Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-vantaġġi selettivi tat-taxxa lil Fiat fil-Lussemburgu u lil Starbucks fin-Netherlands huma illegali skont ir-regoli tal-UE tal-għajnuna mill-istat

Brussell, il-21ta' ottubru 2015

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li l-Lussemburgu u n-Netherlands ikkonċedew vantaġġi tat-taxxa selettivi lil Fiat Finance and Trade u lil Starbucks, rispettivament. Dawn huma illegali skont ir-regoli tal-UE tal-għajnuna mill-istat.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "Deċiżjonijiet tat-taxxa li b'mod artifiċjali jnaqqsu l-piż tat-taxxa minn fuq kumpanija ma humiex konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat. Huma illegali. Nittama li, bid-deċiżjonijiet tal-lum, dan il-messaġġ jasal kemm għand il-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-kumpaniji. Il-kumpaniji kollha, kbar jew żgħar, multinazzjonali jew le, għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa.”

Wara investigazzjonijiet fil-fond, li kienu mnedija f’Ġunju 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu kien ikkonċeda vantaġġi selettivi tat-taxxa lill-kumpanija ta’ finanzjament ta' Fiat u n-Netherlands lill-kumpanija li tinkalja l-kafè ta' Starbucks. F’kull każ, deċiżjoni tat-taxxa maħruġa mill-awtorità nazzjonali tat-taxxa rispettiva b'mod artifiċjali naqqset it-taxxa mħallsa mill-kumpanija.

Id-deċiżjonijiet tat-taxxa bħala tali huma għal kollox legali. Dawn huma ittri ta’ konfort maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa li jipprovdu lil kumpanija partikolari ċarezza dwar kif it-taxxa korporattiva tagħha tkun se tiġi kkalkulata jew fuq l-użu ta’ dispożizzjonijiet partikolari ta' taxxa. Madankollu, iż-żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa taħt investigazzjoni approvaw metodi artifiċjali u kumplessi biex jiġu stabbiliti l-profitti taxxabbli tal-kumpaniji. Ma jirriflettux ir-realità ekonomika. Dan isir, b’mod partikolari, billi jiġu ffissati l-prezzijiet għall-prodotti u s-servizzi mibjugħa bejn kumpaniji tal-gruppi Fiat u Starbucks (imsejħa "prezzijiet ta’ trasferiment") li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet tas-suq. Bħala riżultat, il-biċċa l-kbira tal-profitti tal-kumpanija tal-inkaljar tal-kafè ta' Starbucks jiġu trasferiti 'l barra mill-pajjiż, fejn huma wkoll ma jiġux intaxxati, u l-kumpanija ta' ffinanzjar ta' Fiat ħallset biss taxxi fuq parti żgħira mill-profitti attwali tagħha.

Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat: Id-deċiżjonijiet tat-taxxa ma jistgħux jużaw metodoloġiji, irrispettivament minn kemm ikunu kumplessi, biex jistabbilixxu prezzijiet ta’ trasferiment mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika u li indebitament jittrasferixxu l-profitti biex titnaqqas it-taxxi mħallsa mill-kumpanija. Dan ikun jagħti lil dik il-kumpanija vantaġġ kompetittiv inġust fuq kumpaniji oħra (li tipikament ikunu SMEs) li jiġu intaxxati fuq il-profitti attwali tagħhom minħabba li jħallsu prezzijiet tas-suq għall-prodotti u s-servizzi li jużaw.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ordnat lil-Lussemburgu u lin-Netherlands li jirkupraw it-taxxa mhux imħallsa mingħand Fiat u mingħand Starbucks, rispettivament, sabiex jitneħħa l-vantaġġ kompetittiv inġust li huma gawdew u sabiex jerġa’ jiġi stabbilit trattament ugwali ma’ kumpaniji oħra f’sitwazzjonijiet simili. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma mill-anqas EUR 20 miljun għal kull kumpanija. Dan ifisser ukoll li l-kumpaniji ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw aktar mit-trattatament tat-taxxa vantaġġuż mogħti b'dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibqa' għaddejja bl-inkjesta tagħha rigward il-prattiki ta' deċiżjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri kollha tal-UE. Hija ma tistax tippreġudika l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet formali addizzjonali dwar deċiżjonijiet tat-taxxa jekk ikollha indikazzjonijiet li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE ma jkunux qed jitħarsu. L-investigazzjonijiet formali eżistenti tagħha dwar deċiżjonijiet tat-taxxa fil-Belġju, fl-Irlanda u fil-Lussemburgu għadhom għaddejjin. Kull wieħed minn dawn il-każijiet jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu u d-deċiżjonijiet tal-lum ma jippreġudikawx l-eżitu tal-investigazzjonijiet li għaddejjin tal-Kummissjoni.

Fiat

Fiat Finance and Trade, ibbażata fil-Lussemburgu, tipprovdi servizzi finanzjarji, bħal self minn ġewwa l-grupp, lil kumpaniji oħra tal-karozzi tal-grupp Fiat. Hija tinvolvi ruħha f’diversi tranżazzjonijiet mal-kumpaniji tal-grupp Fiat fl-Ewropa.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li deċiżjoni tat-taxxa maħruġ mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fl-2012 kienet ikkonċediet vantaġġ selettiv lil Fiat Finance and Trade, li b'mod indebitu naqqset il-piż tat-taxxa tagħha b'ammont ta' bejn EUR 20 u 30 miljun mill-2012 lil hawn.

Peress li l-attivitajiet ta' Fiat Finance and Trade huma paragunabbli ma’ dawk ta’ bank, il-profitti taxxabbli għal Fiat Finance and Trade jistgħu jiġu ddeterminati b’mod simili bħal bank, bħala kalkolu ta’ redditu fuq il-kapital użat mill-kumpanija għal attivitajiet ta’ finanzjament tagħha. Madankollu, id-deċiżjoni tat-taxxa tapprova metodoloġija artifiċjali u estremament kumplessa li mhix adegwata għall-kalkolu tal-profitti taxxabbli li jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq. B’mod partikolari, hija tnaqqas b'mod artifiċjali t-taxxi mħallsa minn Fiat Finance and Trade, b’żewġ modi:

  • Minħabba għadd ta’ suppożizzjonijiet ekonomikament mhux ġustifikabbli u aġġustamenti 'l isfel, il-bażi kapitali approssimizzata mid-deċiżjoni tat-taxxa hija ħafna inqas mill-kapital attwali tal-kumpanija.
  • Ir-rimunerazzjoni stmata applikata għal dan il-kapital, diġà ferm aktar baxx, għal finijiet ta’ taxxa, huwa wkoll ħafna aktar baxx meta mqabbel mar-rati tas-suq.

Bħala riżultat, Fiat Trade and Finance ħallset biss taxxi fuq porzjon żgħir tal-kapital kontabilità attwali tagħha, b'remunerazzjoni baxxa ħafna. Bħala prinċipju, jekk il-profitti taxxabbli jiġu kkalkulati abbażi tal-kapital, il-livell ta' kapitalizzazzjoni fil-kumpanija jrid ikun adegwat imqabbel ma' standards finanzjarji tal-industrija. Barra minn dan, ir-rimunerazzjoni applikata jkollha tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni uriet li fil-każ ta' Fiat Finance and Trade, kieku l-istimi tal-kapital u r-remunerazzjoni applikati kellhom jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet tas-suq, il-profitt taxxabbli ddikjarat fil-Lussemburgu kien ikun 20 darba ogħla.

Fiat

Starbucks

Starbucks Manufacturing EMEA BV ("Starbucks Manufacturing"), ibbażata fin-Netherlands, hija l-unika kumpanija tal-grupp Starbucks li tinkalja l-kafè fl-Ewropa. Hija tbigħ u tiddistribwixxi prodotti tal-kafè inkaljat, u relatati mal-kafè (pereż. kikkri, ikel ippakkjat, pasti) lill-ħwienet ta' Starbucks fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li deċiżjoni tat-taxxa maħruġa mill-awtoritajiet Netherlandiżi fl-2008 kienet ikkonċediet vantaġġ selettiv lil Starbucks Manufacturing, li b'mod indebitu naqqset il-piż tat-taxxa tagħha b'ammont ta' bejn EUR 20 u 30 miljun mill-2008 lil hawn. B’mod partikolari, id-deċiżjoni naqqset b'mod artifiċjali t-taxxi mħallsa minn Starbucks Manufacturing b’żewġ modi:

  • Starbucks Manufacturing tħallas royalty sostanzjali ħafna lil Alki (kumpanija bbażata fir-Renju Unit fil-grupp Starbucks) għall-kompetenza professjonali dwar l-inkaljar tal-kafè.
  • Tħallas ukoll prezz ogħla milli wieħed jistenna għal żrieragħ tal-kafè ħodor lil Starbucks Coffee Trading SARL, ibbażata fl-Iżvizzera.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni stabbiliiet li r-royalty imħallsa minn Starbucks Manufacturing lil Alki ma tistax tiġi ġġustifikata peress li ma tirriflettix b’mod adegwat il-valur tas-suq. Hija biss Starbucks Manufacturing li hija obbligata tħallas għall-użu ta’ din il-kompetenza - l-ebda kumpanija tal-grupp Starbucks u lanqas kumpaniji li jinkaljaw indipendenti, li għandhom jiġi esternalizzat l-inkaljar, ma huma obbligati jħallsu royalty għall-użu tal-istess kompetenzi f'dik li hi essenzjalment l-istess sitwazzjoni. Fil-każ ta’ Starbucks Manufacturing, madankollu, l-eżistenza u l-livell tar-royalty tfisser li parti kbira tal-profitti taxxabbli tagħha jiġu indebitament trasferiti għal fuq Alki, li la hija responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-kumpaniji fir-Renju Unit, u lanqas fin-Netherlands.

Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-bażi taxxabbli ta' Starbucks Manufacturing hija wkoll indebitament imnaqqsa mill-prezz ħafna ogħla milli wieħed jistenna li hija tħallas għal żrieragħ tal-kafè ħodor lil kumpanija Żvizzera, Starbucks Coffee Trading SARL. Il-marġini għaż-żrieragħ aktar minn ittrippla mill-2011 lil hawn. Minħabba dan il-fattur ta' spiża ta' importanza kbira fl-inkaljar tal-kafè, l-attivitajiet, waħedhom, tal-inkaljar tal-kafè ta' Starbucks Manufacturing ma jiġġenerawx biżżejjed profitti biex tkun tista' titħallas ir-royalty fuq il-kompetenza tal-inkaljar tal-kafè lil Alki. L-aktar li tagħmel ir-royalty, għalhekk, huwa li tittrasferixxi lil Alki l-qligħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ prodotti oħra mibjugħa mill-ħwienet ta' Starbucks bħal ma huma t-tè, il-pasti u t-tazez, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-fatturat ta’ Starbucks Manufacturing.

 Starbucks

Irkupru

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat jobbligaw li tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli sabiex titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. Fiż-żewġ deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-valur tal-vantaġġ kompetittiv indebitu li gawdew Fiat u Starbucks, jiġifieri d-differenza bejn dak li l-kumpaniji ħallsu u dak li kieku kienu jħallsu mingħajr id-deċiżjoni tat-taxxa. Dan l-ammont huwa wieħed ta' bejn EUR 20 u 30 miljun kull wieħed għal Fiat u għal Starbucks iżda l-ammonti preċiżi tat-taxxa li għandhom jiġi rkuprati għandu issa jiġi determinat mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Lussemburgu u tan-Netherlands abbażi tal-metodoloġija stabbilita fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

Għodod investigattivi ġodda

Fiż-żewġ investigazzjonijiet il-Kummissjoni użat għall-ewwel darba strumenti għat-talba tal-informazzjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill mill-Istati Membri ta’ Lulju 2013 (ir-Regolament 734/2013). Bl-użu ta’ dawn is-setgħat, il-Kummissjoni tista’, jekk l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru li jkun suġġett għall-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma tkunx suffiċjenti, titlob kwalunkwe Stat Membru ieħor kif ukoll kumpaniji (inkluża l-kumpanija li tibbenefika mill-miżura tal-għajnuna jew il-kompetituri tagħha) li jipprovdu direttament lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja dwar is-suq biex hija tkun tista’ tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat.Dawn l-istrumenti l-ġodda jiffurmaw parti mill-inizjattiva għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tnediet mill-Kummissjoni fl-2012 biex jippermettulha li tikkonċentra l-isforzi ta’ infurzar tagħha fuq l-għajnuna li tkun l-aktar probabbli li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

Aktar informazzjoni ta' sfond

F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-prassi dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri. Hija estendiet din l-inkjesta dwar l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014. Il-Kummissjoni għaddejja wkoll bi tliet investigazzjonijiet dettaljati li fihom hija irrilevat li ċerti deċiżjonijiet tat-taxxa jistgħu joħolqu kwistjonijiet ta' għajnuna mill-istat, u dawn jolqtu lil Apple fl-Irlanda, lil Amazon fil-Lussemburgu, u skema tat-taxxa fil-Belġju.

Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa hija waħda mill-ogħla prijoritajiet ta' din il-Kummissjoni. F'Ġunju 2015, il-Kummissjoni żvelat sensiela ta' inizjattivi biex teħodha kontra l-evitar tat-taxxa, biex tiggarantixxi dħul sostenibbli mit-taxxa u biex issaħħaħ is-Suq Uniku għan-negozji. Il-miżuri proposti, parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u effettiva, għandhom l-għan li b'mod sinifikanti jtejbu l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-UE, biex dan isir aktar ġust, aktar effiċjenti u aktar favorevoli għat-tkabbir. Azzjonijiet ċentrali jinkludu qafas biex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva fejn jiġu ġġenerati l-profitti u strateġija biex terġa' titnieda l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) li għaliha mistennija li titressaq proposta ġdida matul l-2016. Il-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni f'Marzu wkoll kellu l-ewwel suċċess tiegħu f'Ottubru 2015 meta l-Istati Membri laħqu ftehim politiku dwar skambju awtomatiku tal-informazjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa wara biss seba' xhur ta' negozjati. Din il-leġiżlazzjoni se tkun ta' kontribut biex jinkiseb grad ħafna għola ta' trasparenza u se sservi ta' deterrent mill-użu ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bħala strument għall-abbuż tat-taxxa - din hija aħbar tajba għan-negozji u għall-konsumaturi li se jkomplu jibbenefikaw minn din il-prassi tat-taxxa li hi tant utli iżda taħt skrutinju strett ħafna sabiex ikun hemm garanzija ta' qafas ta' kompetizzjoni ġusta fejn tidħol it-taxxa.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet se tkun disponibbli bin-numri tal-każ SA.38375 (Fiat) u SA.38374 (Starbucks) fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet rigward kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. Il-paġna web State Aid Weekly e-News telenka l-pubblikazzjonijiet ġodda ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

IP/15/5880

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos