Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa: Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi lest biex jiftaħ fil-ħarifa

Brussell, 22 Lulju 2015

Illum il-Kummissjoni Ewropea ffinalizzat l-aħħar stadji biex jinbeda l-investiment fl-ekonomija reali. Illum intlaħaq ftehim dwar pakkett ta’ miżuri li għandu jiżgura li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jibda jitħaddem sa kmieni fil-ħarifa tal-2015, skont l-iskeda ta’ żmien ambizzjuża stabbilita mill-President Jean-Claude Juncker biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.

Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat Komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) b'appoġġ għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Il-Banek Promozzjonali Nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu għas-suċċess tal-Pjan ta' Investiment. Disa’ Stati Membri diġà ressqu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Pjan ta’ Investiment permezz tal-banek promozzjonali tagħhom, li għandhom għarfien espert u lokali imprezzabbli. Il-Bank Ewropew tal-Investiment diġà qed jaħdem mill-qrib ma’ dawk il-Banek Promozzjonali Nazzjonali, u nittamaw li ħafna aktar se jiġu ispirati biex iżidu l-isforzi tagħhom.”

Il-Kummissarju Pierre Moscovici, responsabbli mill-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Is-sinerġija bejn l-għodod Ewropej u dawk nazzjonali se tkun vitali biex infittxu nimlew il-lakuni fl-investiment li qed jiffaċċjaw l-ekonomiji tagħna. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ, ninsabu konvinti li netwerk ta' banek promozzjonali nazzjonali strutturat tajjeb jista' jaqdi rwol importanti u jikkomplimenta l-Bank Ewropew tal-Investiment."

Il-Komunikazzjoni tispjega r-rwol importanti li l-banek promozzjonali nazzjonali (NPBs) jista’ jkollhom biex iħeġġu lill-Ewropa tinvesti mill-ġdid billi tipparteċipa f’investimenti tal-FEIS. Il-Komunikazzjoni toffri gwida ċara u prattika dwar kif jitwaqqaf NPB ġdid, it-trattament statistiku tal-koinvestimenti tal-NPB fir-rigward tad-defiċit tal-gvern u d-dejn skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, it-trattament tal-għajnuna tal-UE lill-Istat għall-kofinanzjament ta' proġetti nazzjonali, u kif l-NPBs minn Stati Membri differenti jistgħu jingħaqdu u jaħdmu flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jistabbilixxu pjattaformi ta’ investiment. Din il-gwida kruċjali se tgħin kumpaniji madwar l-Ewropa jiksbu aċċess għall-finanzjament permezz tal-FEIS, il-pedament tal-Pjan ta’ Investiment ta’ EUR 315 biljun.

Deċiżjonijiet oħra li ttieħdu llum mill-Kulleġġ tal-Kummissarji jinkludu:

  • Il-Ftehim dwar il-metodi ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni u l-BEI, kif previst fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker, il-Viċi President Jyrki Katainen u l-President tal-BEI Werner Hoyer iffirmaw il-Ftehim tal-FEIS fi Brussell aktar kmieni llum.
  • Il-ħatra, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), tal-erba’ membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS: Ambroise Fayolle, Viċi President responsabbli mill-Innovazzjoni, il-BEI; Maarten Verwey, “Is-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali” fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea; Gerassimos Thomas, id-DĠ Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea; Irmfried Schwimann, id-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-membri supplenti tal-Kummissjoni huma Benjamin Angel, mid-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji; Nicholas Martyn, mid-DĠ Politika Reġjonali; Robert-Jan Smits, mid-DĠ Riċerka u Innovazzjoni.
  • L-arranġamenti finali għat-tnedija ta’ Ċentru ta’ Konsulenza għall-Investiment Ewropew (EIAH). Il-FEIS se jappoġġjaw l-iżvilupp u l-iffinanzjar ta’ proġetti ta’ investiment fl-UE billi joffri punt uniku ta’ kuntatt għal gwida u pariri, li jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta’ għarfien, u jikkoordina l-assistenza teknika eżistenti.
  • Id-Deċiżjoni dwar il-ġestjoni u l-elementi ewlenin tal-Portal tal-Proġett għall-Investiment Ewropew (EIPP). L-EIPP se jkun portal tal-web sikur u disponibbli pubblikament, fejn promoturi ta’ proġetti bbażati fl-UE li jfittxu finanzjament estern jingħataw l-opportunità li jippromwovu l-proġetti tagħhom lil investituri potenzjali.
  • L-att delegat għal Tabella ta’ Valutazzjoni tal-indikaturi li l-Kumitat indipendenti dwar l-Investiment se juża meta jiddeċiedi dwar jekk proposta tissodisfax il-kriterji biex tirċievi l-appoġġ tal-garanzija tal-UE (FEIS).

 

Sfond

Il-kriżi ekonomika wasslet għal tnaqqis qawwi fl-investiment madwar l-Ewropa. Din hija r-raġuni għala hemm il-ħtieġa ta' sforzi kollettivi u kkoordinati fil-livell Ewropew biex ireġġgħu lura din it-tendenza 'l isfel u jpoġġu lill-Ewropa fit-triq lejn l-irkupru ekonomiku. Il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ibbażat fuq tliet pilastri: riformi strutturali biex ipoġġu lill-Ewropa fuq triq ġdida ta’ tkabbir; responsabbiltà fiskali biex tirrestawra s-solidità tal-finanzi pubbliċi u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja; u investiment biex jagħti spinta lit-tkabbir u biex dan jiġi sostnut maż-żmien. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa fil-qalba ta’ din l-istrateġija.

Fit-28 ta’ Mejju 2015, erba’ xhur u nofs biss wara t-13 ta’ Jannar meta l-Kummissjoni adottat il-proposta leġiżlattiva, il-leġiżlaturi tal-UE laħqu ftehim politiku dwar ir-Regolament għall-Istabbiliment ta’ Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). Fl-10 ta’ Marzu, l-Istati Membri approvawh unanimament u l-Parlament Ewropew ivvota favur ir-Regolament fis-sessjoni plenarja tiegħu fl-24 ta’ Ġunju, u b'hekk l-FEIS se jibda jopera sa kmieni fil-ħarifa kif ippjanat.

Fi Frar, il-Ġermanja ħabbret li se tikkontribwixxi EUR 8 biljun għall-Pjan ta’ Investiment permezz tal-KfW. Fi Frar ukoll, Spanja ħabbret kontribuzzjoni ta' EUR 1.5 biljun permezz tal-Instituto de Crédito Oficial (ICO). F’Marzu, Franza ħabbret għotja ta' EUR 8 biljun f’impenji permezz ta' Caisse des Dépôts (CDC) u Bpifrance (BPI) u l-Italja ħabbret li se tikkontribwixxi EUR 8 biljun permezz tal-Cassa Depositi e Prestiti (CDP). F’April il-Lussemburgu ħabbar li se jikkontribwixxi EUR 80 miljun permezz tas-Société Nationale de Crédit et d’Investissement (SNCI), u l-Polonja ħabbret li se tikkontribwixxi EUR 8 biljun permezz tal-Bank Gospodarstwa Krajowego (BGK). F’Ġunju, is-Slovakkja ħabbret kontribuzzjoni ta’ EUR 400 miljun permezz tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali tagħha Slovenský Investičný Holding u Slovenská Záručná a Rozvojová Banka, u l-Bulgarija ħabbret kontribuzzjoni ta’ EUR 100 miljun permezz tal-Bank Bulgaru għall-Iżvilupp. Fis-16 ta’ Lulju, ir-Renju Unit ħabbar li se jikkontribwixxi £6 biljun (madwar EUR 8.5 biljun) għal proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament tal-FEIS.

Aktar informazzjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa:

Q&A dwar il-Pjan ta’ Investiment

ls-sit web tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

Ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)

LinkedIn

Twitter

IP/15/5420

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar