Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Ewropea u l-Etjopja jiffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità

Brussell, il-11ta' novembru 2015

L-Unjoni Ewropea u l-Etjopja jiffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità

Illum, l-UE u l-Etjopja ffirmaw Dikjarazzjoni konġunta għal Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM), li tirrifletti l-importanza tal-Etjopja bħala pajjiż ewlieni ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni ta' migranti irregolari u refuġjati mill-Qarn tal-Afrika fi triqthom lejn l-Ewropa. L-Aġenda ġiet iffirmata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu, li bħalissa għandha l-Presidenza rotanti tal-Kunsill, Jean Asselborn, f'isem l-UE u l-Istati Membri u mill-Prim Ministru tal-Etjopja Hailemariam Dessalegn.

Iż-żewġ partijiet se jikkooperaw fuq kwistjonijiet ta' protezzjoni internazzjonali u bżonnijiet tar-refuġjati, migrazzjoni legali u mobilità, migrazzjoni irregolari, faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar tal-bnedmin u l-politika tal-iżvilupp. Se jkun hemm finanzjament disponibbli għall-implimentazzjoni ta' attivitajiet konkreti l-iktar permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika, li l-UE diġà mmobilizzat €1.8 biljun għalih.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: "L-Etjopja hija l-ikbar pajjiż li jospita r-refuġjati fl-Afrika, b'akkomodazzjoni ta' 'l fuq minn 733,000 refuġjat. Il-Gvern tal-Etjopja jeħtieġ u ħaqqu l-appoġġ tal-UE. L-Etjopja hija wkoll pajjiż ta' oriġini u tranżitu għall-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa. Hemm bżonn li naħdmu flimkien biex namministraw aħjar dawn il-flussi b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. L-awtoritajiet Etjopjani wrew impenn għat-trattament tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, li huwa sinjal pożittiv għall-kooperazzjoni ulterjuri tagħna tul din l-Aġenda Komuni. Dan il-pass huwa parti mir-relazzjoni ferm usa' li qed nipprovaw nibnu flimkien."

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, żiedet tgħid: "L-Etjopja u l-Unjoni Ewropea issa ilhom sħab strateġiċi għal 40 sena, u l-migrazzjoni hija sfida komuni. Fost il-ħafna kwistjonijiet bilaterali u reġjonali li ddiskutejna waqt iż-żjara tiegħi f'Addis Ababa fl-20 ta' Ottubru, qbilna li nagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejnietna biex nittrattaw il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin, nappoġġaw ir-riintegrazzjoni tal-migranti ripatrijati, nappoġġaw lill-Etjopja fl-ospitalità tagħha għar-refuġjati minn pajjiżi ġirien u t-tqawwija tar-reżiljenza tal-iktar komunitajiet vulnerabbli. L-Aġenda Komuni ffirmata llum tgħolli l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Etjopja għal livell ieħor, u se tgħin biex tittejjeb il-ġestjoni tal-flussi mħallta ta’ migrazzjoni."

L-UE qed iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi tal-oriġini u t-tranżitu biex tiġi ttrattata l-kriżi attwali tar-refuġjati. Is-Samit tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-Afrika li qed iseħħ illum u għada għandu l-għan li jiżviluppa għodod komuni għat-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni f'livell kontinentali. Id-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni li se jiġu adottati fis-Samit se jkunu implimentati permezz ta' djalogi reġjonali eżistenti. F'dan il-qafas usa', l-Aġenda Komuni mal-Etjopja se tkun implimentata f'livell bilaterali.

L-iffirmar tal-Aġenda Komuni huwa r-riżultat ta' djalogu intens bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-Etjopja. It-taħditiet finali saru f'Addis Ababa fl-20 ta' Ottubru 2015, meta r-Rappreżentant Għoli/Viċi President Mogherini mexxiet Djalogu ta' Livell Għoli mal-Prim Ministru Dessalegn. L-iffirmar jirrappreżenta pass ieħor fl-isforzi kontinwi tal-UE u l-Etjopja għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni. Id-Djalogu bejn l-UE u l-Etjopja dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità se jipprovdi d-direzzjoni ġenerali tal-Aġenda Komuni permezz ta' laqgħat annwali li jalternaw bejn Brussell u Addis Ababa.

L-UE qiegħda fil-proċess li tiżviluppa Programm Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (RDPP) għall-Qarn tal-Afrika, li se jassisti lill-pajjiżi li jospitaw għadd kbir ta' refuġjati fl-indirizzar tal-bżonnijiet ta' protezzjoni u żvilupp tar-refuġjati u persuni li qed iffittxu ażil, il-bżonnijiet ta' komunitajiet ta' ospitazzjoni tar-refuġjati, u l-bini ta' kapaċità mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-konsorzju RDPP għall-Qarn tal-Afrika huma mmexxi min-Netherlands, u se jkun appoġġat mill-fondi tal-UE u l-kontribuzzjonijiet nazzjonali.

Sfond

Djalogi bilaterali dwar il-migrazzjoni u l-mobilità bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jieħdu forom differenti. Sħubijiet ta' Mobilità (MPs) kif ukoll Aġendi Komuni għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMMs) jipprovdu oqfsa importanti għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni operattiva.

Proposta biex tiġi nnegozjata Sħubija ta' Mobilità tkun ippreżentata ladarba jkun inkiseb ċertu livell ta' progress fid-djalogi ta' migrazzjoni u mobilità. Sħubijiet ta' Mobilità jinkludu n-negozjati għall-faċilitazzjoni tal-viżi u ftehimiet ta’ riammissjoni, filwaqt li l-CAMMs ma jinkluduhomx. Sħubijiet ta' Mobilità jintużaw prinċipalment għall-pajjiżi tal-viċinat, filwaqt li l-CAMMs jintużaw l-iktar għal pajjiżi terzi oħrajn.

Issa, wara l-firma tal-lum mal-Etjopja, ġew iffirmati ħames dikjarazzjonijiet konġunti ta' dan it-tip ma' pajjiżi sħab fil-kontinent Afrikan li jinkludu: il-Cape Verde, il-Marokk, it-Tuneżija (Sħubijiet ta' Mobilità) u n-Niġerja (Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità).

Għal aktar tagħrif

Iktar informazzjoni dwar l-Aġendi Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMMs) u s-Sħubijiet ta' Mobilità

Aktar informazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Etjopja

Aktar informazzjoni dwar is-Samit tal-Belt Valletta

IP/15/6050


Side Bar