Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ftehim storiku dwar il-klima f’Pariġi: L-UE tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi globali

Paris, it-12ta' dicembru 2015

L-Unjoni Ewropea kellha rwol ewlieni biex jiġi negozjat il-ftehim storiku li ntlaħaq illum f’Pariġi, fejn 195 pajjiż adottaw ftehim ġdid universali u legalment vinkolanti dwar il-klima globali.

Il-ftehim ibbilanċjat u ambizzjuż, li huwa l-ewwel ftehim multilaterali ewlieni tas-seklu 21, jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali li jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima billi jillimita t-tisħin globali għal sew inqas minn 2°C.

Il-ftehim huwa r-riżultat ta’ snin ta’ sforzi mill-komunità internazzjonali biex ikun hemm ftehim multilaterali universali dwar it-tibdil fil-klima. Wara parteċipazzjoni limitata fil-Protokoll ta’ Kyoto u n-nuqqas ta’ ftehim f’Copenhagen fl-2009, l-UE kienet bdiet tibni koalizzjoni wiesgħa ta’ pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw favur ambizzjoni għolja li ffurmat l-eżitu b’suċċess tal-Konferenza ta’ Pariġi. Il-Ftehim ta’ Pariġi jibgħat sinjal ċar lill-investituri, lin-negozji u lil dawk li jfasslu l-politika li t-tranżizzjoni globali lejn enerġija nadifa hija ħaġa permanenti, u li r-riżorsi ma jistgħux jibqgħu karburanti fossili li jniġġsu.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Illum id-dinja hija magħquda fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Illum id-dinja titwieled mill-ġdid, qed tingħata l-aħħar ċans biex tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri dinja aktar stabbli, pjaneta aktar sana, soċjetajiet aktar ġusti u ekonomiji iktar hienja. Dan il-ftehim sod se jmexxi lid-dinja lejn tranżizzjoni globali ta' enerġija nadifa. Dan il-ftehim huwa wkoll suċċess għall-Unjoni Ewropea. Ilna sew il-mexxejja globali fl-azzjoni klimatika, u l-Ftehim ta’ Pariġi issa jirrifletti l-ambizzjoni tagħna fid-dinja kollha. Nixtieq nirringrazzja lin-negozjatur prinċipali tal-UE, il-Kummissarju Miguel Arias Cañete, u lit-tim tiegħu talli ħadmu lejl u nhar biex dan il-ftehim iseħħ u biex l-Unjoni Ewropea tibqa' attur ċentrali matul in-negozjati kollha. Jiena kburi bikom kollha."

Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju tal-UE għall-Enerġija u l-Azzjoni dwar il-Klima qal: “Dan il-ftehim jirrappreżenta rebħa ewlenija għall-Ewropa. Iżda aktar importanti minn hekk, huwa avveniment ewlieni għall-komunità globali. L-Ewropa mexxiet l-isforzi f’Pariġi biex tikseb ftehim ambizzjuż u legalment vinkolanti dwar il-klima globali. Ħloqna l-alleanzi u l-oħrajn ingħaqdu magħna. L-għanijiet ewlenin tagħna − dwar l-għan fit-tul, iċ-ċikli ta’ reviżjoni kull 5 snin u t-trasparenza − jinsabu fil-ftehim il-ġdid. Il-ftehim jikkonferma mill-ġdid ukoll l-impenn globali għall-għoti ta' appoġġ kontinwu lil min jinsab fil-bżonn ta’ għajnuna. Irnexxielna. Issa, mill-wiegħdi għall-fatti. L-Ewropa se tkompli tmexxi t-tranżizzjoni globali b’użu baxx tal-karbonju li qbilna dwarha.”

 

Il-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima

Il-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima huwa pont bejn il-politiki tal-lum u n-newtralità tal-klima qabel tmiem is-seklu. F’Pariġi, il-gvernijiet qablu dwar l-ambizzjoni, l-impenn u s-solidarjetà.

L-Ambizzjoni: Il-gvernijiet qablu dwar għan fit-tul biex iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jkollha l-għan li nillimitaw iż-żieda għal 1.5°C, peress li dan inaqqas b’mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-ftehim jitlob li l-emissjonijiet globali jilħqu l-ogħla livelli kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li jirrikonoxxi li dan se jieħu aktar fit-tul għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li jsir tnaqqis rapidu minn hemm ’il quddiem skont l-aqwa xjenza disponibbli. Qabel u matul il-konferenza ta’ Pariġi, il-pajjiżi ppreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali komprensivi dwar il-klima sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. L-ammont totali tal-185 kontributi intenzjonati, determinati f’livell nazzjonali, imħejjija qabel il-Konferenza ta’ Pariġi, għadhom mhumiex biżżejjed biex it-tisħin globali jinżamm għal inqas minn 2°C sal-aħħar tas-seklu. Madankollu, il-ftehim iħejji t-triq lejn il-kisba ta’ din il-mira.

L-Impenn: Biex tintlaħaq din l-ambizzjoni komuni, il-gvernijiet qablu li jiltaqgħu kull 5 snin biex jiġu ffissati miri aktar ambizzjużi kif meħtieġ mix-xjenza. Dawn aċċettaw ukoll li jirrappurtaw lil xulxin u lill-pubbliku dwar kemm qed jirnexxilhom jimplimentaw sew il-miri tagħhom, sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u s-sorveljanza. Kull ħames snin se jsir bilanċ globali tas-sitwazzjoni. Sistema tajba ta’ trasparenza u responsabbiltà se ssegwi l-progress lejn il-mira fit-tul.

Is-solidarjetà: L-UE, flimkien ma' għadd ta' pajjiżi żviluppati, se tkompli tappoġġa l-azzjoni klimatika biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u biex tinbena r-reżiljenza kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Pajjiżi oħra huma mħeġġa jipprovdu jew ikomplu jipprovdu appoġġ bħal dan b’mod volontarju. Se jitkompla u jissaħħaħ l-appoġġ internazzjonali għall-adattament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-pajjiżi żviluppati għandhom il-ħsieb li jissoktaw bl-objettiv kollettiv eżistenti tagħhom li jimmobilizzaw 100 biljun dollaru Amerikan kull sena sal-2025, meta se jiġi stabbilit għan kollettiv ġdid.

It-telf u d-danni

Il-Ftehim ta’ Pariġi fih ukoll artikolu separat li jittratta l-kwistjoni tat-telf u d-danni assoċjati mal-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi wkoll jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw u jsaħħu l-fehim, l-azzjoni u l-appoġġ f’oqsma differenti, bħalma huma sistemi ta’ twissija bikrija, stat ta’ tħejjija għall-emerġenzi u l-assigurazzjoni għar-riskju.

L-Aġenda ta’ Azzjoni Lima-Pariġi

L-Aġenda ta’ Azzjoni Lima-Pariġi, inizjattiva tal-Presidenza COP Peruvjana u Franċiża, immirata lejn l-ixprunar tal-azzjoni mill-bosta partijiet ikkonċernati, ippreżentat numru mingħajr preċedent ta’ pajjiżi, bliet, negozji u membri tas-soċjetà ċivili flimkien fuq livell globali biex titħaffef l-azzjoni klimatika b'mod kooperattiv, u bħala appoġġ għall-ftehim il-ġdid. L-inizjattiva wriet li d-dinja hija lesta biex tixpruna l-isforzi f’azzjoni klimatika anki qabel ma l-Ftehim ta’ Pariġi jidħol fis-seħħ fl-2020. Għadd ta’ tħabbiriet prinċipali u inizjattivi pijunieri ġew ippreżentati waqt il-konferenza ta’ ġimgħatejn.

Għal aktar informazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker fil-qasam tal-azzjoni klimatika, żur Is-sit web tal-Kummissjoni.

 

IP/15/6308

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar