Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tagħti bidu għal investigazzjoni formali dwar it-trattament tat-taxxa tal-Lussemburgu rigward McDonald’s

Brussell, it-3ta' dicembru 2015

Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni formali dwar it-trattament tat-taxxa tal-Lussemburgu ta' McDonald’s. L-opinjoni preliminari tagħha hija li d-deċiżjoni tat-taxxa mogħtija mil-Lussemburgu setgħet tat lil McDonald’s trattament tat-taxxa favorevoli kontra r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-awtoritajiet Lussemburgiżi dderogawx b’mod selettiv mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tat-taxxa nazzjonali tagħhom u t-Trattat dwar it-Taxxa Doppja tal-Lussemburgu-l-Istati Uniti tal-Amerika, u b'hekk tawx lil McDonald’s vantaġġ li mhuwiex disponibbli għal kumpaniji oħra f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "Deċiżjoni tat-taxxa li tippermetti li McDonald's ma tħallas l-ebda taxxa la fil-Lussemburgu u lanqas fl-Istati Uniti għandha tiġi analizzata b'attenzjoni skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. L-iskop tat-trattati dwar it-Taxxa Doppja bejn il-pajjiżi huwa li tiġi evitata t-taxxa doppja – biex ma tiġix iġġustifikata n-nontassazzjoni doppja."

Abbażi ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fl-2009, McDonald’s Europe Franchising ma tkun ħallset l-ebda taxxa korporattiva fil-Lussemburgu minn dak iż-żmien 'il hawn, minkejja li ġew reġistrati profitti kbar (aktar minn EUR 250 miljun fl-2013). Dawn il-profitti saru minn royalties imħallsa minn franchising li joperaw ristoranti fl-Ewropa u r-Russja għad-dritt li jużaw il-marka ta' McDonald’s u s-servizzi assoċjati. L-uffiċċju prinċipali tal-kumpanija fil-Lussemburgu huwa maħsub biex ikun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi tal-kumpanija, iżda l-kumpanija għandha wkoll żewġ fergħat, il-fergħa Żvizzera, li għandha attività limitata relatata ma’ drittijiet għal franchising u fergħa fl-Istati Uniti, li ma għandha l-ebda attivitajiet reali. Ir-royalties riċevuti mill-kumpanija jiġu trasferiti internament lill-fergħa tal-kumpanija fl-Istati Uniti .

Fis-sajf tal-2014, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa wara allegazzjonijiet fl-istampa ta’ trattament tat-taxxa favorevoli għal McDonald’s fil-Lussemburgu. Sussegwentement, it-trejdjunjins ippreżentaw informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni sa issa wriet li b’mod partikolari, minħabba t-tieni deċiżjoni tat-taxxa mogħtija lill-kumpanija McDonald’s Europe Franchising prattikament ma ħallset l-ebda taxxa korporattiva fil-Lussemburgu u lanqas fl-Istati Uniti fuq il-profitti tagħha mill-2009. Dan kien possibbli, b’mod partikolari, minħabba li:

  • L-ewwel deċiżjoni tat-taxxa mogħtija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi f’Marzu 2009 ikkonfermat li McDonald’s Europe Franchising ma kinitx dovuta tħallas taxxa korporattiva fil-Lussemburgu abbażi li l-profitti kellhom ikunu soġġetti għal tassazzjoni fl-Istati Uniti. Dan kien iġġustifikat b’referenza għat-Trattat dwar it-Taxxa Doppja tal-Lussemburgu-l-Istati Uniti. Skont id-deċiżjoni, McDonald’s ntalbet tippreżenta prova kull sena li r-royalties trasferiti lejn l-Istati Uniti permezz tal-Iżvizzera ġew iddikjarati u soġġetti għal tassazzjoni fl-Istati Uniti u l-Iżvizzera.
  • Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li assumew l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi meta taw l-ewwel deċiżjoni, il-profitti ma kellhomx ikunu soġġetti għat-taxxa fl-Istati Uniti. Filwaqt li skont din l-interpretazzjoni tal-liġi Lussemburgiża, McDonald’s Europe Franchising kellha preżenza taxxabbli fl-Istati Uniti, ma kellha l-ebda preżenza taxxabbli fl-Istati Uniti skont il-liġi tal-Istati Uniti. Għalhekk McDonald’s ma setgħet tipprovdi l-ebda prova li l-profitti kienu soġġetti għat-taxxa fl-Istati Uniti, kif meħtieġ skont l-ewwel deċiżjoni (ara aktar dettalji hawn taħt).
  • McDonald's iċċarat dan f’sottomissjoni li titlob it-tieni deċiżjoni, filwaqt li tinsisti li l-Lussemburgu għandu madankollu jeżenta l-profitti mhux intaxxati fl-Istati Uniti minn tassazzjoni fil-Lussemburgu. L-awtoritajiet Lussemburgiżi ħarġu t-tieni deċiżjoni tat-taxxa f’Settembru 2009 skont liema McDonald’s ma kinitx meħtieġa aktar li tipprovdi provi li d-dħul kien suġġett għal tassazzjoni fl-Istati Uniti. Din id-deċiżjoni kkonfermat li d-dħul ta’ McDonald’s Europe Franchising ma kienx soġġett għal taxxa fil-Lussemburgu anki jekk ġie kkonfermat li lanqas ma kien soġġett għat-taxxa fl-Istati Uniti.

Mat-tieni deċiżjoni, l-awtoritajiet Lussemburgiżi aċċettaw li jeżentaw id-dħul kważi kollu ta’ McDonald’s Europe Franchising mit-tassazzjoni fil-Lussemburgu.

 

L-argumenti ta' McDonald's' vis-à-vis l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi

Il-kumpaniji huma ġeneralment responsabbli biex iħallsu t-taxxi korporattivi fuq il-profitti rreġistrati f’pajjiż jekk ikollhom preżenza taxxabbli f’dak il-pajjiż (l-hekk imsejjaħ "stabbiliment permanenti"). Dan jirrikjedi li l-kumpanija jkollha ċertu livell ta’ attivitajiet ta’ negozju hemmhekk.

Fid-diskussjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, McDonald’s argumentat li l-fergħa tal-Istati Uniti ta’ McDonald’s Europe Franchising kienet tikkostitwixxi "stabbiliment permanenti" skont il-liġi Lussemburgiża, minħabba li kellha biżżejjed attivitajiet biex tikkostitwixxi preżenza reali tal-Istati Uniti. Fl-istess ħin, McDonald’s argumentat li l-fergħa tagħha bbażata fl-Istati Uniti ma kinitx "stabbiliment permanenti" skont il-liġi tal-Istati Uniti peress li, mill-perspettiva tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Uniti, il-fergħa tagħha tal-Istati Uniti ma għamlitx biżżejjed negozju jew kummerċ fl-Istati Uniti.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Lussemburgiżi rrikonoxxew il-fergħa tal-McDonald’s Europe Franchising fl-Istati Uniti bħala l-post fejn il-maġġoranza tal-profitti tagħha għandhom jiġu ntaxxati, filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Uniti ma rrikonoxxewhiex. L-awtoritajiet Lussemburgiżi għalhekk eżentaw il-profitti mit-tassazzjoni fil-Lussemburgu, minkejja li jafu li dawn ma kinux soġġetti għat-taxxa fl-Istati Uniti.

 

L-ambitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga aktar biex tivverifika jekk it-tħassib tagħha huwiex ġustifikat li b'mod partikolari t-tieni deċiżjoni tat-taxxa ppermettiet lil McDonald’s Europe Franchising bi trattament tat-taxxa favorevoli li wasslet għal ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-awtoritajiet Lussemburgiżi dderogawx b’mod selettiv mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tat-taxxa nazzjonali tagħhom u t-Trattat dwar it-Taxxa Doppja tal-Lussemburgu-l-Istati Uniti, u jekk b'hekk tawx lil McDonald’s vantaġġ li mhuwiex disponibbli għal kumpaniji oħra f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Din l-investigazzjoni ma tpoġġix fid-dubju s-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-Lussemburgu.

Il-bidu ta' investigazzjoni fil-fond jippermetti lill-partijiet terzi u lill-Istati Membri kkonċernati opportunità biex iressqu l-kummenti tagħhom. Dan ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.

 

Sfond

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għajnuna mill-Istat li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi, hija fil-prinċipju inkompatibbli mas-Suq Uniku tal-UE.

Id-deċiżjonijiet tat-taxxa bħala tali mhumiex problema skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jekk sempliċiment jikkonfermaw li l-arranġamenti fiskali bejn il-kumpaniji tal-istess grupp jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa rilevanti. Madankollu, id-deċiżjonijiet tat-taxxa li jagħtu vantaġġ tat-taxxa selettiv lil kumpaniji speċifiċi, u b’hekk jagħtuhom sussidju, jistgħu jfixklu serjament il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tal-UE u jiksru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-prassi dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri. Hija estendiet din l-inkjesta dwar l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014. F’Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa għal Fiat fil-Lussemburgu u Starbucks fil-Pajjiżi l-Baxxi taw vantaġġi tat-taxxa selettivi illegali lill-kumpaniji bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha wkoll għaddejjin investigazzjonijiet fil-fond ta’ għajnuna mill-Istat dwar deċiżjonijiet tat-taxxa li marbuta mal-Apple fl-Irlanda, l-Amazon fil-Lussemburgu u s-sistema ta’ deċiżjonijiet bi "profitti żejda" tal-Belġju.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni biex tingħata bidu l-investigazzjoni se ssir disponibbli fin-numru tal-Każ SA.38945 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fuq is-sit web tal-Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-Internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fil-Ġurnal elettroniku ta' kull ġimgħa State Aid Weekly.


graph EN

IP/15/6221

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos