Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kriżi tar-Refuġjati: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva

Strasburgu, id-9ta' settembru 2015

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, hi u twettaq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ta' Mejju li għadda, qiegħda tipproponi sensiela ta' miżuri li se jgħinu biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati li l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien tagħhom qegħdin jaffaċċjaw, fosthom billi tittratta l-għe

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, hi u twettaq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ta' Mejju li għadda, qiegħda tipproponi sensiela ta' miżuri li se jgħinu biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati li l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien tagħhom qegħdin jaffaċċjaw, fosthom billi tittratta l-għeruq tal-kriżi li jwasslu lin-nies ifittxu kenn fl-Ewropa. Dawn il-miżuri se jtaffu l-pressjoni minn fuq l-Istati Membri li l-iktar huma affettwati – b'mod partikolari l-Greċja, l-Italja u l-Ungerija – billi jipproponu li 120,000 ruħ bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati lejn Stati Membri tal-UE oħrajn. Din iċ-ċifra hija b'żieda mal-40,000 li f'Mejju l-Kummissjoni pproponiet li jiġu rilokati mill-Greċja u l-Italja, u li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwarha għad trid tiġi adottata. Il-miżuri tal-lum se jgħinu wkoll lill-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil dejjem jikber, billi jippermettu proċessar ta' applikazzjonijiet tal-ażil iktar rapidu permezz ta' lista komuni Ewropea ta' pajjiżi tal-oriġini sikuri. Il-Kummissjoni llum iddeskriviet l-azzjonijiet ewlenin biex il-politika ta' ritorn issir iktar effettiva u pproponiet Fond Fiduċjarju ta' EUR 1.8 biljun sabiex jgħin biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni fl-Afrika. Fl-aħħar, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna qegħdin ukoll jindirizzaw "id-dimensjoni esterna" tal-kriżi tar-refuġjati.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal: "Aħna l-Ewropej għandna nkunu nafu, u qatt ma għandna ninsew għala l-għoti ta' kenn u li nimxu skont id-drittijiet fundamentali għall-ażil huwa daqstant importanti. Wasal iż-żmien li nibdew nibnu, biċċa biċċa, politika dwar il-migrazzjoni tabilħaqq Ewropea, kif għedna li għandu jsir f'Mejju li għadda. Il-miżuri li qegħdin nipproponu llum se jiżguraw li n-nies bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati fis wara li jaslu – mhux issa biss, iżda wkoll fi kwalunkwe kriżi fil-ġejjieni. Jekk qatt kien hemm fejn is-solidarjetà Ewropea kellha timmanifesta ruħha, huwa fir-rigward tal-kriżi tar-refuġjati. Wasal iż-żmien li nuru kuraġġ kollettiv u nagħtu din ir-risposta Ewropea issa."

Illum, il-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri konkreti li ġejjin biex tirrispondi għall-kriżi tar-refuġjati ta' bħalissa u biex tħejji għall-isfidi fil-ġejjieni:

  1. Proposta ta' rilokazzjoni ta' emerġenza għal 120,000 refuġjat mill-Greċja, l-Ungerija u l-Italja: Wara ż-żieda kbira f'daqqa ta' qsim illegali tal-fruntieri fil-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant, iżda wkoll fir-rotta tal-Balkani tal-Punent fil-ftit xhur li għaddew, tinħtieġ azzjoni urġenti. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu rilokati 120,000 persuna bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja (15,600), il-Greċja (50,400), u l-Ungerija (54,000). Ir-rilokazzjoni ssir skont formula ta' distribuzzjoni mandatorja li tuża kriterji oġġettivi u kwantifikabbli (40 % tad-daqs tal-popolazzjoni, 40 % tal-PDG, 10 % tan-numru medju tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-imgħoddi, 10 % tar-rata tal-qgħad). Din tapplika għan-nazzjonalitajiet tal-applikanti b'rata ta' rikonoxximent mal-UE kollha ta' 75 % jew iktar[1]. Din b'żieda mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu rilokati 40,000 persuna bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja lejn Stati Membri tal-UE oħrajn, u b'hekk iġġib it-total sa 160,000. Ir-rilokazzjoni se tkun akkumpanjata minn sostenn tal-baġit tal-UE ta' EUR 780 miljun għal Stati Membri parteċipanti, inkluża rata ta' prefinanzjament ta' 50 % biex ikun żgurat li l-gvernijiet fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jkollhom il-mezzi biex jaġixxu malajr ħafna.
    Klawżola ta' solidarjetà temporanja: Jekk – għal raġunijiet ġustifikati u oġġettivi bħalma hu diżastru naturali – Stat Membru temporanjament ma jkunx jista' jipparteċipa bis-sħiħ jew parzjalment f'deċiżjoni ta' rilokazzjoni, se jkollu jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-baġit tal-UE ta' 0.002 % mill-PDG tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea se tanalizza r-raġunijiet notifikati mill-pajjiż u tiddeċiedi jekk dawn jiġġustifikawx in-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' pajjiż fl-iskema sa massimu ta' 12-il xahar. Fil-każ ta' parteċipazzjoni parzjali fir-rilokazzjoni, l-ammont jitnaqqas proporzjonalment.
  2. Mekkaniżmu ta' Rilokazzjoni Permanenti għall-Istati Membri kollha: Kif imħabbar fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi mekkaniżmu ta' solidarjetà strutturat li l-Kummissjoni tkun tista' tħaddem f'kull ħin biex tgħin lil kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jkun qiegħed iġarrab qagħda ta' kriżi u pressjoni estrema fuq is-sistema tal-ażil tiegħu bħala riżultat ta' influss kbir u sproporzjonat ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Dawn is-sitwazzjonijiet ta' emerġenza jkunu definiti mill-Kummissjoni abbażi tan-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil fis-sitt xhur li għaddew, kull ras, kif ukoll in-numru ta' qsim tal-fruntiera irregolari fis-sitt xhur li għaddew. Japplikaw l-istess kriterji ta' distribuzzjoni oġġettivi u verifikabbli kif hemm fil-proposti ta' rilokazzjoni ta' emerġenza. Il-mekkaniżmu permanenti jieħu wkoll kont tal-bżonnijiet, il-qagħda familjari, u l-ħiliet tal-applikanti għall-ażil. Il-klawżola ta' solidarjetà temporanja tapplika wkoll hawnhekk.
  3. Lista komuni Ewropea ta' Pajjiżi ta' Oriġini Siguri: B'segwitu tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi Regolament biex tiġi stabbilita lista komuni għall-UE ta' pajjiżi ta’ oriġini siguri. Din il-lista Ewropea se tippermetti li l-applikazzjonijiet għall-ażil individwali minn kandidati li joriġinaw minn pajjiżi li huma kkunsidrati bla periklu jiġu pproċessati iktar malajr fl-UE kollha, u li jsiru ritorni iktar malajr jekk il-valutazzjonijiet individwali tal-applikazzjonijiet jikkonfermaw li ma hemmx dritt għall-ażil. Wara diskussjonijiet mal-Istati Membri kif ukoll skont il-prattiki attwali tagħhom, il-Kummissjoni tipproponi li żżid l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, u t-Turkija mal-lista tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini siguri. Dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji komuni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil 2013/32 biex pajjiż jitqies sigur; huma membri ta' trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem; u l-maġġoranza tagħhom ġew iddikjarati bħala pajjiż kandidat mill-Kunsill Ewropew, billi jissodisfaw l-hekk imsejħa "kriterji ta' Copenhagen" (li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn u l-ħarsien tal-minoranzi). Fil-ġejjieni, wara valutazzjoni bir-reqqa mill-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jiżdiedu pajjiżi oħra.
  4. Nagħmlu l-politika ta' ritorn iktar effettiva: Biex jitjiebu l-politiki ta' ritorn tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ħarġet Manwal dwar ir-Ritorn komuni u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn. Il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn li jiddefinixxi l-miżuri immedjati u fuq terminu medju li għandhom jieħdu l-Istati Membri biex isaħħu r-ritorn volontarju, biex isaħħu l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, biex itejjeb il-qsim ta' informazzjoni, biex isaħħaħ ir-rwol u l-mandat tal-Frontex f'operazzjonijiet ta' ritorn, u biex joħloq sistema integrata tal-ġestjoni tar-ritorn. B'mod parallel, il-Kummissjoni adottat Manwal dwar ir-Ritorn li joffri lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti struzzjonijiet prattiċi meta dawn ikunu qegħdin iwettqu r-ripatrijazzjoni ta' dawk il-migranti li ma jkollhomx id-dritt jibqgħu fl-Unjoni Ewropea. Dan se jservi bħala l-għodda ta' taħriġ ewlenija dwar standards u proċeduri għall-esperti li jkunu qegħdin japplikaw id-Direttiva dwar ir-Ritorn 2008/115.
  5. Komunikazzjoni dwar ir-Regoli tal-Akkwist Pubbliku għal Miżuri ta' Appoġġ tar-Refuġjati: L-Istati Membri jridu jissodisfaw b'mod adegwat u malajr l-iktar bżonnijiet immedjati ta' abitazzjoni, provvisti u servizzi għall-applikant għall-ażil. Il-Komunikazzjoni tal-lum tagħti gwida lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġi żgurat li l-konformità mal-liġi tal-UE meta jiġu akkwistati dawn is-servizzi tkun tista' tiġi żgurata b'mod sempliċi, malajr u mhux burokratiku.
  6. Nindirizzaw id-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-refuġjati: Id-dimensjoni esterna hija komponent ewlieni fl-isforzi li din il-kriżi tiġi riżolta. Qegħdin jiġu ddedikati sforzi ġodda biex jiġu appoġġjati inizjattivi diplomatiċi u jinstabu soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti fis-Sirja, l-Iraq, u l-Libja. L-UE qiegħda tagħti assistenza lill-popolazzjoni tas-Sirja – b'mod partikolari lill-persuni spostati f'pajjiżhom – kif ukoll appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi ġirien li jospitaw l-ogħla għadd ta' refuġjati mis-Sirja, bħall-Ġordan, il-Libanu, u t-Turkija. Sa issa, ġew mobilizzati EUR 3.9 biljun għal dan il-għan. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata wara l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni hija prijorità oħra, partikolarment bit-tnedija tal-operazzjoni navali EUNAVFOR MED. Ġew iffirmati 17-il ftehim ta' riammissjoni u seba' ftehimiet ta' sħubija għall-mobilità wkoll ġew iffirmati bħala parti mill-kooperazzjoni tagħna ma' pajjiżi terzi. L-UE sejra wkoll tapprofondixxi d-djalogu fuq livell għoli li diġà jeżisti ma' sħab ewlenin – bħalma huma l-proċessi ta' Rabat u Kartum ma' pajjiżi Afrikani, il-Proċess ta' Budapest mal-Asja tal-Lvant u dik Ċentrali, kif ukoll il-Konferenza fil-bidu ta' Ottubru, u s-Summit li se jsir il-Belt Valletta fil-11-12 ta' Novembru.
  7. Fond Fiduċjarju għall-Afrika: Illum, il-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 1.8 mill-mezzi finanzjarji tal-UE biex twaqqaf "Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika". L-għan huwa li tiżdied l-istabbiltà u li jiġu indirizzati l-għeruq tal-flussi ta' migrazzjoni irregolari fir-reġjuni tas-Saħel, il-Lag Ċad, il-Qarn tal-Afrika, u t-Tramuntana tal-Afrika. Hija se tappoġġa lil dawn ir-reġjuni biex jiżviluppaw opportunitajiet soċjoekonomiċi u politiki tal-ġestjoni tal-migrazzjoni aħjar. Il-Kummissjoni Ewropea tistenna li l-Istati Membri jikkontribwixxu huma wkoll, u li jilħqu l-livell ta' ambizzjoni tagħna. Spanja, pereżempju, diġà kkonfermat li se tieħu sehem.

In-naħa l-oħra tal-munita tat-turija ta' solidarjetà mal-Istati Membri l-iktar esposti hija wkoll li kulħadd irid juri responsabbiltà bl-applikazzjoni tar-regoli komuni tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni din il-ġimgħa qiegħda tiskala l-proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ, u qiegħda timplimenta approċċ "HotSpot" fl-Istati Membri l-iktar esposti biex tgħinhom japplikaw ir-regoli komuni tal-UE dwar l-ażil (Ara MEMO/15/5597).

Il-Passi li Jmiss:

Il-Kunsill tal-Affarijiet Interni straordinarju dwar il-migrazzjoni tal-14 ta' Settembru se jkun l-opportunità li jmiss għall-Istati Membri biex jiddiskutu u jadottaw il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Huwa meħtieġ li l-mekkaniżmi ta' rilokazzjoni ta' emerġenza ppreżentati mill-Kummissjoni f'Mejju u Settembru jiġu adottati mill-Kunsill (permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata), b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-mekkaniżmu ta' solidarjetà permanenti u l-lista Ewropea ta' pajjiżi tal-origini siguri jridu jiġu adotatti konġuntament mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (permezz tal-proċedura leġliżlattiva ordinarja). Il-proposta dwar il-Fond Fiduċjarju ntbagħtet lill-Istati Membri bl-għan li l-proċeduri neċessarji jintemmu fil-ħin għas-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru, li fih l-UE se tiltaqa' ma' pajjiżi Afrikani ewlenin biex jiddiskutu l-migrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem konsistentement u kontinwament fuq rispons Ewropew koordinat fil-qasam tar-refuġjati u l-migrazzjoni:

Fit-23 ta' April 2014, f'Malta, Jean-Claude Juncker ippreżenta pjan dwar l-immigrazzjoni f'ħames punti, li jsejjaħ għal iktar solidarjetà fil-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE bħala parti mill-kampanja tiegħu biex isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Malli beda l-mandat tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fada Kummissarju b'responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni biex jaħdem, b'koordinazzjoni mal-ewwel Viċi President Timmermans, fuq politika ġdida dwar il-migrazzjoni bħala waħda mill-10 prijoritajiet tal-Linji Gwida Politiċi, il-programm politiku li abbażi tiegħu il-Parlament Ewropew eleġġa l-Kummissjoni.

Fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni Ewropea, fi stqarrija tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni malajr biex isalvaw il-ħajjiet u li jintensifikaw l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni. Din kienet segwita minn Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ftit jiem wara.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li ppreżentat approċċ komprensiv biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha.

Fis-27 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea diġà kienet ħarġet bl-ewwel pakkett ta' miżuri ta' implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, fosthom proposti dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni, u Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikanti tal-migranti.

Fil-25-26 ta' Ġunju, il-Kunsill Ewropew qabel li jimxi 'l quddiem bil-proposti li saru mill-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b'enfasi fuq ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, ir-ritorn u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.

Fl-20 ta' Lulju, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni qabel li jimplimenta l-miżuri kif proposti fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, partikolarment biex jiġu rilokati persuni bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja fis-sentejn li ġejjin, bi 32,256 fl-ewwel pass, u biex jiġu risistemati 22,504 persuna spustata bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali minn barra l-UE.

Għal iktar informazzjoni:

Mistoqsijiet u Tweġibiet dettaljati dwar il-proposti tal-lum

Skedi informattivi – Ir-Rilokazzjoni u l-Pajjiżi ta' Oriġini Siguri spjegati

It-Testi Leġiżlattivi sħaħ tal-proposti tal-lum

Il-pakkett għall-ġurnalisti sħiħ rigward l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Is-Sit Web tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

 

[1] Għalhekk, abbażi tad-dejta attwali, din tgħodd għall-applikanti mis-Sirja, l-Iraq u l-Eritrea.

 

Anness: Rilokazzjoni ta' Emerġenza għall-Italja, il-Greċja u l-Ungerija

 

L-Italja

Il-Greċja

L-Ungerija

TOTAL

L-Awstrija

473

1,529

1,638

3,640

Il-Belġju

593

1,917

2,054

4,564

Il-Bulgarija

208

672

720

1,600

Il-Kroazja

138

447

479

1,064

Ċipru

36

115

123

274

Ir-Repubblika Ċeka

387

1,251

1,340

2,978

L-Estonja

48

157

168

373

Il-Finlandja

312

1,007

1,079

2,398

Franza

3,124

10,093

10,814

24,031

Il-Ġermanja

4,088

13,206

14,149

31,443

Il-Latvja

68

221

237

526

Il-Litwanja

101

328

351

780

Il-Lussemburgu

57

185

198

440

Malta

17

56

60

133

In-Netherlands

938

3,030

3,246

7,214

Il-Polonja

1,207

3,901

4,179

9,287

Il-Portugall

400

1,291

1,383

3,074

Ir-Rumanija

604

1,951

2,091

4,646

Is-Slovakkja

195

631

676

1,502

Is-Slovenja

82

265

284

631

Spanja

1,941

6,271

6,719

14,931

L-Iżvezja

581

1,877

2,011

4,469

TOTAL

15,600

50,400

54,000

120,000

 

IP/15/5596

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar