Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi regoli kuntrattwali diġitali moderni sabiex tissimplifika u tippromwovi l-aċċess għal kontenut diġitali u l-bejgħ onlajn madwar l-UE

Brussell, id-9ta' dicembru 2015

Abbażi tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħha, il-Kummissjoni llum qiegħda tippreżenta żewġ proposti sabiex tipproteġi aħjar lill-konsumaturi li jixtru onlajn u tgħin lin-negozji jespandu l-bejgħ onlajn tagħhom.

Wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali huwa li jiżgura aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi onlajn fl-Ewropa. Il-kummerċ elettroniku qiegħed jikber, iżda l-potenzjal sħiħ tiegħu għadu mhux qiegħed jiġi sfruttat kemm għan-negozji u l-konsumaturi fl-Ewropa: 12% biss tal-bejjiegħa bl-imnut tal-UE jbigħu fuq l-internet lill-konsumaturi f’pajjiżi oħra tal-UE, filwaqt li daqs tliet darbiet aktar (37%) jagħmlu dan f’pajjiżhom stess. Bl-istess mod, 15% biss tal-konsumaturi jixtru onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE, filwaqt li bejn wieħed u ieħor daqs tliet darbiet aktar (44 %) jagħmlu dan mill-pajjiż tagħhom stess.

Illum il-Kummissjoni adottat żewġ proposti: waħda dwar il-fornitura ta’ kontenut diġitali (pereż. mużika ta’ streaming) u waħda dwar il-bejgħ onlajn tal-oġġetti (pereżempju, xiri tal-ilbies onlajn). Iż-żewġ proposti se jindirizzaw l-ostakoli ewlenin għall-kummerċ elettroniku transfruntiera fl-UE: il-frammentazzjoni legali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur u l-ispejjeż ogħla għan-negozji — speċjalment l-SMEs — u l-fiduċja baxxa tal-konsumaturi meta jixtru onlajn minn pajjiż ieħor.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Meta tniżżel film jew kanzunetta, dawn għandhom jaħdmu. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandek tkun tista' ttemm il-kuntratt u        tieħu flusek lura. Il-proposti tal-lum se jagħtu aktar drittijiet lill-konsumaturi fuq l-internet — ikunu jistgħu jgawdu minn prodotti u servizzi minn pajjiżi oħra tal-UE b’fiduċja sħiħa. In-negozji, speċjalment l-iżgħar fosthom, jistgħu jikbru b'mod transfruntier b’anqas spejjeż, b’sett komuni ta’ regoli tal-UE minflok taħlita ta’ liġijiet nazzjonali. Issa s-Suq Uniku Diġitali għaddej u qiegħed itejjeb il-ħajja ta’ kuljum tan-nies, fejn id-diġital jinsab kullimkien.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet"Il-proposti tal-lum itejbu l-fiduċja tal-konsumaturi biex jixtru b'mod transfruntiera u joffru sempliċità għan-negozji, speċjalment l-SMEs, li jbiegħu onlajn fl-Ewropa kollha. L-internet neħħa l-ostakoli teknoloġiċi tas- Suq Uniku Diġitali; bil-proposti għal kuntratti diġitali rridu nneħħu l-ostakoli ġuridiċi. L-armonizzazzjoni tad-drittijiet kuntrattwali madwar l-UE se jiffaċilitaw il-provvista kemm ta’ kontenut diġitali kif ukoll l-oġġetti fl-Ewropa kollha. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn regoli sempliċi u modernizzati; in-negozji se jibbenefikaw minn aktar ċertezza legali, u metodi orħos u aktar faċli sabiex jespandu l-attivitajiet tagħhom. Din l-espansjoni ġġib magħha aktar għażla għall-konsumaturi bi prezzijiet kompetittivi." 

It-tneħħija tal-ostakoli minħabba d-differenzi fil-liġi kuntrattwali għandha twassal għal benefiċċju globali għall-ekonomija Ewropea. Huwa mistenni li iktar minn 122,000 negozju tal-UE jibdew ibigħu lill-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn; u l-għadd totali ta’ konsumaturi li jixtru onlajn minn pajjiżi oħra tal-UE jista jilħaq 70 miljun. Dan se jiftaħ swieq ġodda, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), iżid il-kompetizzjoni u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku: prezzijiet aktar baxxi għall-konsumatur huma mistennija li jżidu l-konsum fl-UE b’EUR 18-il biljun u l-PDG tal-UE mistenni jiżdied b’EUR 4 biljun mil-livell attwali tiegħu.

Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur, għażla usa’ ta’ prodotti bi prezzijiet aktar kompetittivi:

  • L-inverżjoni tal-oneru tal-provi: Pereżempju, f’każ li konsumatur Taljan jiskopri illum li prodott li xtara onlajn aktar minn sitt xhur ilu huwa difettuż u jitlob lill-bejjiegħ biex isewwih jew jibdlu, huwa jista’ jintalab jagħti prova li dan id-difett kien jeżisti fil-mument tal-kunsinna. Skont ir-regoli l-ġodda proposti, matul il-perjodu ta’ sentejn garanzija, il-konsumatur se jkun jista’ jitlob għal rimedju mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi evidenza li d-difett kien jeżisti fil-mument tal-kunsinna.
  • Drittijiet ċari u speċifiċi għall-kontenut diġitali: Pereżempju, konsumatur li jniżżel logħba mill-internet li mbagħad ma taħdimx tajjeb bħalissa bħala kumpens jista' jirċievi biss skont fuq it-tniżżil ta’ logħob ieħor fil-futur. Skont id-direttiva proposta, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jitolbu li tali problemi jissolvew u, jekk dan ma jkunx fattibbli jew ma jkunx sar kif suppost, jingħataw tnaqqis fil-prezz jew itemmu l-kuntratt u jiġu rimborżati bis-sħiħ.

In-negozji se jkunu jistgħu jipprovdu kontenut diġitali u jbigħu oġġetti onlajn lill-konsumaturi fl-UE kollha, skont l-istess sett ta’ regoli kuntrattwali.

  • Ċertezza legali u ambjent li jiffavorixxi lin-negozji: Illum in-negozji jridu jinvestu l-ħin u l-flus biex jadattaw għar-regoli tal-liġi kuntrattwali fl-Istati Membri fejn ibigħu. Skont ir-regoli proposti, in-negozji mhux se jkollhom aktar bżonn li jittrattaw din il-frammentazzjoni: huma se jkunu jistgħu jipprovdu kontenut diġitali u jbigħu oġġetti onlajn lill-konsumaturi fl-UE kollha, skont l-istess sett ta’ regoli kuntrattwali ewlenin.
  • Iffrankar konsiderevoli għan-negozji: In-negozji issa qegħdin jiffaċċjaw spejjeż ta’ darba addizzjonali ta’ EUR 9,000 biex jadattaw il-liġi kuntrattwali nazzjonali ta’ kull Stat Membru ġdid li jixtiequ jbiegħu fih. Bir-regoli l-ġodda tal-UE, negozju jista jiffranka sa EUR 243,000 jekk ikun jixtieq ibigħ lis-27 pajjiżi oħra tal-UE. 

Sfond

  • Ir-regoli l-ġodda tal-lum relatati mad-drittijiet tal-awtur (IP/15/6261) u l-kuntratti diġitali huma l-ewwel proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu ppreżentati bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. B’kollox, se jiġu ppreżentati 16-il inizjattiva sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
  • Il-potenzjal sħiħ tal-bejgħ onlajn għadu ma ġiex sfruttat sew fl-UE: fl-2014, is-sehem tal-kummerċ elettroniku fil-kummerċ totali tas-settur tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa kien ta’ 7.2%, filwaqt li fl-Istati Uniti tal-Amerika laħaq il-11.6%.
  • Fil-fatt, hemm distakk ċar fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam ta' kontenut diġitali li huwa difettuż. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma għandhom l-ebda leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan il-qasam. Barra minn hekk, għalkemm ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur huma diġà armonizzati madwar l-UE kollha f’ċerti oqsma, għad hemm diverġenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali tal-konsumatur. Dawn id-divergenzi joħolqu spejjeż addizzjonali għan-negozji u jaffettwaw il-fiduċja tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier. B’mod partikolari, rigward id-drittijiet tal-konsumatur f’każ ta’ merkanzija difettuża, l-Ewropa għadha taħdem bi 28 sett parzjalment differenti ta’ liġijiet ta' kuntratti tal-konsumaturi, minħabba li hemm rekwiżiti tal-UE minimi biss fis-seħħ. 

Għal aktar tagħrif

Ħoloq utli oħra

Suq Uniku Diġitali Ewropew It-tħabbira mill-President Juncker — filmat

Paġna elettronika dwar is-Suq Uniku Diġitali (#SuqUnikuDiġitali)

Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa: Il-Kummissjoni tistabbilixxi 16-il inizjattiva biex dan iseħħ (is-6 ta' Mejju 2015)

Il-paġna elettronika tal-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip (@Ansip_EU)

Il-paġna elettronika tal-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Vera Jourova (@VeraJourova)

Linji gwida politiċi tal-President Juncker

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2016

IP/15/6264

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar