Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġestjoni tal-Kriżi tar-Refuġjati: Miżuri baġitarji skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Brussell, it-30ta' settembru 2015

Il-Ġestjoni tal-Kriżi tar-Refuġjati: Miżuri baġitarji skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Ġranet wara li l-Kulleġġ tal-Kummissarji ppreżenta sett ta’ azzjonijiet prijoritarji li għandhom jittieħdu fi żmien is-sitt xhur li ġejjin biex tiġi ġestita l-kriżi tar-refuġjati, illum il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-ewwel sett ta’ proposti konkreti għal €1,7 biljun ta’ finanzjament tal-UE fl-2015 u fl-2016 sabiex biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati - flus li l-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE l-ġimgħa li għaddiet impenjaw li jilħqu bil-kontribuzzjonijiet tagħhom. Il-flus se jipprovdu assistenza ta’ emerġenza lil dawk l-Istati Membri tal-UE l-aktar milquta, iżidu l-persunal fl-aġenziji tal-UE b'responsabbiltà ewlenija, u jipprovdu assistenza u għajnuna umanitarja f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni bħalissa qed tibbaża fuq l-awtorità baġitarja – il-Parlament u l-Kunsill – biex iħaffu l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, kif impenjaw li jagħmlu l-ġimgħa l-oħra.

Il-proposti tal-lum jinvolvu €801,3 miljun għall-2015, u se jkunu finanzjati parzjalment minn finanzjament ġdid fil-forma ta' proposta ta' abbozz ta’ baġit emendatorju għall-2015. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi impenji addizzjonali ta’ €330,7 miljun mill-Istati Membri. It-tieni nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-fondi jiġu riallokati minn oqsma oħra. Minħabba dan, il-Kummissjoni tipprevedi €70,6 miljun minn programmi u azzjonijiet oħra u €400 miljun oriġinarjament previsti għall-għajnuna umanitarja u l-finanzjament tal-politiki tal-viċinat Ewropej.

It-tieni sett ta’ proposti għad-€900 miljun għall-2016 li jifdal imħabbra l-ġimgħa l-oħra ser jiġi inkluż f’emenda għall-abbozz ta’ baġit għall-2016 f’Ottubru 2015.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: "Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem fuq il-front dwar ir-refuġjati u l-migrazzjoni b’mod konsistenti u kontinwament għal tweġiba Ewropea kkoordinata. Ksibna ħafna fi żmien qasir. U ser inkomplu naħdmu mingħajr waqfien biex naslu għal soluzzjonijiet Ewropej komuni.”

Il-Viċi President għall-Baġit u r-Riżorsi Umani Kristalina Georgieva qalet: "L-Ewropa qed taffaċċja l-konsegwenzi ta' waħda mill-ikbar kriżijiet fl-istorja riċenti tagħha. Ħadna azzjoni malajr biex inqabblu r-riżorsi tagħna mal-prijoritajiet, filwaqt li rduppjajna l-fondi disponibbli tal-UE biex ngħinu lir-refuġjati u l-komunitajiet li qed jirċevuhom. Qed nużaw il-baġit tal-UE b’ħeffa u b’mod flessibbli biex nindirizzaw din il-kriżi.”   

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha biex issaħħaħ l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-kriżi. Bħala l-ewwel pass, għall-bqija tal-2015, il-Kummissjoni qed timmobilizza €801,3 miljun biex tappoġġa l-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin:

  • €100 miljun biex jissaħħaħ il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) għal assistenza ta’ emerġenza lil dawk l-Istati Membri tal-UE l-aktar milquta. Dan huwa apparti t-€73 miljun diġà użati;
  • €1,3 miljun biex jiżdied il-finanzjament għat-tliet aġenziji rilevanti tal-UE biex ikopri 60 persunal għall-Frontex, 30 għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u 30 għall-Europol għall-2015;
  • €300 miljun biex jissaħħaħ l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) sabiex jippermetti żieda tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'rispons għall-kriżi Sirjana u jipprovdi assistenza lill-pajjiżi terzi li jkunu qed jospitaw lir-refuġjati mis-Sirja. Flimkien mal-€200 miljun oħra li qed jiġu riallokati, il-finanzjament totali għall-Fond Fiduċjarju għas-Sirja ser jilħaq iktar minn €500 miljun. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu daqs il-finanzjament tal-UE: sabiex il-Fond jilħaq total ta’ mill-inqas €1 biljun.
  • €200 miljun biex jiġu pprovduti riżorsi immedjati għall-ħtiġijiet tal-UNHCR u l-Programm Dinji tal-Ikel u organizzazzjonijiet rilevanti oħra sabiex tingħata għajnuna immedjata lir-refuġjati. Dawn il-flus diġà ġew ippjanati għal għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili u issa se jiġu użati speċifikament biex jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu daqs il-finanzjament tal-UE.  

Il-Kummissjoni ħabbret ukoll riallokazzjoni possibbli ta' sa €1 biljun fil-finanzjament għat-Turkija u €17-il miljun addizzjonali għas-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ngħinu lill-ġirien tagħna jittrattaw l-isfida tal-migrazzjoni.

Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika b’kontribuzzjoni kapitali inizjali minn mezzi finanzjarji tal-UE ta’ €1,8 biljun ukoll jeħtieġ li jintlaħaq bil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

Dan huwa apparti s-somom kbar (aktar minn €300 miljun) li ġew rilaxxati fl-2015 bħala prefinanzjament skont il-fondi multiannwali għall-migrazzjoni u l-fruntieri (minn total ta’ madwar €7 biljuni ppjanati apparti għall-2014-2020).

Il-proposta tirrispetta l-ftehim dwar il-pjan finanzjarju ta’ seba’ snin tal-UE. It-€801,3 miljuni ma jeħtiġux pagamenti addizzjonali f’isem l-Istati Membri fl-2015.

Fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE tat-23 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri laqgħu l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE u impenjaw ruħhom biex jilħquhom bil-kontribuzzjonijiet proprji tagħhom.

 

Il-Passi li Jmiss

Barra minn hekk, f’Ottubru ta’ din is-sena l-Kummissjoni se tipproponi €900 miljun addizzjonali biex iżżid mal-Abbozz ta' Baġit għall-2016, biex tappoġġa l-azzjonijiet prijoritarji fl-2016 li ġejjin:

  • €600 miljun għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll għal żieda fil-persunal tal-FRONTEX, EASO u EUROPOL. Dan ikun apparti s-€780 miljun ippjanati għall-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza;
  • €300 miljun biex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja lir-refuġjati ospitati f’pajjiżi ġirien tas-Sirja u pajjiżi terzi oħra. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu daqs il-finanzjament tal-UE.  

 

Sfond

Fit-23 ta’ April 2014, f’Malta, Jean-Claude Juncker ippreżenta pjan b’ħames punti dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li sejjaħ għal aktar solidarjetà fil-politika tal-migrazzjoni tal-UE bħala parti mill-kampanja tiegħu biex isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Meta beda l-mandat tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker inkariga lil Kummissarju b'responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni biex jaħdem fuq politika ġdida dwar il-migrazzjoni bħala waħda mill-10 prijoritajiet tal-Linji Gwida Politiċi, il-programm politiku li abbażi tiegħu l-Parlament Ewropew eleġġa lill-Kummissjoni.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tagħha, li ppreżentat approċċ komprensiv biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha.

Fis-27 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea diġà kienet ħarġet bl-ewwel pakkett ta' miżuri ta' implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, fosthom proposti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, u Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikanti tal-migranti.

Fil-25-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew qabel li jimxi 'l quddiem bil-proposti li saru mill-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b'enfasi fuq ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, ir-ritorn u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.

Fl-20 ta' Lulju 2015, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni qabel li jimplimenta l-miżuri kif proposti fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, partikolarment biex jiġu rilokati persuni bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja fis-sentejn li ġejjin, bi 32,256 fl-ewwel pass, u biex jiġu risistemati 22,504 persuna spustata bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali minn barra l-UE.

Fid-9 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni pproponiet sett ġdid ta’ miżuri, inkluż mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ Emerġenza għal 120,000 refuġjat, kif ukoll għodod konkreti biex jgħinu lill-Istati Membri fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, biex jibagħtu lura l-migranti ekonomiċi, u biex jindirizzaw il-kawżi ta' bażi tal-kriżi tar-refuġjati.

Fl-14 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri adottaw id-Deċiżjoni li jirrilokaw 40,000 refuġjat fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja.

Fit-23 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri adottaw id-Deċiżjoni li jirrilokaw 120,000 refuġjat fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Italja, il-Greċja u Stati Membri oħra affettwati direttament mill-kriżi tar-refuġjati.

 

Għal aktar tagħrif

MEMO/15/5730: Mistoqsijiet u Tweġibiet: finanzjament addizzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Miżuri baġitarji u operazzjonali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Dokumenti leġislattivi, Skedi informattivi u Materjali għall-Istampa

Is-Sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

 

IP/15/5729

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar