Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2015: Iċ-ċittadini jqisu l-immigrazzjoni bħala l-aktar sfida importanti għall-UE

Brussell, 31 Lulju 2015

Għadd akbar ta' ċittadini Ewropej jgħidu li għandhom immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea u minn Novembru li għadda 'l hawn żdiedet il-fiduċja fl-UE. Barra minn hekk, iċ-ċittadini jqisu l-immigrazzjoni bħala l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-UE bħalissa. Dawn huma wħud mir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard li ġew ippubblikati llum. L-istħarriġ sar bejn is-16 u s-27 ta’ Mejju 2015 f’34 pajjiż jew territorju[1].

 

L-immigrazzjoni titqies bħala l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-UE

Għaċ-ċittadini, li ġew mistoqsija dwar l-akbar tħassib tagħhom, l-immigrazzjoni issa tinsab fuq quddiem nett fost l-aktar suġġetti diskussi fil-livell tal-UE. Bi 38 % (+14-il punt) l-immigrazzjoni issa tissemma ferm aktar mis-sitwazzjoni ekonomika (27 %, -6 punti), il-qgħad (24 %, -5 punti) u l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (23 %, -2 punti). Huwa l-aktar tħassib komuni u frekwenti f'20 Stat Membru u jilħaq l-ogħla livelli f'Malta (65%) u fil-Ġermanja (55%). Minn Novembru 2014, żdied ukoll konsiderevolment it-tħassib dwar it-terroriżmu fil-livell tal-UE (17 %, +6 punti) (ara l-Anness 1).

 

Appoġġ għall-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea

Bħal fl-istħarriġ preċedenti ta’ Novembru 2014, iċ-ċittadini japprovaw b'mod qawwi l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-President Juncker (ara l-Anness 2).

  • Rigward l-investiment fl-UE, 59 % tal-Ewropej jaqblu li l-flejjes pubbliċi għandhom jintużaw biex jistimolaw l-investiment tas-settur privat fil-livell tal-UE.
  • Rigward l-enerġija, 72 % tal-Ewropej huma favur politika komuni dwar l-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE.
  • Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej iqisu lis-suq uniku (il-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi fl-UE) bħala l-aktar kisba pożittiva tal-UE (57 %), kważi daqs il-paċi fost l-Istati Membri (55 %).
  • Rigward il-kwistjoni tal-migrazzjoni, 73 % tal-Ewropej jiddikjaraw li huma favur politika komuni Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej (51 %) għandhom opinjoni pożittiva rigward il-migrazzjoni ta' persuni minn Stati Membri oħra tal-UE. Madankollu, 56 % għandhom idea negattiva dwar l-immigrazzjoni ta’ persuni minn barra l-UE.

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini għadhom ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE. 58 % (+2 punti) tal-Ewropej jgħidu li huma ottimisti, filwaqt li 36 % (-1 punt) jgħidu li jħossuhom pessimisti.

 

L-immaġni tal-UE tkompli titjieb

L-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom immaġni pożittiva tal-UE żdied minn 39 % f’Novembru li għadda għal 41 % f’Mejju 2015, filwaqt li 38 % għandhom immaġni newtrali u 19 % għandhom immaġni negattiva (li jfisser tnaqqis minn 22 % f’Novembru u 25 % f’Ġunju 2014; ara l-Anness 3).

Barra minn hekk, l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea żdied ukoll għal 40 % (żieda ta’ 3 punti perċentwali minn Novembru 2014 u 9 punti perċentwali mill-elezzjonijiet tal-2014 tal-Parlament Ewropew). Il-livell medju ta' fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali żdied xi ftit ukoll għal 31 % (+2 punti) (ara l-Anness 4).

L-għadd ta’ ċittadini li jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE laħaq it-42 % (+2 punti), u dan jikkonferma l-livell massimu fuq 10 snin osservat wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2014.

 

L-aspettattivi għall-ekonomija jitjiebu u l-appoġġ għall-ewro jibqa' stabbli

Rigward l-ekonomija, l-aspettattivi tal-Ewropej għas-sitwazzjoni ekonomika nazzjonali għadhom pjuttost stabbli, b’aktar minn wieħed minn kull erbgħa minnhom (26 %, +4 punti) jgħidu li huma ottimisti dwar it-tnax-il xahar li ġejjin, filwaqt li 48 % jistennew li s-sitwazzjoni tibqa’ l-istess. L-aspettattivi pessimisti naqsu b'mod drastiku u laħqu l-21 % (-7 punti). L-għadd ta' Ewropej li jaħsbu li l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi diġà laħaq l-ogħla livell tiegħu (48 %, +4 punti) issa jaqbeż biċ-ċar lil dawk li jaħsbu li "l-agħar għadu ġej" (42 %, -4 punti).

L-opinjoni pożittiva dwar l-ewro għadha stabbli (57 % fl-UE b'mod ġenerali, 69 % fiż-żona tal-ewro). L-appoġġ għall-munita unika żdied f'14-il Stat Membru, bl-aktar mod sorprendenti fil-Litwanja (73 %, +10 punti) li ssieħbet fiż-żona tal-ewro fl-1 ta’ Jannar 2015, u fil-Greċja, fejn 69 % (+6 punti) tal-Griegi jgħidu li huma favur l-ewro (ara l-Anness 7).

 

Sfond

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2015 huwa t-tieni stħarriġ tal-opinjoni pubblika minn madwar l-UE minn mindu bdiet il-mandat tagħha l-Kummissjoni ta’ Juncker fl-1 ta’ Novembru 2014.

Dan l-istħarriġ sar permezz ta' intervisti wiċċ imb'wiċċ, bejn is-16 u s-27 ta' Mejju 2015. B'kollox ġew intervistati 31,868 persuna madwar l-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati.

 

Informazzjoni oħra

Ir-Rapport tal-ewwel riżultati li ġie ppubblikat illum jiddeskrivi l-imġiba tal-Ewropej fir-rigward tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-politiki tagħha, kif ukoll it-tħassib ewlieni u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-sitwazzjoni ekonomika.

Ir-Rapport tal-ewwel riżultati huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/STANDARD/surveyKy/2099


[1]It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), ħames pajjiżi kandidati (l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija) u l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-parti tal-pajjiż li mhijiex ikkontrollata mill-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.


ANNESS

1. L-aktar tħassib importanti li qed tiffaċċja l-UE

 

2. L-ottimiżmu dwar il-ġejjieni tal-UE

3. L-immaġni tal-UE


4. Il-fiduċja fl-UE

 

5."Leħni jgħodd fl-UE"

 

6. L-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi

7. L-appoġġ għall-ewro

 

IP/15/5451

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar