Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Għall-benefiċċju tal-ġenituri: il-Kummissjoni tirtira l-proposta staġnata dwar il-liv tal-maternità u twitti t-triq għal approċċ ġdid

Brussell, 01 Lulju 2015

Kif inhu previst fil-Programm ta' Ħidma tal-2015 tagħha, illum il-Kummissjoni eżaminat il-progress tal-abbozz tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità li ilu mwaħħal fil-proċess leġiżlattiv mill-2008. Minkejja l-isforzi kontinwi u intensivi min-naħa tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-ftehim, in-nuqqas ta' progress mill-koleġiżlaturi wassal biex il-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha. Dan iwitti t-triq għal approċċ ġdid biex jintlaħqu l-objettivi politiki ta' protezzjoni aħjar għall-ommijiet, rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali ma' dik familjali u faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità, li tinkludi perjodu itwal ta' liv u aktar drittijiet għall-ommijiet, ġiet proposta fl-2008 mill-Kummissjoni, iżda l-koleġiżlaturi ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwarha u għaldaqstant jadottaw il-leġiżlazzjoni proposta. Il-Parlament Ewropew indika r-rieda politika tiegħu li jkompli n-negozjati qabel ma l-Kummissjoni ppreżentat il-Programm ta' Ħidma tal-2015 tagħha, għalhekk il-Kummissjoni qablet li tħalli sitt xhur oħra qabel ma tirtira l-proposta.

Il-Kummissjoni wettqet sforzi intensivi biex jintemm dan l-istaġnar u ħeġġet diversi drabi lill-Kunsill biex jerġa' jibda d-diskusskjonijiet mal-Parlament Ewropew li wera r-rieda tiegħu li jintlaħaq kompromess dwar il-pożizzjoni tiegħu. Madankollu, il-Presidenza Latvjana tal-Kunsill infurmat lill-Kummissjoni li m'hemmx possibbiltà li jintlaħaq ftehim u ħeġġet lill-Kummissjoni biex tkompli bl-irtirar tal-proposta.

Il-Kummissjoni jidhrilha li jekk titħalla l-proposta mingħajr iċ-ċans li tiġi adottata u b'hekk jittawwal l-istaġnar attwali, ma jkun qed isir xejn biex titjieb il-ħajja ta' kuljum tal-ommijiet li jaħdmu. Bl-irtirar tal-proposta, il-Kummissjoni tixtieq telimina l-istaġnar attwali u tħeġġeġ inizjattivi ġodda li jista' jintlaħaq ftehim dwarhom u li jwasslu għal titjib reali fil-ħajja tal-ġenituri li jaħdmu u tal-carers.

Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva usa' li se tkompli tippromwovi l-objettivi tal-proposta preċedenti u li se tipprovdi protezzjoni minima. L-inizjattiva l-ġdida se tqis l-iżviluppi tas-soċjetà f'dawn l-aħħar għaxar snin u se tuża l-aħjar għodod politiki biex tikseb riżultati bl-aktar mod effettiv possibbli. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni se teżamina wkoll firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jaffaċċjaw il-ġenituri li jaħdmu u l-carers fil-ħajja ta' kuljum, inklużi l-forom differenti ta' liv tal-maternità u tal-paternità, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rwol tal-carers, biex tara kif l-azzjoni fil-livell tal-UE tista' tagħti l-aħjar kontribut.

Qabel ma l-irtirar isir effettiv, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-ideat tagħha għal approċċ ġdid f'forma ta' pjan direzzjonali għal inizjattiva ġdida. Permezz ta' konsultazzjoni pubblika, firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari s-sħab soċjali, se jkunu jistgħu jagħtu l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom. L-inizjattiva l-ġdida se tkun parti mill-Programm ta' Ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni.

Sfond

Fl-Anness II tal-Programm ta' Ħidma tal-2015 tagħha, il-Kummissjoni identifikat lista ta' 80 proposta pendenti li setgħu jiġu rtirati jew emendati skont il-prinċipju tad-diskontinwità politika.

Fost dawn it-80 proposta, tlieta setgħu jiġu rtirati jekk fi żmien sitt xhur ma jintlaħaq l-ebda ftehim. Illum, il-Kummissjoni eżaminat il-progress ta' dawn il-proposti u ħadet id-deċiżjoni li tirtira l-abbozz tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità. Din id-deċiżjoni se tiġi fformalizzata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien debitu.

Il-proposta dwar il-Liv tal-Maternità ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2008 u l-Parlament Ewropew ħareġ il-pożizzjoni tiegħu tal-ewwel qari fl-2010. Minn dakinhar 'l hawn ma sar l-ebda progress. Minkejja l-ħafna diskussjonijiet tekniċi u Ministerjali li saru fil-Kunsill, ma kienx hemm ir-rieda li jidħlu f'negozjati mal-Parlament. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata dan l-aħħar mill-Presidenza Latvjana tal-Kunsill.

Għal aktar tagħrif ara

Il-Programm ta' Ħidma tal-2015 tal-Kummissjoni

Il-Proposta għal Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità

IP/15/5287

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar