Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tipproteġi l-Fruntieri Esterni tal-Ewropa

Strasburgu, il-15ta' dicembru 2015

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tipproteġi l-Fruntieri Esterni tal-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat sett importanti ta’ miżuri għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u għall-protezzjoni taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni. Il-proposti tal-lum se jgħinu biex il-migrazzjoni tiġi mmaniġġjata b’mod aktar effettiv, tittejjeb is-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea, u jiġi salvagwardjat il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiżgura ġestjoni f’saħħitha u kondiviża tal-fruntieri esterni. Biex tkompli tiżdied is-sigurtà għaċ-ċittadini tal-Ewropa, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tintroduċi kontrolli sistematiċi tal-bażijiet tad-dejta relevanti tal-persuni kollha li jidħlu jew joħorġu miż-żona Schengen.

L-ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal: "F'żona ta' moviment ħieles mingħajr fruntieri interni, il-ġestjoni tal-fruntieri esterni trid tkun responsabbiltà kondiviża. Il-kriżi kixfet nuqqasijiet ċari u lakuni fil-mekkaniżmi eżistenti mmirati biex jiżguraw li l-istandards tal-UE jiġu rispettati. Għalhekk, issa wasal iż-żmien li ngħaddu għal sistema verament integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se ġġib flimkien Aġenzija msaħħa, bil-kapaċità li tuża pool ta’ riżerva ta’ persuni u tagħmir, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li se jkomplu jeżerċitaw il-ġestjoni tal-fruntieri ta’ kuljum. Is-sistema li qed nipproponu se tippermetti identifikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas f’ħin reali sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti malajr, titjieb ukoll il-ħila kollettiva tagħna biex nindirizzaw b’mod effettiv sitwazzjonijiet ta’ kriżi fejn sezzjoni tal-fruntiera esterna tiġi taħt pressjoni qawwija.”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, żied: "L-isfidi tal-lum dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà m'għandhomx fruntieri u jirrikjedu approċċ tabilħaqq Ewropew. Fejn il-Frontex kienet tkun limitata biex tappoġġja l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħhom, l-Aġenzija l-ġdida tal-Fruntieria se tmur lil hinn minn dan. Dak li qed noħolqu llum hija aktar Ewropa: għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħna, biex jitħaffef ir-ritorn ta’ migranti irregolari, biex is-sistema tagħna tal-ażil tkun f'pożizzjoni li taħdem kif suppost għal dawk fil-bżonn u biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Il-Pakkett tal-Fruntieri li qed nippreżentaw illum se jżid is-sigurtà għaċ-ċittadini tagħna u jiżgura standards għoljin ta’ ġestjoni tal-fruntieri.”

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se ġġib flimkien l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mibnija mill-Frontex u l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, li se jkunu qed ikomplu jeżerċitaw il-ġestjoni tal-fruntieri esterni minn jum għal jum.

The new European Border and Coast Guard will have:

  • Pool rapidu ta'riżerva ta' gwardi tal-fruntieri u tagħmir tekniku: L-Aġenzija se tkun tista’ taħdem b'mill-inqas 1,500 espert li jistgħu jiġu mobilizzati f’inqas minn 3 ijiem. Għall-ewwel darba l-Aġenzija se tkun tista’ takkwista t-tagħmir hija stess u taħdem b'pool ta’ tagħmir tekniku pprovdut mill-Istati Membri. Mhux se jkun hemm aktar nuqqas ta’ persunal jew tagħmir għall-operazzjonijiet fil-fruntieri Ewropej. Ir-riżorsi umani tal-Aġenzija l-ġdida se jżiedu b’aktar mid-doppju li hemm mal-FRONTEX, sabiex jitilgħu għal 1,000 membru ta' persunal permanenti, inklużi operaturi, sal-2020.

  • Rwol ta’ monitoraġġ u ta' superviżoni: Se jitwaqqaf ċentru ta’ monitoraġġ u ta' analiżi tar-riskju biex jimmonitorja l-flussi migratorji lejn u fl-Unjoni Ewropea u biex iwettaq analiżi tar-riskju u valutazzjonijiet obbligatorji tal-vulnerabbiltà sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-punti dgħajfa. Se jiġu ssekondati uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri biex fejn il-fruntieri jkunu f’riskju tkun assigurata l-preżenza fuq il-post. L-Aġenzija se tkun tista’ tevalwa l-kapaċità operazzjonali, it-tagħmir tekniku u r-riżorsi, tal-Istati Membri biex jaffaċċjaw l-isfidi fil-fruntieri esterni tagħhom u se tkun qed titlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni sa ċertu żmien stabbilit fil-każ ta' vulnerabbiltajiet.

  • Id-dritt tal-intervent: L-Istati Membri jistgħu jitolbu operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntieri, kif ukoll il-mobilizzazjoni tat-Timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u l-Kosti sabiex jappoġġawhom.Fejn jippersistu nuqqasijiet fejn Stat Membru jkun taħt pressjoni migratorja sinifikanti li tpoġġi fil-periklu ż-żona Schengen u l-azzjoni nazzjonali ma tasalx jew ma tkunx biżżejjed, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddetermina li s-sitwazzjoni f’taqsima partikolari tal-fruntieri esterni titlob azzjoni urġenti fil-livell Ewropew.Dan se jippermetti lill-Aġenzija li tintervjeni u tibgħat Timijiet ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sabiex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni fuq il-post anki meta Stat Membru ma jistax jew ma jixtieqx jieħu l-miżuri meħtieġa.

  • Sorveljanza mill-Gwardja tal-Kosti: Il-gwardji kostali nazzjonali se jkunu parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sal-punt li jwettqu xogħlijiet ta’ kontroll fil-fruntieri. Il-mandati tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima se jiġu allinjati mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida. It-tliet aġenziji se jkunu jistgħu jniedu operazzjonijiet ta’ sorveljanza konġunti, pereżempju billi b’mod konġunt joperaw Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (drones) fil-Baħar Mediterran.

  • Mandat għall-ħidma f’pajjiżi terzi: L-Aġenzija se jkollha mandat ġdid biex tibgħat uffiċjali ta’ kollegament u biex tniedi operazzjonijiet konġunti ma’ pajjiżi terzi ġirien, inkluż biex joperaw f'dak it-territorju.

  • Rwol aktar b'saħħtu fir-ritorn tal-migranti: Fl-istess Aġenzija se jitwaqqaf Uffiċċju Ewropew għar-Ritorn biex ikunu jistgħu jiġu mmobilizzati t-Timijiet Ewropej ta' Intervent għar-Ritorn magħmula minn skorti, uffiċjali tal-monitoraġġ u speċjalisti tar-ritorn li se jkunu qed jaħdmu biex in-nazzjonali tal-pajjiżi terzi jiġu rritornati b'mod effettiv. Dokument tal-Ivvjaġġar Ewropew standard għar-ritorn jiżgura li jiġu aċċettati aktar nazzjonali li jintbagħtu lura fil-pajjiżi terzi.

  • Garanzija ta' sigurtà interna: L-Aġenzija se tkun qiegħda tinkludi l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntier fl-analiżi tar-riskju tagħha u tikkoopera ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

Kontrolli sistematiċi ta’ ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni

Biex tikber is-sigurtà fiż-żona Schengen, il-Kummissjoni qed tipproponi modifika speċifika fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex tintroduċi l-kontrolli sistematiċi u obbligatorji taċ-ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni tal-art, tal-baħar u tal-ajru. Il-verifiki obbligatorji fuq iċ-ċittadini tal-UE se jiġu introdotti fil-kuntest ta' bażijiet tad-dejta bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-Bażi tad-dejta ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa tal-Interpol u s-sistemi nazzjonali rilevanti, biex jiġi vverifikat li persuni li jaslu fl-Unjoni Ewropea ma jkunux ta' theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna. Il-proposta tirrinforza wkoll il-bżonn li jiġu vverifikati l-identifikaturi bijometriċi fil-passaporti taċ-ċittadini tal-UE f’każ ta’ dubji dwar l-awtentiċità tal-passaport jew dwar il-leġittimità tad-detentur. Il-kontrolli issa se jkunu wkoll obbligatorji meta wieħed joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Fil-prinċipju, minħabba li l-kontrolli fuq id-dokumenti u l-persuni jistgħu jitwettqu b’mod parallel, l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw bażijiet tad-dejta rilevanti mingħajr ma jdewmu l-qsim tal-fruntieri. Ir-regoli jipprovdu għal flessibbiltà f’każijiet fejn il-kontrolli sistematiċi jista’ jkollhom impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku fil-fruntiera. F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri jistgħu, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, jiddeċiedu li jwettqu kontrolli mmirati fuq xi punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-art u tal-baħar. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tiġi kkomunikata lill-Aġenzija, li tista' tivvaluta l-mod li bih tkun applikata l-eċċezzjoni fil-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà.

Il-verifiki sistematiċi fil-bażijiet ta’ dejta huma magħmula fuq bażi ta’ “hit/no hit”. Dan ifisser li jekk il-persuna ma tippreżentax riskju, allura l-kontroll ma jiġix reġistrat u ma jsir l-ebda proċssar ulterjuri tad-dejta. L-użu tal-bażijiet tad-dejta b’dan il-mod ifisser li d-drittijiet tad-dejta personali jintlaqtu biss b’mod limitat ħafna, u ġġustifikati minn għanijiet ta’ sigurtà.

Sfond

It-twaqqif ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif imħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fid-9 ta’ Settembru, huwa parti mill-miżuri taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2015 uriet il-ħtieġa għal approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dan l-objettiv ġie wkoll indikat mill-Parlament Ewropew u approvat fid-direzzjonijiet ċari stipulati mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Settembru u fil-15 ta’ Ottubru.

B’rispons għall-attakki traġiċi reċenti f’Pariġi u t-theddida dejjem tikber mill-ġellieda terroristiċi barranin, il-Kummissjoni kienet pronta ħadet azzjoni biex tiġi aċċellerata l-ħidma u l-implimentazzjoni ta’ miżuri skont l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. Il-proposta tal-lum twieġeb għall-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE, kif appellaw il-Ministri tal-Intern fl-20 ta’ Novembru.

Għal iktar informazzjoni:

SKEDA INFORMATTIVA: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

SKEDA INFORMATTIVA: Verifiki Sistematiċi fil-Fruntieri Esterni

Mistoqsijiet u Tweġibiet fid-Dettall:Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Dokumenti leġiżlattivi

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

IP/15/6327

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar