Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel il-prodotti u s-servizzi iżjed aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

Brussell, it-2ta' dicembru 2015

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li se jistabbilixxi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà komuni għal ċerti prodotti u servizzi ewlenin li se jgħinu lill-persuni b’diżabilità, fil-livell tal-UE, biex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.

Tista' ssib verżjoni aċċessibbli hawnhekk u memo

Il-prodotti u s-servizzi koperti ġew magħżula bir-reqqa b'konsultazzjoni maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll man-negozji. Dawn jinkludu l-ATMs u s-servizzi bankarji, il-kompjuters, it-telefowns u t-tagħmir tat-televiżjoni, is-servizzi awdjoviżivi u tat-telefonija, it-trasport, il-kotba elettroniċi u l-kummerċ elettroniku.  

L-għan tal-proposta għal Direttiva huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, sabiex tagħmilha eħfef għall-kumpaniji li jipprovdu prodotti u servizzi aċċessibbli bejn fruntiera u oħra. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà komuni se japplikaw ukoll fil-qafas tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist kif ukoll għall-użu tal-fondi tal-UE. L-inizjattiva se tistimola l-innovazzjoni u żżid l-offerta ta' prodotti u servizzi aċċessibbli għall-madwar 80 miljun persuna b’diżabilità fl-UE.

Ingħatat attenzjoni biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tar-rekwiżiti, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi. Permezz ta' klawżola ta' sens komun jista' jiġi evitat li r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà jimponu piż sproporzjonat u huma previsti miżuri ta' konformità eħfef għall-mikrointrapriżi. L-esperjenza turi li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jagħmel ħafna sens mil-lat tan-negozju li jiġu pprovduti prodotti aċċessibbli, b'mod partikolari meta l-aċċessibbiltà tkun prevista fil-fażi tad-disinn tal-prodotti.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen, irrimarkat: "Id-diżabilità ma għandhiex tkun ta' ostaklu għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà, u lanqas in-nuqqas ta' regoli komuni tal-UE ma għandu jkun ta' ostaklu għall-kummerċ transfruntier tal-prodotti u s-servizzi aċċessibbli. Permezz ta' dan l-Att, irridu nintensifikaw is-suq intern u nużaw il-potenzjal tiegħu għall-benefiċċju kemm tal-kumpaniji kif ukoll taċ-ċittadini b’diżabilità. Fil-fatt, aħna lkoll nistgħu nibbenefikaw minnu".    

L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà se jagħmilha eħfef għall-produtturi u għall-fornituri tas-servizzi li jesportaw prodotti u servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE, billi dawn mhux se jkollhom bżonn jaġġustaw għar-regoli nazzjonali diverġenti. B’mod partikolari, dan se jgħin biex in-negozji ż-żgħar jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq tal-UE.

Għaldaqstant, il-persuni b’diżabilità se jibbenefikaw minn provvista akbar ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli bi prezzijiet aktar kompetittivi. Dan it-titjib fil-provvista jista' jkun ta' benefiċċju wkoll għaċ-ċittadini anzjani bi bżonnijiet simili għall-aċċessibbiltà, kif ukoll għal persuni oħra li qed jiffaċċjaw diffikultajiet marbutin ma’ inċident, mard temporanju jew ambjent diffiċli bħal dawl baxx jew livell għoli ta’ storbju. Dan se jgħin biex iżid il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, inkluż fl-edukazzjoni u fl-impjiegi, kif ukoll jiżgura aktar awtonomija u opportunitajiet ta’ mobilità.

Sfond

Madwar 80 miljun persuna fl-UE jbatu xi ftit jew wisq minn xi diżabilità. Minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, dan in-numru mistenni li jiżdied għal 120 miljun sal-2020. L-aċċessibbiltà hija prekondizzjoni għall-parteċipazzjoni ugwali u għar-rwol attiv ta' dawn il-persuni fis-soċjetà. U tista’ tikkontribwixxi biex jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità tinkludi obbligi ta' aċċessibbiltà. Din tirrikjedi li l-Partijiet tagħha, bħall-UE u l-Istati Membri, jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-leġiżlazzjoni, biex jiżguraw l-aċċessibbiltà. Mingħajr azzjoni tal-UE, kull pajjiż tal-UE se jkompli jiżviluppa liġijiet differenti biex jimplimenta l-obbligi tiegħu, u b’hekk jifframmenta dejjem aktar is-suq tal-UE.

Permezz ta' azzjoni tal-UE tista' tiġi evitata frammentazzjoni bħal din u jinħolqu aktar opportunitajiet tas-suq għan-negozji. Din tista' tnaqqas l-ispiża tal-prodotti u tas-servizzi aċċessibbli u jkollha impatt pożittiv fuq il-baġits pubbliċi fit-tul, billi tnaqqas id-dipendenza ta' persuni anzjani u b'diżabilità.

Fl-2011, l-UE rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Din tindirizza d-diżabilità bħala kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, mhux minn perspettiva medika jew ta’ karità. Tkopri d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, u firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika: mill-ġustizzja għat-trasport, mill-impjieg għat-teknoloġija tal-informazzjoni, eċċ. L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jinkludi l-obbligi tal-Istati Partijiet fil-qasam tal-aċċessibbiltà biex jiżguraw l-aċċess ta' persuni b'diżabilità fuq bażi ugwali mal-oħrajn.

L-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni u 25 irratifikawha. Il-Finlandja, l-Irlanda u n-Netherlands qed iħejju għar-ratifika. Dan ifisser li l-UE, kif ukoll dawk l-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni, huma impenjati li jiddefendu u jipproteġu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità kif minqux fil-Konvenzjoni tan-NU, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Għal aktar tagħrif

Ara wkoll l-iskeda informattiva

L-aħbar fuq is-sit web tad-DĠ għall-Impjiegi                    

Segwi lil Marianne Thyssen u lill-Ewropa Soċjali fuq Twitter

Abbona b'xejn bil-posta elettronika għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Hashtag: #EUdisability

IP/15/6147

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar