Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tinvesti EUR 16-il biljun f’finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-sentejn li ġejjin

Brussell, it-13ta' ottubru 2015

Il-Kummissjoni Ewropea se tagħti spinta lill-kompetittività bl-investiment ta' kważi EUR 16-il biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-sentejn li ġejjin taħt l-Orizzont 2020, l-iskema ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea se tinvesti kważi EUR 16-il biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-sentejn li ġejjin taħt l-Orizzont 2020, l-iskema ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, wara li llum adottat Programm ta' Ħidma ġdid għas-snin 2016-2017.

L-opportunitajiet l-ġodda ta' finanzjament offerti mill-Programm ta' Ħidma huma marbutin b'mod dirett mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni tal-President Jean-Claude Juncker u se jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-Pakkett tal-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment, is-Suq Uniku Diġitali, il-politika dwar l-Unjoni tal-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, is-Suq Intern b'industrija aktar b'saħħitha u l-iżvilupp tal-Ewropa bħala attur globali aktar b'saħħtu.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni qal: "Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-progress tal-Ewropa u huma vitali biex jindirizzaw l-isfidi urġenti tal-lum bħalma huma l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-enerġija nadifa u s-soċjetajiet sani. Fis-sentejn li ġejjin, EUR 16-il biljun mill-Orizzont 2020 se jappoġġaw l-aqwa sforzi xjentifiċi tal-Ewropa bil-ħsieb li jagħmlu differenza f’ħajjet iċ-ċittadini.”

F'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissarju Moedas, l-Orizzont 2020 se jkun miftuħ għall-innovazzjoni, miftuħ għax-xjenza, u miftuħ għad-dinja. Il-Programm ta’ Ħidma l-ġdid għas-snin 2016-17 joffri opportunitajiet ta’ finanzjament permezz ta’ firxa ta’ sejħiet għal proposti, akkwisti pubbliċi u azzjonijiet oħra bħall-Premjijiet ta' Orizzont, li flimkien ikopru madwar 600 suġġett. L-istruttura tal-programm hija riflessjoni tal-flessibbiltà ġenerali ta’ Orizzont 2020 li jiffoka fuq prijoritajiet fit-tul tal-UE u fuq l-isfidi tas-soċjetà l-aktar urġenti filwaqt li jippermettilha tindirizza malajr problemi emerġenti bħal tifqigħat ta’ mard.

Il-programm se jsostni firxa ta’ inizjattivi trasversali: l-immodernizzar tal-industrija tal-manifattura tal-Ewropa (EUR 1 biljun); teknoloġiji u standards għal sewqan awtomatiku (aktar minn EUR 100 miljun); l-Internet tal-Oġġetti (EUR 139 miljun) li jindirizza d-diġitalizzazzjoni tal-industriji tal-UE; l-Industrija 2020 u l-Ekonomija Ċirkolari (EUR 670 miljun) biex jiġu żviluppati ekonomiji b’saħħithom u sostenibbli; u Bliet Intelliġenti u Sostenibbli (EUR 232 miljun) biex jintegraw aħjar netwerks ambjentali, tat-trasport, tal-enerġija u diġitali f’ambjenti urbani tal-UE.

Barra minn hekk, se jkun hemm disponibbli mill-anqas EUR 8 miljun għar-riċerka dwar is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE biex tgħin jiġu identifikati u evitati t-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin; EUR 27 miljun għat-teknoloġiji l-ġodda biex jgħinu jipprevenu l-kriminalità u t-terroriżmu kif ukoll EUR 15-il miljun għar-riċerka dwar l-oriġini u l-impatt tal-flussi tal-migrazzjoni fl-Ewropa. Il-Programm ta’ Ħidma l-ġdid se jibni wkoll fuq is-suċċessi fir-riċerka tas-saħħa, bħall-iskoperti rivoluzzjonarji relatati mal-Ebola, diġà sostnuti mill-Orizzont 2020 u b’investiment ta’ EUR 5 miljun bħala rispons għat-tifqigħa kritika tal-pesta Xylella fastidiosa li tagħmel ħsara lis-siġar taż-żebbuġ.

Il-Programm ta’ Ħidma l-ġdid qiegħed itejjeb ukoll l-impatt tal-finanzjament tal-Orizzont 2020. L-ewwel nett, se jiġi żgurat li jkun hemm aktar flus disponibbli għall-kumpaniji innovattivi grazzi għall-opportunitajiet ta' ingranaġġ sostnuti mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), apparti ‘l fuq minn EUR 740 miljun dedikati biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fi kważi 2,000 intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs). Se jsir ukoll aktar biex jittejbu s-sinerġiji ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, kif enfasizzat mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, kif ukoll se jkun hemm appoġġ għar-riċerkaturi fl-applikazzjonijiet tagħhom bi gwida aktar ċara u kriterji tal-impatt.

 

Sfond

L-Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea, ġie varat fl-1 ta’ Jannar 2014. Fuq medda ta' seba’ snin, se jiġu investiti EUR 77 biljun fi proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, sabiex tiġi appoġġata l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa u sabiex jiġu estiżi l-fruntieri tal-għarfien tal-bniedem. Il-baġit tar-riċerka tal-UE huwa ffukat prinċipalment fuq it-titjib tal-ħajja ta’ kuljum f’oqsma bħas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Is-sħubijiet ta’ riċerka mal-industriji tal-farmaċewtika, tal-ajruspazju, tal-karozzi u tal-elettronika jħeġġu wkoll l-investiment mis-settur privat b’appoġġ għat-tkabbir futur u l-ħolqien ta’ impjiegi li jirrikejdu kwalifiki għolja.

 

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/15/5832

Il-Portal tal-Parteċipanti tal-Orizzont 2020

L-Orizzont 2020: Profili tal-Pajjiżi Stati Membri tal-UE u l-Proġetti Ppreżentati

IP/15/5831

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar