Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tieħu l-ewwel passi biex jitwessa’ l-aċċess għall-kontenut onlajn u tippreżenta l-viżjoni tagħha biex timmodernizza r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur

Brussell, id-9ta' dicembru 2015

Naddattaw ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-era diġitali

Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, tagħha, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-ewwel proposta biex tippermetti lill-Ewropej jivvjaġġaw bil-kontentut onlajn tagħhom u pjan ta’ azzjoni biex timmodernizza r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur.

Fil-preżent, dawk l-Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE jista' jinqatgħulhom is-servizzi onlajn li jipprovdu films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi jew logħob li jkunu ħallsu għalihom f’pajjiżhom. Din il-proposta ta' Regolament dwar il-portabilità transfruntiera tas-servizzi ta’ kontenut onlajn tindirizza dawn ir-restrizzjonijiet biex tippermetti lir-residenti tal-UE jivvjaġġaw bil-kontenut diġitali li jkunu xtraw jew issottoskrivew għalih minn darhom. Il-portabilità transfruntiera, dritt ġdid tal-UE għall-konsumaturi, hija mistennija ssir realtà fl-2017, fl-istess sena li fiha jintemmu t-tariffi tar-roaming fl-UE (stqarrija għall-istampa). Peress li din hija proposta għal Regolament, ladarba tiġi adottata se tkun applikabbli direttament fit-28 Stat Membru tal-UE kollha.

Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni qed tispjega l-viżjoni tagħha għal qafas modern tad-drittijiet tal-awtur tal-UE. Din il-"ħarsa politika bikrija" se tiġi tradotta fi proposti leġiżlattivi u inizjattivi ta’ politika fis-sitt xhur li ġejjin u se tqis ir-reazzjonijiet kollha minn bosta konsultazzjonijiet pubbliċi.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jaċċessaw offerta wiesgħa ta’ kontenut legali, filwaqt li jiġi żgurat li l-awturi u d-detenturi ta’ drittijiet oħra jkunu mħarsa aħjar u remunerati b’mod ġust. L-oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni wkoll se jibbenefikaw minn qafas aktar modern u aktar Ewropew.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Seba' xhur ilu wegħedna li nlestu s-Suq Uniku Diġitali fi ftit żmien. Illum qed nippreżentaw l-ewwel proposti tagħna. Irridu niżguraw il-portabilità tal-kontenut bejn il-fruntieri. Nies li jixtru legalment kontenut – films, kotba, logħob tal-futbol, serje tat-TV – iridu jkunu jistgħu jiħduh magħhom kullimkien fl-Ewropa. Din hija bidla reali, simili għal dak li għamilna biex temmejna t-tariffi tar-roaming. Illum, qed nippreżentaw ukoll il-viżjoni tagħna għal reġim modern tad-drittijiet tal-awtur fl-UE - u passi gradwali biex nilħquha. L-għan tagħna huwa li jiżdied l-aċċess tan-nies għal kontenut kulturali onlajn u li nappoġġjaw lil dawk li joħolquh. Irridu nsaħħu r-R&Ż Ewropew, bl-użu ta’ teknoloġiji bħal l-estrazzjoni ta’ testi u ta’ dejta. Is-Suq Uniku Diġitali huwa l-pjan ta’ azzjoni biex l-Ewropa tasserixxi postha fl-era diġitali. Illum bdejna nwettquh”.

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "Ir-Regolament propost illum huwa l-ewwel pass ta' riforma ambizzjuża. Jiena nserraħ fuq il-koleġiżlaturi biex jiżguraw li l-portabilità ssir realtà għall-konsumaturi Ewropej sal-2017 sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-kontenut favorit tagħhom anki meta jivvjaġġaw fl-UE - u mingħajr il-biża’ ta’ tariffi tar-roaming, li se jintemmu sa nofs l-2017. Il-pjan ta’ azzjoni tagħna jagħti d-direzzjoni għal aktar riforma fir-rebbiegħa tas-sena d-dieħla: aħna rridu ambjent tad-drittijiet tal-awtur li jkun stimolanti, ġust, jippremja l-investiment fil-kreattività u jagħmilha aktar faċli għall-Ewropej biex jaċċessaw u jużaw il-kontenut legalment. Il-ħidma kontinwa tagħna fuq ir-rwol tal-pjattaformi u l-intermedjarji onlajn se tgħin ukoll biex il-pjan tagħna jittraduċi ruħu fi proposti konkreti.”

Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll regoli ġodda biex titjieb il-protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej meta jixtru onlajn u biex tgħin lin-negozji jbigħu lil hinn mill-fruntieri ta' pajjiżhom (stqarrija għall-istampa). Flimkien, dawn huma l-ewwel proposti leġiżlattivi skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, ippreżentat f’Mejju.

Qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u aktar Ewropew

Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni huwa mibni fuq erba’ pilastri komplimentari ta’ importanza ugwali. Dan jistabbilixxi wkoll viżjoni fit-tul għad-drittijiet tal-awtur fl-UE (ara l-iskeda informattiva dwar il-komunikazzjoni u l-Q&A dettaljati)

1. It-twessigħ tal-aċċess għall-kontenut madwar l-UE

Ir-regoli tal-lum dwar il-portabilità tal-kontenut jirrappreżentaw l-ewwel pass lejn it-titjib tal-aċċess għal xogħlijiet kulturali. Pereżempju: utent Franċiż tas-servizz onlajn MyTF1 għal films u serje ma jistax jikri film ġdid waqt vjaġġ fuq xogħol fir-Renju Unit. Abbonat Olandiża fin-Netflix li jkun qed jivvjaġġa fil-Ġermanja jista' jara biss films offruti minn Netflix lill-konsumaturi Ġermaniżi. Jekk imur il-Polonja ma jkunx jista' jara films fuq Netflix għax Netflix mhijiex disponibbli fil-Polonja. Dan se jinbidel. Meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE, l-utenti se jkollhom aċċess għall-mużika, il-films u l-logħob daqslikieku kienu f’pajjiżhom (ara l-iskeda informattiva dwar ir-regoli l-ġodda).

Fir-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla se jsiru aktar proposti. L-għanijiet tagħna huma li nippermettu ċirkolazzjoni aħjar tal-kontenut, noffru iktar għażla lill-Ewropej, insaħħu d-diversità kulturali u nipprovdu aktar opportunitajiet għas-settur kreattiv. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb id-distribuzzjoni transfruntiera tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju onlajn (permezz tar-rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita) u se tiffaċilita l-għoti tal-liċenzji għall-aċċess tal-kontenut transfruntier. Il-Kummissjoni se tgħin ukoll biex tingħata ħajja ġdida lil xogħlijiet li ma għadhomx fis-suq.

Il-Kummissjoni se tkompli tuża l-programm Ewropa Kreattiva tagħha biex tgħin liċ-ċinema Ewropew jilħaq udjenza usa’. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi l-iżvilupp ta’ għodod innovattivi, bħal “aggregatur Ewropew" tal-portali tat-tfittxija onlajn u “hubs tal-liċenzjar” biex tippromwovi d-distribuzzjoni ta’ films li huma disponibbli fi ftit Stati Membri biss.

2. Eċċezzjonijiet għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur għal soċjetà inklużiva u innovattiva

Il-Kummissjoni beħsiebha taħdem fuq eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur ewlenin fl-UE. L-eċċezzjonijiet jippermettu li xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jintużaw, f’ċirkostanzi definiti, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli tal-UE biex tagħmilha iktar faċli għar-riċerkaturi li jużaw teknoloġiji ta' “estrazzjoni ta’ testi u ta’ dejta” biex janalizzaw settijiet kbar ta’ dejta. L-edukazzjoni hija prijorità oħra. Pereżempju, l-għalliema li jagħtu korsijiet onlajn għandhom ikunu soġġetti għal regoli aħjar u aktar ċari, li jaħdmu madwar l-Ewropa kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà biex jaċċedu aktar xogħlijiet (dan huwa l-għan tat-Trattat ta’ Marrakexx). Fl-aħħar il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li titnaqqas l-inċertezza legali għall-utenti tal-internet li jtellgħu ritratti tagħhom ta’ bini u xogħlijiet tal-arti pubbliċi li jkunu jinsabu b’mod permanenti f’postijiet pubbliċi (bl-eċċezzjoni attwali għall-panorama).

3. Il-ħolqien ta’ suq aktar ġust

Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għall-użu onlajn ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li jirriżulta mill-investiment tal-kreaturi u l-industriji kreattivi, huwiex awtorizzat kif xieraq u mħallas permezz ta’ liċenzji. Fi kliem ieħor, se nivvalutaw jekk il-benefiċċji mill-użu onlajn ta’ dawn ix-xogħlijiet humiex kondiviżi b’mod ġust. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tħares lejn ir-rwol tas-servizzi tal-aggregazzjoni tal-aħbarijiet. L-approċċ tal-Kummissjoni se jkun proporzjonat: M’hemm l-ebda intenzjoni li jiġu "intaxxati" il-hyperlinks; jiġifieri l-utenti mhux se jintalbu jħallsu għad-dritt tal-awtur meta sempliċiment jaqsmu bejniethom hyperlink għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll jekk humiex meħtieġa soluzzjonijiet fil-livell tal-UE biex tiżdied iċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-bilanċ fis-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti fl-UE, filwaqt jitqiesu l-kompetenzi tal-UE u dawk nazzjonali. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa dwar il-pjattaformi u l-intermedjarji onlajn se jikkontribwixxu f'din ir-riflessjoni ġenerali.

4. Il-ġlieda kontra l-piraterija

Disponibbiltà usa’ ta’ kontenut se tgħin fil-ġlieda kontra l-piraterija, peress li 22 % tal-Ewropej jemmnu li t-tniżżil illegali huwa aċċettabbli jekk ma jkun hemm l-ebda alternattiva legali disponibbli f’pajjiżhom. Il-Kummissjoni se tmur lil hinn minn dan billi tiżgura li d-drittijiet tal-awtur jiġu infurzati kif suppost madwar l-UE kollha bħala parti mill-approċċ komprenżiv biex ittejjeb l-infurzar tat-tipi kollha ta' propjetà intelletwali. Fl-2016, aħna se naħdmu wkoll fuq qafas Ewropew biex “insegwu l-flus” u biex innaqqsu l-flussi finanzjarji għall-kumpaniji li jagħmlu l-flus mill-piraterija. Dan se jinvolvi s-sħab rilevanti kollha (id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri tas-servizzi tar-reklamar u l-ħlas, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, eċċ.) bl-għan li jintlaħaq ftehim sar-Rebbiegħa 2016. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ttejjeb ir-regoli tal-UE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u bħala l-ewwel pass illum nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali eżistenti. Il-Kummissjoni se tara wkoll kif tagħmel it-tneħħija ta’ kontenut illegali minn intermedjarji onlajn aktar effiċjenti.

Viżjoni fit-tul għad-drittijiet tal-awtur

Fil-ġejjieni, l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur madwar l-UE, mil-leġiżlaturi nazzjonali u l-qrati bl-istess mod se tkun importanti daqs ir-regoli nnifishom. Minkejja li sal-lum għadhom mhux issodisfati il-kundizzjonijiet kollha biex wieħed jikkunsidra l-allinjament sħiħ tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur fl-UE kollha fil-forma ta’ kodiċi uniku tad-drittijiet tal-awtur u titolu tad-drittijiet tal-awtur wieħed, dan għandu jkun l-aspirazzjoni għall-futur.

Sfond

It-teknoloġiji diġitali bidlu radikalment il-mod kif jiġi aċċessat, prodott u mqassam il-kontenut kreattiv. 49 % tal-utenti tal-internet fl-UE jisimgħu l-mużika, jaraw il-vidjows u jilagħbu logħob onlajn. Ħafna minnhom, speċjalment iż-żgħar nett jistennew li jkunu jistgħu jagħmlu l-istess meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE. Dawn ix-xejriet huma mistennija jikbru hekk kif mill-2017 l-Ewropej se jħallsu anqas biex ikollhom aċċess għall-internet fuq l-apparat mobbli tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE, bis-saħħa tat-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE (stqarrija għall-istampa). L-iskejjel u l-universitajiet Ewropej huma ħerqana li jipparteċipaw fl-edukazzjoni elettronika, ir-riċerkaturi jixtiequ jużaw tekniki avvanzati għall-estrazzjoni ta' dejta u l-istituzzjonijiet tal-patrimonju kulturali huma lesti li jiddiġitalizzaw il-kollezzjonijiet tagħhom. L-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur (bħall-midja, il-pubblikaturi, il-kumpaniji tar-reġistrazzjoni tal-awdjo, ix-xandir bit-TV) jirrappreżentaw aktar minn 7 miljun impjieg fl-UE. Huwa essenzjali li dawn ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent li huwa lest biex jilqa’ sfidi ġodda. Madankollu, il-biċċa l-kbira tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur imorru lura għall-2001, għalhekk hemm xi aspetti li mhumiex "adegwati għall-iskop tagħhom" meta niġu biex noħolqu Suq Uniku Diġitali fl-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni inkludiet il-modernizzazzjoni tad-dritt tal-awtur tal-UE fl-Istrateġija tagħha tas-Suq Uniku Diġitali, kif ippreżentata f’Mejju.

Isir progress lejn Suq Uniku Diġitali

Ir-regoli l-ġodda tal-lum marbuta mad-drittijiet tal-awtur u l-kuntratti diġitali (stqarrija għall-istampa) huma l-ewwel proposti leġiżlattivi li se jiġu ppreżentati bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. B’kollox, 16-il inizjattiva se jiġi ppreżentati sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Il-proposti tal-lum se jikkomplimentaw l-aħħar kisbiet kbar fil-kisba tas-Suq Uniku Diġitali: il-ftehimiet li jintemmu t-tariffi tar-roaming sa Ġunju 2017, li n-newtralità tan-net titnaqqax fil-liġi tal-UE (stqarrija għall-istampa) u li tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà fl-UE (stqarrija għall-istampa). Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ħafna wkoll sabiex jintlaħaq ftehim politiku sal-aħħar ta’ din is-sena dwar it-tisħiħ tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Dokumenti adottati llum:

Regolament dwar l-iżgurar tal-portabilità transfruntiera tas-servizzi ta’ kontenut onlajn fis-suq intern

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-Regolament

Komunikazzjoni – Lejn qafas modern, aktar Ewropew tad-drittijiet tal-awtur

Q&A:

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur

Skedi informattivi:

Vjaġġa bil-kontenut diġitali tiegħek madwar l-UE

Drittijiet tal-awtur Ewropej adattati għall-era diġitali

Ħolqiet utli oħra:

Paġna web dwar is-Suq Uniku Diġitali (#DigitalSingleMarket)

Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa: Il-Kummissjoni tistabbilixxi 16-il inizjattiva biex dan iseħħ (is-6 ta' Mejju 2015)

Paġna web tal-Viċi-President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip (@Ansip_EU)

Paġna web tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Günther H. Oettinger (@GOettingerEU)

Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker

Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2016

IP/15/6261

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar