha, kemm biex jiġġieldu t-theddid ibridu kif ukoll biex jimmitigaw l-impatt tagħhom b'mod aktar ikkoordinat. B’mod partikolari, jibni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà adottata mill-Kummissjoni f’April 2015, kif ukoll fuq strateġiji settorjali bħalma huma l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Ċibernetika, l-Istrateġija għas-Sigurtà tal-Enerġija u l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qafas Konġunt jgħaqqad flimkien politiki eżistenti u jipproponi tnejn u għoxrin Azzjoni operazzjonali mmirati lejn li:

  • jissensibilizzaw billi jwaqqfu mekkaniżmi apposta għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u billi l-azzjonijiet tal-UE jiġu kkoordinati biex iwasslu għal komunikazzjoni strateġika;
  • jibnu r-reżiljenza billi jiġu indirizzati setturi potenzjalment strateġiċi u kritiċi bħalma huma s-sigurtà ċibernetika, l-infrastrutturi kritiċi (l-Enerġija, it-Trasport, l-Ispazju), il-protezzjoni tas-sistema finanzjarja, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u l-appoġġ għall-isforzi biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti.
  • Jipprevjenu u jirreaġixxu għall-kriżijiet, u l-irkupru minnhom, billi jiddefinixxu proċeduri effettivi li għandhom jiġu segwiti, iżda wkoll billi jeżaminaw l-applikabbiltà u l-implikazzjonijiet prattiċi tal-Klawżola tas-Solidarjetà (l-Artikolu 222 TFUE) u l-klawżola tad-difiża reċiproka (l-Artikolu 42(7) TUE), fil-każ li jseħħ attakk ibridu mifrux u serju;
  • tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif ukoll organizzazzjonijet sħab oħra, fi sforz konġunt fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-inklużività u l-awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull organizzazzjoni.

Il-qafas hu maħsub biex jipprovdi bażi soda ta' appoġġ għall-Istati Membri biex jiġġieldu t-theddid ibridu b'mod kollettiv, sostnuti minn firxa wiesgħa ta’ strumenti u inizjattivi tal-UE u bl-użu sħiħ tal-potenzjal tat-Trattati.

Sfond

It-theddid ibridu jirreferi għal taħlita ta’ attivitajiet li ta' sikwit jgħaqqdu metodi konvenzjonali u mhux konvenzjonali li jkunu jistgħu jintużaw b’mod koordinat minn atturi li jkunu stat jew mhux stat filwaqt li jibqgħu taħt il-livell ta' gwerra dikjarata formalment. L-objettiv mhuwiex biss li jikkawżaw ħsara diretta u jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet, iżda wkoll li jiddistabbilizzaw is-soċjetajiet u joħlqu l-ambigwità biex ifixklu it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-ġlieda kontra t-theddid ibridu hija prinċipalment kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali u r-responsabbiltà primarja hija tal-Istati Membri. Madankollu, il-Qafas Konġunt ippreżentat illum mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentanta Għolja Mogherini għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab tagħhom fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u li jtejjeb ir-reżiljenza tagħhom meta jiffaċċjawhom billi jgħaqqad flimkien strumenti Ewropej u nazzjonali b’mod aktar effettiv milli fl-imgħoddi. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw theddid komuni, li jista' jkollu fil-mira tiegħu networks jew infrastrutturi transfruntieri. Il-qafas ssegwi l-Linji gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker li appella għall-ħtieġa “li naħdmu għal Ewropa aktar b’saħħitha fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża”. Dan il-qafas iwieġeb ukoll għall-istedina tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta’ Mejju 2015 biex jiġu ppreżentati proposti azzjonabbli biex jiġi miġġieled t-theddid ibridu.

Il-Passi li Jmiss

Il-Qafas se jiġi ppreżentat lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni:

IP/16/1227

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar