Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Il-Kummissjoni tadotta Pakkett ġdid u ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari biex tixpruna l-kompetittività, toħloq l-impjiegi u tikseb it-tkabbir sostenibbli

Brussell, it-2ta' dicembru 2015

Illum il-Kummissjoni adottat Pakkett ġdid u ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari biex tistimula t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari ħalli tixpruna l-kompetittività globali, trawwem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u toħloq impjiegi ġodda.

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Pakkett ġdid u ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari biex lin-negozji Ewropej u lill-konsumaturi tgħinhom jaqilbu għal ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ċirkolari li tħaddem ir-riżorsi b'mod aktar sostenibbli. L-azzjonijiet proposti se jgħinu biex "jingħalaq iċ-ċiklu" tal-prodotti b'aktar riċiklaġġ u b'aktar użu mill-ġdid, u dan jagħmel il-ġid kemm lill-ambjent u anki lill-ekonomija. Dan jippjana li jieħu l-valur kollu tal-materja prima kollha, tal-prodotti kollha u tal-iskart kollu, u jużawhom għalkollox ħalli jiffranka l-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-proposti jkopru ċ-ċiklu kollu: mill-produzzjoni u l-konsum sal-immaniġġar tal-iskart u s-suq tal-materja prima sekondarja. Din it-tranżizzjoni se titwieżen b'finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, €650 miljun mill-programm ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni msejjaħ Orizzont 2020, €5.5 biljun mill-fondi strutturali għall-immaniġġar tal-iskart, u investimenti fl-ekonomija ċirkolari fil-livell nazzjonali.

Il-Pakkett jgħaqqad it-trufijiet ta' ħidmet il-Kummissjoni u jgħin f'bosta prijoritajiet politiċi usa' għax jitħabat kontra t-tibdil fil-klima u jħares l-ambjent filwaqt li jixpruna l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, l-investiment u l-ġustizzja soċjali. Il-Pakkett ħejjieh tim ewlieni mmexxi mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u mill-Viċi President Jyrki Katainen bl-involviment tal-Kummissarji Karmenu Vella u Elżbieta Bieńkowska. Bosta Kummissarji oħrajn taw sehemhom fit-tħejjija u għenu biex jinstabu l-aktar għodod effettivi li jilħqu firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans, responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli qal: "Id-dinja u l-ekonomija tagħna se jinqerdu jekk se nkomplu nieħdu, nagħmlu, nużaw u narmu. Irridu nerfgħu ċertu riżorsi prezzjużi u jirnexxilna nisfruttaw bis-sħiħ il-valur ekonomiku kollu li għandhom. L-ekonomija ċirkolari dak li tfisser, li nnaqqsu l-iskart u nħarsu l-ambjent, iżda tfisser ukoll bidla mill-qiegħ fil-mod kif taħdem l-ekonomija kollha tagħna. Jekk insawru mill-ġdid il-mod kif nipproduċu, naħdmu u nixtru, inkunu nistgħu noħolqu opportunitajiet u impjiegi ġodda. B'dan il-Pakkett qed inwettqu l-qafas komprensiv li se jwitti t-triq biex din il-bidla sseħħ tassew. Dan jagħti direzzjoni kredibbli u ambizzjuża biex l-Ewropa timmaniġġa aħjar l-iskart b'azzjonijiet ta' sostenn li jkopru ċ-ċiklu kollu tal-prodotti. Fil-livell tal-UE, it-taħlita ta' regolamentazzjoni bi ħsieb u inċentivi se tgħin lin-negozji u lill-konsumaturi, u anki lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jagħtu imbuttatura lil din il-bidla."

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responssabbli mill-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, qal: "Dawn il-proposti huma sinjal tajjeb għal min jixtieq jinvesti fl-ekonomija ċirkolari. Illum lill-Ewropa qed ngħidulha li hija l-aħjar post fejn joktor in-negozju sostenibbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Din it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari titlobna nsawru mill-ġdid l-ekonomija tas-suq u ntejbu l-kompetittività. Jekk inkunu effiċjenti aktar fl-użu tar-riżorsi u nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-materja prima skarsa, inkunu nistgħu niksbu dak il-vantaġġ kompetittiv.Il-potenzjal li l-ekonomija toħloq l-impjiegi hu kbir ħafna filwaqt li qed tikber ġmielha d-domanda għal prodotti u servizzi aħjar li jkunu effiċjenti aktar. Se nneħħu x-xkiel li lin-negozji jagħmilhielhom diffiċli biex jużaw aħjar ir-riżorsi tagħhom u se nagħtu spinta lis-suq intern tal-materja prima sekondarja. Irridu nagħmlu progress reali fuq l-art u nħarsu 'l quddiem biex inwettqu din l-ambizzjoni id f'id mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet iżda anki man-negozji, l-industrja u s-soċjetà ċivili."

Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari

Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari jibgħat messaġġ ċar lill-operaturi ekonomiċi li l-UE qed tħaddem l-għodod kollha li għandha biex tagħti wiċċ ġdid lill-ekonomija tagħha, toħloq opportunitajiet ġodda tan-negozju u żżid il-kompetittività. Il-miżuri wiesgħa li jibdlu ċ-ċiklu kollu tal-prodotti jmorru lil hinn minn sempliċiment enfasi fuq l-istadju ta' tmiem iċ-ċiklu u jisħqu fuq l-ambizzjoni ċara tal-Kummissjoni li tibdel l-ekonomija tal-UE u tikseb ir-riżultati. Bl-inċentivi li qed indaħħlu fis-seħħ, għandhom jinstabu modi innovattivi u aktar effiċjenti ta' produzzjoni u konsum. L-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li fl-Ewropa toħloq bosta impjiegi filwaqt li tibża' għar-riżorsi prezzjużi u skarsi, tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent li jħalli l-użu tar-riżorsi, u tagħti valur ġdid lill-prodotti tal-iskart. Dan il-Pakkett jistabbilixxi wkoll miżuri settorjali u standards tal-kwalità għall-materja prima sekondarja. Fost l-azzjonijiet ewlenin li ġew adottati llum jew li għad trid twettaq il-Kummissjoni attwali hemm:

  • Finanzjament li jaqbeż is-€650 miljun permezz ta' Orizzont 2020 u €5.5 biljun mill-fondi strutturali;
  • Azzjonijiet biex tonqos il-ħela tal-ikel li jinkludu metodoloġija komuni għall-kejl, immarkar aħjar tad-dejta, u għodod biex jintlaħqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli ħalli sal-2030 il-ħela tal-ikel tonqos bin-nofs;
  • L-iżvilupp ta' standards tal-kwalità għall-materja prima sekondarja biex tiżdied il-kunfidenza tal-operaturi fis-Suq Uniku;
  • Miżuri fil-pjan ta' ħidma tal-Ekodisinn għall-2015-2017 li jippromwovu t-tiswija, id-durabbiltà u r-riċiklabbiltà tal-prodotti, apparti l-effiċjenza tal-enerġija;
  • Reviżjoni tar-Regolament dwar il-fertilizzanti ħalli fis-Suq Uniku jeħfief ir-rikonoxximent tal-fertilizzanti organiċi u tal-fertilizzanti mill-iskart u jkun appoġġat ir-rwol tal-bijonutrijenti;
  • Strateġija għall-plastik fl-ekonomija ċirkolari li tindirizza l-kwistjonijiet tar-riċiklabbiltà, il-bijodegradabilità, il-preżenza tas-sustanzi perikolużi fil-plastik, u l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli li huma maħsuba biex l-iskart fil-baħar jonqos ġmielu;
  • Serje ta' azzjonijiet għall-użu mill-ġdid tal-ilma li jinkludu proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi.

Il-Komunikazzjoni li ġiet adottata llum tixħet l-azzjonijiet proposti fi skeda taż-żmien ċara u tippreżenta pjan għal qafas ta' monitoraġġ sempliċi u effettiv għall-ekonomija ċirkolari.

Proposti Leġiżlattivi Riveduti dwar l-Iskart

Il-proposta leġiżlattiva riveduta dwar l-iskart tistabbilixxi miri ċari biex jonqos l-iskart u tagħti direzzjoni fit-tul ambizzjuża u kredibbli lill-immaniġġar tal-iskart u lir-riċiklaġġ. Biex ikun żgurat li ssir implimentazzjoni effettiva, minbarra l-miri għat-tnaqqis tal-iskart, il-proposta l-ġdida fiha miżuri konkreti biex tindirizza x-xkiel fuq l-art u s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. Fost l-elementi ewlenin tal-proposta riveduta dwar l-iskart hemm:

  • Mira komuni tal-UE biex sal-2030 ikun qed jiġi rriċiklat 65% tal-iskart muniċipali;
  • Mira komuni tal-UE biex sal-2030 ikun qed jiġi rriċiklat 75% tal-iskart mill-imballaġġ;
  • Mira vinkolanti għall-miżbliet biex sal-2030 jonqos ir-rimi fihom b'tali mod li ma jaqbiżx l-10% tal-iskart kollu;
  • Projbizzjoni li fil-miżbliet jintrema l-iskart li jinġabar b'mod separat;
  • Promozzjoni tal-istrumenti ekonomiċi li jiskoraġġixxu r-rimi fil-miżbliet;
  • Definizzjonijiet simplifikati u mtejba u metodi tal-kejl armonizzati għar-rati tar-riċiklaġġ madwar l-UE;
  • Miżuri konkreti li jippromwovu l-użu mill-ġdid u jħeġġu s-simbjożi indusrijali – prodott sekondarju ta' industrija partikolari jsir materja prima ta' industrija oħra;
  • Inċentivi ekonomiċi għall-produtturi biex fis-suq iqiegħdu prodotti aktar ekoloġiċi u li jkunu jappoġġaw l-iskemi tal-irkupru u tar-riċiklaġġ (eż għall-imballaġġ, il-batteriji, it-tagħmir elettriku u elettroniku, u l-vetturi).

Il-kuntest

F'Diċembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira proposta leġiżlattiva pendenti dwar l-iskart, bħala parti mill-eżerċizzju ta' diskontinwità politika li sar għall-ewwel Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Juncker. Dakinhar il-Kummissjoni impenjat ruħha li tħaddem il-metodi orizzontali ta' ħidma l-ġodda biex sa tmiem l-2015 tippreżenta pakkett ġdid li jkun jilħaq iċ-ċiklu ekonomiku kollu mhux biss il-miri għat-tnaqqis tal-iskart, filwaqt li tiġbor l-għarfien espert tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni. Il-pakkett komprensiv li ġie adottat illum jirrappreżenta bosta azzjonijiet tanġibbli, wesgħin u ambizzjużi, li se jiġu ppreżentati tul il-mandat tal-Kummissjoni attwali.

Matul il-proċess biex tiżviluppa l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, fil-25 ta' Ġunju 2015 il-Kummissjoni organizzat konferenza fi Brussell fuq l-ekonomija ċirkolari li għaliha attendew madwar 700 parti kkonċernata. Kull parti kkonċernata li xtaqet tagħti sehemha fit-tfassil tal-politika ekonomika Ewropea setgħet tattendi din il-konferenza. Wara l-konferenza saret konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq tnax-il ġimgħa mit-28 ta' Mejju sal-20 ta' Awwissu 2015 u matulha tressqu aktar minn 1,500 kontribut. Barra minn hekk, il-Kummissarji, il-Kabinetti tagħhom u s-servizzi għamlu konsultazzjonijiet intensivi u kollaborattivi ma' bosta partijiet konċernati ewlenin.

Issa l-Kummissjoni qed issejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jibnu fuq din il-ħidma preparatorja importanti u jagħtu prijorità lill-adozzjoni u lill-implimentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi mħabbra llum. L-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Viċi President Katainen se jippreżentaw minnufih il-Pakkett waqt is-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: Nagħlqu ċ-Ċiklu: Il-Kummissjoni tadotta Pakkett ġdid, ambizzjuż u ċar tal-Ekonomija biex tixpruna l-kompetittività, toħloq l-impjiegi u tiġġenera t-tkabbir sostenibbli

Skeda Informattiva Ġenerali: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Pakkett Ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari tal-UE

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Lill-konsumaturi ngħinuhom jagħżlu prodotti u servizzi sostenibbli

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Il-fażi tal-produzzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Nimmaniġġaw aħjar l-iskart b'għodod u b'miri ċari

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Minn Skart Għal Riżorsa

Komunikazzjoni: Nagħlqu ċ-ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-UE

L-Anness tal-Komunikazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart mill-Imballaġġ

Id-Direttiva Proposta dwar ir-Rimi fil-Miżbliet

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart Elettriku u Elettroniku

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

IP/15/6203

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar