Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ftehim dwar ir-riforma tal-Kummissjoni rigward il-protezzjoni tad-dejta tal-UE se jsaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali

Brussell, il-15ta' dicembru 2015

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-Riforma tagħha dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE fl-2012 li permezz tagħha l-Ewropa tkun lesta għall-era diġitali (IP/12/46).

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-Riforma tagħha dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE fl-2012 li permezz tagħha l-Ewropa tkun lesta għall-era diġitali (IP/12/46). Illum, sar ftehim mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wara n-negozjati finali bejn it-tliet istituzzjonijiet (hekk imsejħa laqgħat "trilogi").

Aktar minn 90 % tal-Ewropej jgħidu li jridu l-istess drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta madwar l-UE – u irrispettivament minn fejn tkun ġiet ipproċessata d-dejta tagħhom: dan dalwaqt se jsir realtà. Il-pakkett ta’ Riforma se jtemm in-nisġa frammentata ta' regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta li teżisti attwalment fl-UE.

Andrus Ansip, Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Il-ftehim tal-lum huwa pass ewlieni lejn Suq Uniku Diġitali. Għandu jneħħi l-ostakoli u jiftaħ l-opportunitajiet. Il-futur diġitali tal-Ewropa jista’ jinbena biss fuq il-fiduċja. Permezz ta' standards sodi komuni għall-protezzjoni tad-dejta, wieħed jista' jkun ċerti li għandu kontroll fuq l-informazzjoni personali tiegħu. U jkun jista' jgawdi s-servizzi u l-opportunitajiet kollha ta’ Suq Uniku Diġitali. Ma għandniex naraw il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta bħala attività li żżomm lura l-attivitajiet ekonomiċi. Dawn huma vantaġġ kompetittiv essenzjali. Il-ftehim tal-lum jibni bażi soda biex tgħin lill-Ewropa tiżviluppa servizzi diġitali innovattivi. Il-pass li jmiss tagħna issa huwa li jitneħħew l-ostakoli mhux ġustifikati li jillimitaw il-fluss transfruntier tad-dejta: il-prattika lokali u xi drabi l-liġi nazzjonali, il-limitazzjoni tal-ħżin u l-ipproċessar ta’ ċerta dejta barra mit-territorju nazzjonali. Mela ejja nimxu 'l quddiem u nibnu Ewropa miftuħa u b’saħħitha fl-ekonomija tad-dejta fl-UE — ibbażata fuq l-ogħla standards tal-protezzjoni tad-dejta u mingħajr ostakoli mhux ġustifikati.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet, "Illum qed inwettqu l-wegħda tal-Kummissjoni ta' Juncker biex niffinalizzaw ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta fl-2015. Dawn ir-regoli l-ġodda pan-Ewropej huma tajbin għaċ-ċittadini u għan-negozji. Iċ-ċittadini u n-negozji se jibbenefikaw minn regoli ċari li huma xierqa għall-era diġitali, regoli li jagħtu protezzjoni qawwija u fl-istess ħin joħolqu opportunitajiet u jħeġġu l-innovazzjoni f’Suq Uniku Diġitali Ewropew. Ir-regoli armonizzati dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri bbażati fuq il-fiduċja reċiproka, filwaqt li jikkontribwixxu għall-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà."

Ir-riforma hija magħmula minn żewġ strumenti:

  • Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta se jippermetti kontroll aħjar tad-dejta personali tal-poplu. Fl-istess waqt, ir-regoli modernizzati u unifikati jippremettu lin-negozji jisfruttaw l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali permezz tat-tneħħija tal-burokrazija żejda u l-benefiċċju mill-fiduċja msaħħa tal-konsumatur.
  • Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għas-settur tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali se tiżgura li d-dejta ta’ vittmi, ta' xhieda u ta' persuni suspettati li wettqu reati, titħares kif xieraq fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jew ta’ azzjoni tal-infurzar tal-liġi. Fl-istess ħin aktar liġijiet armonizzati jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija jew il-prosekuturi biex jiġġieldu l-kriminalità u t-terroriżmu b’mod aktar effettiv madwar l-Ewropa.

Dritt fundamentali taċ-ċittadini

Ir-riforma se tippermetti lin-nies li jerġgħu jiksbu kontroll fuq id-dejta personali tagħhom. Żewġ terzi tal-Ewropej (67 %), skont stħarriġ Ewrobarometru riċenti, iddikjaraw li huma mħassbin li ma għandhomx kontroll sħiħ fuq l-informazzjoni li huma jipprovdu onlajn. Seba’ Ewropej minn għaxra jinkwetaw dwar l-użu potenzjali li l-kumpaniji jistgħu jagħmlu mill-informazzjoni żvelata. Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta se ssaħħaħ id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta, li huwa dritt fundamentali fl-UE, li jippermetti lil persuni li jkollhom fiduċja meta jagħtu d-dejta personali tagħhom.

Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw dan it-tħassib billi jsaħħu d-drittijiet eżistenti u jagħtu lill-individwi s-setgħa ta' aktar kontroll fuq id-dejta personali tagħhom. B’mod partikolari, dawn jinkludu:

  • aċċess aktar faċli tad-dejta tiegħek: l-individwi se jkollhom aktar informazzjoni dwar kif tiġi pproċessata d-dejta tagħhom u din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli b’mod ċar u li jinftiehem;
  • dritt għall-portabbiltà tad-dejta: se jkun iktar faċli li tittrasferixxi d-dejta personali tiegħek bejn il-fornituri tas-servizzi;
  • "id-dritt li jintnesa", se jkun aktar iċċarat: meta ma tkunx trid li d-dejta tiegħek tiġi pproċessata, u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi sabiex din tinżamm, id-dejta se titħassar;
  • id-dritt li jkunu magħruf meta d-dejta tiegħek tinsteraq (hacked): Pereżempju, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet iridu jinnotifikaw lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali dwar ksur serju tad-dejta mill-aktar fis possibbli sabiex l-utenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri adegwati.

Regoli moderni ċari għan-negozji

Fl-ekonomija diġitali tal-lum, id-dejta personali akkwistat sinifikat ekonomiku enormi, b’mod partikolari fil-qasam tal-big data. Bl-unifikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-leġiżlaturi qed joħolqu opportunità ta’ negozju u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni.

  • Kontinent wieħed, liġi waħda: Ir-Regolament se jistabbilixxi sett ta’ regoli wieħed li se jagħmilha aktar faċli u irħas għall-kumpaniji biex jagħmlu n-negozju fl-UE.
  • Punt uniku ta' servizz: in-negozji se jkollhom biss jittrattaw ma’ awtorità superviżorja waħda ewlenija. Dan huwa stmat li se jiffranka EUR 2.3 biljun fis-sena.
  • Regoli Ewropej fuq art Ewropea – kumpaniji bbażati barra l-Ewropa se jkollhom japplikaw l-istess regoli meta joffru servizzi fl-UE.
  • Approċċ ibbażat fuq ir-riskju: ir-regoli se jevitaw obbligu ta' xkiel "wieħed tajjeb għal kulħadd" u pjuttost ifassal skont il-ħtiġijiet u r-riskji rispettivi.
  • Regoli tajbin għall-innovazzjoni: ir-Regolament se jiggarantixxi li s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta jiġu integrati fi prodotti u servizzi mill-iktar stadju bikri ta’ żvilupp (Protezzjoni tad-dejta permezz tad-disinn). Se jiġu inkoraġġuti ċerti tekniki bħal pseudonomizzazzjoni (pseudonomysation) li jirrispettaw il-privatezza, biex jaħsdu l-benefiċċji tal-innovazzjoni tal-big data filwaqt li titħares il-privatezza.

Benefiċċji għall-kbar u ż-żgħar bl-istess mod

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta se tistimula t-tkabbir ekonomiku billi tnaqqas l-ispejjeż u l-burokrazija għan-negozji Ewropej, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE se tgħin lill-SMEs jidħlu fi swieq ġodda. Skont ir-regoli l-ġodda, l-SMEs se jibbenefikaw minn erba’ tnaqqisiet fil-burokrazija:

  • Nuqqas ta' notifiki: In-notifiki lill-awtoritajiet superviżorji huma formalità li jirrappreżentaw spiża għan-negozji ta’ EUR 130 miljun kull sena. Bir-riforma dawn se jitneħħew kompletament.
  • Kull qatra tgħodd: Meta talbiet għal aċċess għad-dejta huma manifestament bla bażi jew eċċessivi, l-SMEs se jkunu jistgħu jitolbu ħlas għall-forniment ta’ aċċess.
  • Uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Dejta: L-SMEs huma eżentati mill-obbligu li jinħatar uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta sakemm l-ipproċessar tad-dejta ma jkunx l-attività tan-negozju ewlenija tagħhom.
  • Valutazzjonijiet tal-Impatt: L-SMEs mhu se jkollhom l-ebda obbligu li titwettaq valutazzjoni tal-impatt sakemm ma jkunx hemm riskju għoli.

Il-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi

  • Kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi

Mad-Direttiva l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri tal-UE se jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja għal investigazzjonijiet b’mod aktar effiċjenti u effettiv, filwaqt li titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità serja oħra fl-Ewropa.

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-Pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali tieħu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-infurzar tal-liġi, li jirrispetta t-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri u hija kompletament f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.  

  • Protezzjoni aħjar tad-dejta taċ-ċittadini

Id-dejta personali tal-individwi se tkun protetta aħjar, meta pproċessata għal kull fini ta' infurzar tal-liġi fosthom il-prevenzjoni tal-kriminalità. Se jkun protett kulħadd – kemm jekk huma vittmi, kriminali jew xhieda. L-ipproċessar kollu tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni għandu jkun konformi mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-legalità, b’salvagwardji xierqa għall-individwi. Is-sorveljanza hija żgurata minn awtoritajiet nazzjonali indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta, u jridu jiġu pprovduti rimedji ġudizzjarji effettivi.

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-Pulizija u l-Awtoritajiet tal-Ġustizzja Kriminali tipprovdi regoli ċari għat-trasferiment ta’ dejta personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi barra mill-UE, sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-individwi ggarantit fl-UE ma jiġix imminat.

Il-passi li jmiss

Wara qbil politiku milħuq fit-trilogu, it-testi finali se jiġu adottati formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-bidu tal-2016. Ir-regoli l-ġodda se jkunu applikabbli sentejn wara.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli l-ġodda. Matul il-fażi ta’ transizzjoni ta’ sentejn, il-Kummissjoni se tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u l-kumpaniji dwar l-obbligi tagħhom.

L-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta se jaħdmu flimkien aktar mill-qrib fil-futur, speċjalment permezz tal-mekkaniżmu tal-punt uniku ta' servizz biex jissolvew każijiet ta’ protezzjoni tad-dejta transfruntiera.

Sfond

Il-pakkett tal-protezzjoni tad-Dejta huwa faċilitatur ewlieni tas-Suq Uniku Diġitali u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà.

Propost mill-Kummissjoni Ewropea f’Jannar 2012 (ara IP/12/46), il-pakkett dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta jinkludi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-Pulizija u l-Awtoritajiet tal-Ġustizzja Kriminali. Dan jaġġorna u jissostitwixxi r-regoli attwali dwar il-protezzjoni tad-dejta li huma bbażati fuq id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995 u d-Deċiżjoni Qafas tal-2008 għas-settur tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali.

Għal aktar tagħrif

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE

 

 

 

IP/15/6321

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar