Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tinvesti EUR 160.6 miljun għal 96 proġett ambjentali ġdid

Brussell, I-20ta' novembru 2015

Proġetti kofinanzjati mill-Kummissjoni taħt il-programm LIFE li jsostni l-ambjent, in-natura u ekonomija aktar sostenibbli.

Il-Kummissjoni approvat pakkett ta’ investiment ta’ EUR 264.8 miljun biex tappoġġa l-ambjent, in-natura u t-tkabbir ekoloġiku tal-Ewropa. L-investiment ikopri 96 proġett ġdid li jkopru 21 Stat Membru, iffinanzjati taħt il-programm LIFE għall-Ambjent. Il-proġetti jkopru azzjonijiet fil-qasam tal-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari u sostenibbli, in-natura u l-bijodiversità, il-governanza ambjentali u l-informazzjoni. L-UE se tikkofinanzja l-proġetti billi tipprovdi EUR 160.6 miljun.

Fi kliem il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella: "Il-flus investiti fil-proġetti ambjentali huma flus minfuqa tajjeb. Ninsab kuntent li l-Programm LIFE tagħna se jappoġġja ħafna proġetti innovattivi, u ninsab ċert li dawn se jagħtu kontribut vitali. Minbarra l-protezzjoni u t-titjib tal-kapital naturali, hawn bosta toroq promettenti li se jgħinu jiggwidaw lill-Ewropa lejn ġejjieni b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli. Aħna se nsegwu dawn il-proġetti b’attenzjoni, bil-ħsieb li naqsmu u nirrepplikaw is-suċċess tagħhom.”

Il-Kummissjoni rċeviet 1,117-il applikazzjoni b'rispons għas-sejħa ta' proposti tagħha li għalqet f'Ġunju 2014. Minn fost dawn, intgħażlu 96 proposta għal kofinanzjament permezz tat-tliet komponenti tal-programm.

Il-51 proġett ta' LIFE Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi se jimmobilizzaw EUR 103.3 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi EUR 56.2 miljun. Dawn il-proġetti jkopru azzjonijiet f’ħames oqsma tematiċi: l-arja, l-ambjent u s-saħħa, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iskart u l-ilma. Minn dawn, kważi nofs il-fondi se jiġu ddedikati għal 14-il proġett tal-effiċjenza fir-riżorsi li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija aktar ċirkolari.

Id-39 proġett ta' LIFE Natura u Bijodiversità jtejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats mhedda u jikkontribwixxu lejn l-għan tal-UE li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Ikollhom baġit totali ta’ EUR 153.9 miljun, li minnhom l-UE ser tikkontribwixxi EUR 100 miljun.

Is-sitt proġetti LIFE Governanza u Informazzjoni għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali. Ikollhom baġit totali ta’ EUR 7.5 miljun, li minnhom l-UE ser tikkontribwixxi kważi EUR 4.5 miljun.

Deskrizzjonijiet tas-96 proġett kollha jinsabu fl-anness ta’ din l-istqarrija għall-istampa.

 

Sfond

Il-Programm LIFE huwa l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika. Huwa ilu għaddej mill-1992 u kkofinanzja aktar minn 4,000 proġett madwar l-UE u f’pajjiżi terzi billi mmobilizza EUR 7.8 biljun u kkontribwixxa EUR 3.4 biljun għall-protezzjoni tal-ambjent u l-klima. Fi kwalunkwe mument, jinsabu għaddejjin madwar 1,100 proġetti. Il-baġit għall-programm LIFE għall-2014-2020 huwa stabbilit li jkun ta' EUR 3.4 biljun fi prezzijiet attwali, u fih sottoprogramm għall-ambjent u sottoprogramm għall-azzjoni klimatika.

 

Għal iktar informazzjoni dwar LIFE

Link għall-Anness

http://ec.europa.eu/life

Tista’ tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm

IP/15/6081

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar