Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta Strateġija tal-Avjazzjoni ġdida għall-Ewropa

Brussell, is-7ta' dicembru 2015

Illum, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-Avjazzjoni ġdida, pass importanti biex lill-ekonomija tal-Ewropa tingħata spinta, biex il-bażi industrijali tagħha tissaħħaħ u biex tikkontribwixxi għal tmexxija globali min-naħa tal-UE.

Illum, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa ġdida, pass importanti biex lill-ekonomija tal-Ewropa tingħata spinta, biex il-bażi industrijali tagħha tissaħħaħ u biex il-pożizzjoni globali fuq quddiem tal-UE tissaħħaħ. Dawn huma tliet prijoritajiet ewlenin tal-President Jean-Claude Juncker, li l-Istrateġija se tikkontribwixxi għalihom billi tiżgura li s-settur tal-avjazzjoni Ewropew jibqa’ kompetittiv u li jaħsad il-benefiċċji ta’ ekonomija globali li qed tinbidel u tiżviluppa b'mod rapidu. Settur tal-avjazzjoni li jkun b'saħħtu u progressiv, mhux biss ikun ta’ benefiċċju għan-negozji, iżda wkoll għaċ-ċittadini Ewropej billi joffri aktar konnessjonijiet lejn il-bqija tad-dinja bi prezzijiet aktar baxxi.

Il-Viċi President tal-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Šefčovič qal, "Avjazzjoni kompetittiva u effiċjenti hija essenzjali għat-tkabbir fl-Ewropa. Din l-Istrateġija tal-Avjazzjoni l-ġdida toħloq qafas li se jippermetti lill-avjazzjoni Ewropea li żżomm it-tmexxija globali tagħha. Barra minn hekk, tikkonferma l-impenn pijunier tal-Ewropa għall-avjazzjoni sostenibbli, kwistjoni topika ħafna hekk kif id-dinja għandha għajnejha fuq Pariġi għas-COP 21”.

Il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, Violeta Bulc, żiedet tgħid, “L-avjazzjoni Ewropea qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi u l-Istrateġija tal-lum tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni komprensiv u ambizzjuż biex iżomm is-settur fuq quddiem. Se żżomm il-kumpaniji Ewropej kompetittivi, permezz ta’ investimenti u opportunitajiet ta’ negozju ġodda, li jippermettulhom li jikbru b’mod sostenibbli. Iċ-ċittadini Ewropej se jibbenefikaw ukoll minn aktar għażla, minn prezzijiet orħos u mill-ogħla livelli ta’ sikurezza u sigurtà.”

L-għan tal-Kummissjoni huwa li titfassal strateġija komprensiva għall-ekosistema kollha tal-avjazzjoni tal-UE. F’dan il-kuntest, il-prijoritajiet huma li:

1. L-UE ssir attur ewlieni fl-avjazzjoni internazzjonali, filwaqt li jkunu garantiti kundizzjonijiet ekwi. Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu jitħalla jisfrutta s-swieq il-ġodda tat-tkabbir. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ ftehimiet dwar l-avjazzjoni esterna ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin fid-dinja. Dan mhux biss itejjeb l-aċċess għas-suq, iżda jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-kumpaniji Ewropej u jiżgura kundizzjonijiet tas-suq ġusti u trasparenti bbażati fuq qafas regolatorju ċar. Dawn il-ftehimiet se jipprovdu wkoll aktar konnessjonijiet u prezzijiet aħjar għall-passiġġieri. Il-konnettività globali hija xprun tal-kummerċ u tat-turiżmu, u tikkontribwixxi direttament għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi.

2. Jiġu indirizzati l-limiti għat-tkabbir fl-ajru u fuq l-art. L-isfida ewlenija għat-tkabbir tal-avjazzjoni tal-UE hija li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-kapaċità, tal-effiċjenza u tal-konnettività. Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew jiswa mill-inqas EUR 5 biljun fis-sena u madwar 50 miljun tunnellata ta’ CO2. Ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità fl-ajruporti tal-UE tista’ tiswa sa 818,000 impjieg sal-2035. Għalhekk, dan huwa ż-żmien għall-UE biex tippjana għad-domanda futura għall-ivvjaġġar bl-ajru u biex tiġi evitata l-konġestjoni. Għal din ir-raġuni, l-Istrateġija tisħaq fuq l-importanza li jitlesta l-Proġett tal-Ajru Uniku Ewropew, li jiġi ottimizzat l-użu tal-iktar ajruporti traffikużi tagħna, kif ukoll li tiġi mmonitorjata l-konnettività ġewwa l-UE u barra mill-UE biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet.

3. Jinżammu l-istandards għoljin tal-UE. Fl-interess taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE, huwa kruċjali li jinżammu l-istandards għoljin tal-UE għas-sikurezza, għas-sigurtà, għall-ambjent, għall-kwistjonijiet soċjali u għad-drittijiet tal-passiġġieri. L-Istrateġija tipproponi miżuri importanti f’dan is-sens, bl-aġġornament tar-regoli tas-sikurezza tal-UE sabiex jinżammu standards għoljin tas-sikurezza flimkien maż-żieda fit-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, qafas regolatorju effettiv u effiċjenti ser jagħti lill-industrija aktar flessibilità biex timxi ‘l quddiem u tibqa’ kompetittiva globalment. Il-Kummissjoni ser tfittex ukoll modi biex jitnaqqas il-piż tal-kontrolli u l-ispejjeż tas-sigurtà, permezz tal-użu ta’ teknoloġija ġdida u approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Se tkompli tirrinforza d-djalogu soċjali u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi fl-avjazzjoni, u se tfittex li tikseb miżura globali b'saħħitha biex jinkiseb tkabbir li jkun newtrali fil-karbonju mill-2020.

4. Isir progress fuq l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u l-investimenti. Katalist għall-iżvilupp tal-avjazzjoni, u l-funzjoni tiegħu bħala xprunatur tat-tkabbir, se jkunu l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. B’mod partikolari, l-Ewropa trid tirrilaxxa l-potenzjal sħiħ tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (id-drones). Din hija r-raġuni għaliex l-Istrateġija tipproponi qafas legali biex jassigura s-sikurezza u ċ-ċertezza legali għall-industrija u jindirizza t-tħassib relatat mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-dejta, mas-sigurtà u mal-ambjent. Barra minn hekk, l-investimenti xierqa fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni ser jiżguraw ir-rwol mexxej tal-Ewropa fl-avjazzjoni internazzjonali. L-Unjoni Ewropea ppjanat li tinvesti EUR 430 miljun[1] kull sena, sal-2020, fil-proġett tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). L-implimentazzjoni f’waqtha tas-soluzzjonijiet SESAR jistgħu potenzjalment iwasslu għall-ħolqien ta’ aktar minn 300 000 impjieg ġdid. L-iskjerament u l-aħjar użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma wkoll partikolarment rilevanti għall-kapaċità, għall-prestazzjoni u għall-kwalità tas-servizz tal-ajruporti.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Istrateġija tal-Avjazzjoni:

L-Istrateġija tal-Avjazzjoni: vidjo, kwotazzjonijiet, infografika, mistoqsijiet u risposti, fatti u ċifri

Mistoqsijiet u Risposti

MEMO dwar l-Avjazzjoni Internazzjonali

Sfond

L-istrateġija tal-Avjazzjoni hija waħda mill-inizjattivi elenkati fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015. Din tikkonsisti f’Komunikazzjoni, proposta għal reviżjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE (ir-Regolament 216/2008) u talbiet biex jiġu nnegozjati ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi ewlenin.

L-avjazzjoni hija mutur b’saħħtu tat-tkabbir ekonomiku, tal-impjiegi, tal-kummerċ u tal-mobilità għall-Unjoni Ewropea u għandha rwol kruċjali fl-ekonomija tal-UE. Is-settur jimpjega kważi 2 miljun ruħ fl-UE u għandu valur ta' EUR 110 biljun għall-ekonomija tal-Ewropa. Matul l-aħħar 20 sena, il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-UE għas-servizzi tal-ajru u t-tkabbir sostanzjali tad-domanda għat-trasport bl-ajru fl-UE u madwar id-dinja, wasslu għal żvilupp sinifikanti tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. It-traffiku tal-avjazzjoni fl-Ewropa huwa mistenni li jilħaq l-14.4 miljun titjira fl-2035, 50 % aktar mill-20

[1]Kontribuzzjoni annwali medja prevista matul l-2014-2020

IP/15/6144

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar