Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni toħroġ gwida dwar it-trasferimenti transatlantiċi tad-dejta u tħeġġeġ li jiġi stabbilit malajr qafas ġdid wara d-deċiżjoni fil-każ ta' Schrems

Brussell, is-6ta' novembru 2015

Id-Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru dwar il-każ ta' Schrems, issottolineat l-importanza tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta, fosthom fejn id-dejta personali tiġi ttrasferita lil pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem minn Jannar 2014 biex tagħmel it-trasferimenti tad-dejta aktar siguri għaċ-ċittadini Ewropej fuq il-bażi ta' 13-il rakkomandazzjoni. Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Kummissjoni intensifikat in-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar qafas imġedded u sod dwar it-trasferiment ta' dejta personali. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tikkonkludi dawn id-diskussjonijiet fi żmien tliet xhur.

Sadanittant, il-kumpaniji jeħtieġ li jikkonformaw mad-deċiżjoni u jiddependu fuq għodod ta' trasferiment alternattivi fejn ikunu disponibbli. Kif ħabbru l-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Jourová dakinhar tas-sentenza, il-Kummissjoni llum ħarġet ġwida (ħolqa) dwar il-possibilitajiet ta' trasferimenti transatlantiċi tad-dejta wara d-deċiżjoni sakemm jitpoġġa fis-seħħ qafas ġdid. Il-komunikazzjoni spjegattiva tal-Kummissjoni tanalizza l-konsegwenzi tas-sentenza u tistabblixxi l-mekkaniżmi alternattivi għat-trasferiment ta' dejta personali lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet indipendenti għall-protezzjoni tad-dejta biex tiżgura applikazzjoni uniformi tad-deċiżjoni.

Il-Viċi-President Andrus Ansip, responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali, qal: "Għandna bżonn ftehim mas-sħab tagħna tal-Istati Uniti tal-Amerika fit-tliet xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni ntalbet tieħu azzjoni rapida: dan hu li qegħdin nagħmlu aħna. Illum qed nagħtu linji gwida ċari u nimpenjaw ruħna għal perjodu ta' żmien ċar biex nikkonkludu n-negozjati preżenti. L-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika huma s-sħab kummerċjali l-aktar importanti ta' xulxin. Il-flussi tad-dejta bejn il-kontinenti tagħna huma essenzjali għan-nies u għan-negozju. Filwaqt li jeżistu għodod alternattivi, Qafas aktar sigur huwa l-aħjar soluzzjoni biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna u nnaqqsu l-burokrazija għan-negozji, l-aktar għal dawk ġodda."

Il-Kummissarju Vera Jourová qalet: "Iċ-ċittadini jeħtieġu salvagwardji b'saħħithom biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Matul dan il-perjodu tranżitorju, in-negozji jridu ċ-ċarezza. L-għan tagħna llum huwa li nispjegaw skont liema kundizzjonijiet in-negozji jistgħu jitrasferixxu d-dejta legalment f'dan il-perjodu interim. Se nkomplu wkoll naħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, li huma responsabbli mill-infurzar tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri. Jiena qed nintensifika t-taħdidiet mal-Istati Uniti tal-Amerika lejn qafas imġedded u sod għal flussi transatlantiċi tad-dejta u se nkompli dawn id-diskussjonijiet f'Washington il-ġimgħa d-dieħla. Kull arranġament ġdid irid jissodisfa r-rekwiżiti tad-deċiżjoni tal-Qorti."

Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tenfasizza l-punti li jmiss:

-          L-arranġament tal-Isfera ta' Sikurezza ma jistax iservi aktar ta' bażi ġuridika għat-trasferiment ta' dejta personali lejn l-Istati Uniti tal-Amerika;

-          il-Kummissjoni se tkompli u se tiffinalizza n-negozjati għal qafas imġedded u sod għal trasferimenti transatlantiċi ta' dejta personali, li jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti identifikati fid-deċiżjoni tal-Qorti, partikolarment fir-rigward ta' limitazzjonijiet u salvagwardji dwar l-aċċess għal dejta personali minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti tal-Amerika;

-          deċiżjonijiet ta' adegwatezza oħrajn jeħtieġ li jiġu emendati, biex jiġi żgurat li l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Dejta (Data Protection Authorities, DPAs) jibqgħu ħielsa biex jinvestigaw l-ilmenti mill-individwi.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-bażijiet alternattivi għal trasferimenti ta' dejta personali lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza u l-poteri tad-DPAs biex jeżaminaw il-legalità ta' tali trasferimenti. In-negozji jistgħu attwalment isegwu t-trasferimenti tad-dejta fuq il-bażi ta’:

  • Soluzzjonijiet kuntrattwali: ir-regoli kuntrattwali għandu jkollhom obbligi, bħal miżuri ta' sigurtà, informazzjoni lis-suġġett tad-dejta, salvagwardji fil-każ ta' trasteriment ta' dejta sensittiva eċċ. Mudelli ta' klawżoli kuntrattwali standard jinsabu hawn .

 Regoli Korporattivi Vinkolanti għal trasferimenti fi grupp: dawn jippermettu li d-dejta personali tiċċaqlaq liberament fost il-fergħat differenti ta' korporazzjoni dinjija. Huma għandhom ikunu awtorizzati mid-DPA f’kull Stat Membru minn fejn il-kumpanija multinazzjonali tkun tixtieq tittrasferixxi d-dejta.

  • Derogi:  

o   Il-konklużjoni jew it-twettiq ta’ kuntratt [inklużi sitwazzjonijiet prekuntrattwali, pereż. biex tibbukkja titjira jew kamra f'lukanda fl-Istati Uniti tal-Amerika, tista' tiġi trasferita d-dejta personali;

o   L-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' pretensjonijiet legali;

o   Jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, il-kunsens liberu u infurmat tal-individwu.

Sfond

Fis-6 ta’ Ottubru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fil-każ ta' Schrems, l-arranġament tal-Kummissjoni tal-Isfera ta’ Sikurezza kien invalidu. Is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni minn Novembru 2013 biex tirrevedi l-arranġament tal-Isfera ta’ Sikurezza, biex tiżgura fil-prattika livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tad-dejta kif meħtieġ skont il-liġi tal-UE.

Fl-15 ta’ Ottubru, il-Viċi President Ansip, il-Kummissarji Oettinger u Jourová ltaqgħu ma' rappreżentanti tan-negozju u tal-industrija li talbu għal interpretazzjoni ċara u uniformi tad-deċiżjoni, kif ukoll iktar ċarezza dwar l-istrumenti li jistgħu jużaw biex jittrasferixxu d-dejta.

Fil-16 ta' Ottobru, it-28 awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29) ħarġu dikjarazzjonidwar il-konsegwenzi tas-sentenza. 

Għal iktar informazzjoni:

MEMO/15/6014

 

IP/15/6015

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar