Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jistabbilixxi pjan għat-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea mill-1 ta' Lulju 2015.

Brussell, 22 Ġunju 2015

Illum, il-ħames Presidenti – il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, flimkien mal-President tas-Summit Ewropew, Donald Tusk, il-President tal-Eurogroup, Jeroen Dijsselbloem, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi, u l-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz – żvelaw pjanijiet ambizzjużi dwar kif japprofondixxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (UEM) mill-1 ta' Lulju 2015 u kif se jlestuha l-aktar tard sal-2025. Biex jittrasformaw il-viżjoni tagħhom tal-ġejjieni tal-UEM f'realtà, qed jippreżentaw miżuri konkreti biex jiġu implimentati fi tliet Stadji: filwaqt li wħud mill-azzjonijiet hemm bżonn li jinbdew diġà fis-snin li ġejjin, bħall-introduzzjoni tal-Iskema Ewropea tal-Assikurazzjoni tad-Depożitu, oħrajn imorru lil hinn fir-rigward tal-kondiviżjoni tas-sovranità fost l-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom, bħall-ħolqien fil-futur tat-teżor taż-Żona tal-Euro. Dan huwa parti mill-viżjoni tal-Ħames Presidenti li skontha l-lenti trid tmur lil hinn mir-regoli għal fuq l-istituzzjonijiet sabiex wieħed jiggarantixxi arkitettura tal-UEM trasparenti u soda daqs il-blat. Il-ħolqien ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u ġusta kienet waħda mill-10 prijoritajiet ewlenin tal-President Juncker fil-Linji Gwida Politiċitiegħu.

Il-President Juncker qal: "Il-euro hija munita li tintuża llum minn 19-il Stat Membru tal-UE u aktar minn 330 miljun ċittadin. Din hija xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha. Hija xi ħaġa li tipproteġi lill-Ewropa. Iżda hija wkoll xi ħaġa li tista’ taħdem aħjar. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna għadha mhix kompluta u meta ġejt inkarigat, wegħedt li se naħdem biex nikkonsolida u nikkumplementa l-miżuri bla preċedent li ħadna matul il-kriżi u nagħmluhom aktar ġusti u leġittimi demokratikament. Illum aħna, il-ħames Presidenti, qed nistabbilixxu l-viżjoni komuni tagħna. Id-dinja qed issegwina u trid tkun taf 'il fejn sejrin. Illum qed nifirxu l-integrità monetarja u nwassluha lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħha.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għad-Djalogu Soċjali u tal-Euro, qal: "L-Unjoni Ekonomika u Monetarja ssaħħet fis-snin li għaddew, anki fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Imma għadha mhix lesta. Ir-rapport tal-lum jissuġġerixxi kif tista' tissaħħaħ iktar, fi stadji, matul is-snin li ġejjin. Ninsabu lesti li nippreżentaw il-proposti speċifiċi li hemm bżonn sabiex din il-viżjoni ambizzjuża, imma pragmatika nbiddluha f'realtà. Madankollu, l-UEM kompluta mhjiex għan fiha nnifisha. Hija mezz biex nikkontribwixxu għal aktar tkabbir, impjiegi u prosperità għaċ-ċittadini kollha, issa u fil-ġejjieni." 

Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar ftit snin, b’mod partikolari bit-tnedija tal-Unjoni Bankarja, l-UEM għadha mhix kompluta. Id-diverġenza madwar iż-Żona tal-Euro hija sinifikanti u l-kriżi ta’ dawn l-aħħar snin kompliet tenfasizza n-nuqqasijiet li jeżistu. Huwa ċar li bi 18-il miljun ruħ qiegħda u l-bosta fis-soċjetajiet tagħna esposti għar-riskji tal-esklużjoni soċjali, hemm bżonn ħafna aktar xi jsir biex inbiddlu ż-Żona tal-Euro - it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja - f'arkitettura solida daqs il-blat. Għandna bżonn bażi permanenti, ġusta u demokratikament leġittima għall-futur li tikkontribwixxi għal aktar tkabbir, impjiegi u prosperità għaċ-ċittadini kollha.

Ir-Rapport jistabbilixxi tliet stadji differenti biex ibiddel il-viżjoni tal-Ħames Presidenti f'realità (ara l-Anness 1):

-         L-Ewwel Stadju jew "Npprofondixxu permezz tal-azzjoni" (mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2017): l-użu tal-istrumenti eżistenti u t-Trattati preżenti biex tingħata spinta lill-kompetittività, lill-konverġenza strutturali, biex jinkisbu linji politiċi fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali u dak tal-euro, biex titlesta l-Unjoni Finanzjarja u tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika.

-         It-Tieni Stadju, jew "inlestu l-UEM”: se jitnedew azzjonijiet usa' biex il-proċess ta' konverġenza jsir aktar vinkolanti, pereżempju permezz ta' sett ta' punti ta' riferiment miftiehma għall-konverġenza li jkunu ta' natura legali, kif ukoll ta' teżor għaż-Żona tal-Euro.

-         L-Istadju Finali (mhux aktar tardsa mill-2025): ladarba l-miżuri kollha jkunu kompletament fis-seħħ, UEM profonda u ġenwina tipprovdi post stabbli u prosperu għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri tal-UE li jikkondividu l-munita unika, attraenti għall-Istati Membri oħra tal-UE biex jingħaqdu meta dawn ikunu lesti li jagħmlu dan.

Biex tħejji għat-tranżizzjoni mill-Ewwel Stadju 1 għat-Tieni Stadju, il-Kummissjoni se tippreżenta White Paper fir-rebbiegħa tal-2017 li biha tfassal il-passi li jmiss li jkun hemm bżonn, inklużi l-miżuri legali biex l-UEM tiġi titlesta fit-Tieni Stadju. Din se ssegwi l-mudell tal-White Paper ta' Jacques Delors li - permezz ta' serje ta' miżuri u skeda mehmuża magħhom - wittiet it-triq għall-Att Uniku Ewropew, il-bażi legali tal-proġett tas-Suq Uniku.  

X’fih b'mod konkret ir-Rapport tal-Ħames Presidenti?

1. Lejn Unjoni Ekonomika ta' konverġenza, tkabbir u impjiegi

Din l-Unjoni tistrieħ fuq erba’ pilastri: il-ħolqien ta' sistema taż-Żona tal-Euro ta' Awtoritajiet tal-Kompetittività; implimentazzjoni msaħħa tal-Proċedura tal-Iżbilanċ Makroekonomiku; enfasi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali; u fuq koordinazzjoni aktar f'saħħitha ta' politiki ekonomiċi b'Semestru Ewropew imtejjeb (ara l-Anness 2). Dan għandu jsir f'qasir żmien (l-Ewwel Stadju), fuq il-bażi ta' passi prattiċi u l-metodu Komunitarju. Fit-terminu medju (it-Tieni Stadju), il-proċess ta' konverġenza għandu jsir iktar vinkolanti permezz ta' sett ta' standards komuni ta' livell għoli li jiġu ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Awtoritajiet tal-Kompetittività

Il-mira tal-Awtoritajiet tal-Kompetittività ma għandhiex tkun l-armonizzazzjoni tal-prattiċi u l-istitituzzjonijiet inkarigati mill-formazzjoni tal-pagi madwar il-fruntieri. Dawk il-proċessi jvarjaw b'mod wiesa' madwar l-UE u jirriflettu ġustament il-preferenzi nazzjonali u t-tradizzjonijiet legali.

Fuq il-bażi ta' mudell komuni, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-formazzjoni eżatta tal-Awtorità tal-Kompetittività nazzjonali tiegħu, imma jridu jkunu responsabbli demokratikament u jiffunzjonaw b'mod indipendenti. L-atturi nazzjonali, bħas-sħab soċjali, għandu jibqa' jkollhom ir-rwol tagħhom skont il-prattiċi stabbiliti f'kull Stat Membru, imma għandhom jużaw l-opinjonijiet tal-Awtoritajiet bħala gwida matul in-negozjati tal-iffissar tal-pagi. Xi Stati Membri, bħan-Netherlands u l-Belġju, diġà għandhom awtoritajiet bħal dawn.

2. Lejn Unjoni Finanzjarja

Unjoni Ekonomika u Finanzjarja huma kumplimentari u jsaħħu lil xulxin. Fl-Ewwel Stadju l-progress f'dawn iż-żewġ fronti għandu jkun prijorità ewlenija. Peress li l-maġġoranza vasta tal-flus huma depożiti bankarji, il-flus jistgħu jkunu uniċi biss, jekk il-fiduċja fis-sigurtà tad-depożiti bankarji tkun l-istess irrispettivament mill-Istat Membru minn fejn ikun qed jopera l-bank. Dan jirrikejdi superviżjoni unika tal-bank, riżoluzzjoni bankarja unika u assikurazzjoni unika tad-depożiti. Diġà lħaqna l-mira ta' superviżjoni unika bankarja. Ġie miftiehem Mekkaniżmu ta' Riżoluzzjoni Unika mal-Fond ta' Riżoluzzjoni Unika (li se jsir operattiv mill-1 ta' Jannar 2016). Bħala l-pass li jmiss, il-ħames Presidenti jipproponu t-tnedija ta' Skema Ewropea ta' Garanzija tad-Depożiti (EDIS) taħt l-Ewwel Stadju li tista' titwaqqaf bħala sistema ta' riassuikurazzjoni fil-livell Ewropew għall-iskemi nazzjonali ta' garanzija tad-depożiti.

3. Lejn Unjoni Fiskali

Politiki fiskali insostenibbli mhux biss ipoġġu fil-periklu l-istabbiltà tal-prezzijiet fl-Unjoni, imma jagħmlu ħsara wkoll lill-istabbiltà finanzjarja. F'qasir żmien (l-Ewwel Stadju), il-ħames Presidenti jipproponu l-ħolqien ta' Bord Fiskali Ewropew konsultattiv li jikkoordina u jikkumplimenta l-kunsilli fiskali eżistenti nazzjonali (ara l-Anness 3). Dan jipprovdi analiżi indipendenti, fil-livell Ewropew, dwar il-prestazzjoni tal-baġits fil-konfront tal-objettivi ekonomiċi stabbiliti fil-qafas ta' governanza fiskali tal-UE. Fit-terminu aktar fit-tul (it-Tieni Stadju), għandha titwaqqaf funzjoni komuni ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika biex tittratta aħjar ix-xokkijet li ma jistgħux jiġu mmaniġġati fil-livell nazzjonali biss. Ittejjeb l-ilqugħ tax-xokkijiet makroekonomiċi kbar u tagħmel lill-UEM aktar reżiljenti. Funzjoni ta' stabbilizzazzjoni bħal din tista' tibni fuq il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi bħala l-ewwel pass, billi tidentifika opportunità ta' sorsi ta' finanzjament u proġetti ta' investiment speċifi għaż-Żona tal-Euro, li wieħed jista' jużahom.

4. It-tisħiħ tar-Responsabbiltà Demokratika, il-Leġittimità u l-Istituzzjonijiet: Mir-Regoli għall-Istituzzjonijiet

Responsabbiltà u integrazzjoni akbar fil-livell tal-UE u taż-Żona tal-Euro tfisser aktar interdipendenza. Tfisser ukoll kondiviżjoni aħjar ta' poteri ġodda u trasparenza akbar dwar min jiddeċidi xiex u meta. Wasal iż-żmien li nirrieżaminaw u nikkonsolidaw il-kostruzzjoni politika tagħna: ir-Rapport jipproponi involviment u kontroll parlamentari akbar - fil-livell nazzjonali u dak Ewropew speċjalment fejn jidħlu r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. F'qasir żmien (l-Ewwel Stadju), l-UEM għandha bżonn rappreżentanza esterna magħquda – kif imfassal fil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker. Illum, l-UE u ż-Żona tal-Euro, għadhom mhumiex rappreżentati bħala entità waħda fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, partikolarment fil-FMI. Vuċi frammentata tfisser li l-prestazzjoni ekonomika u politika tal-UE tkun ta' livell anqas minn dak mistenni minnha. Il-Ħames Presidenti jipproponu wkoll it-tisħiħ tal-Eurogroup. F'qasir żmien, dan jista' jirrikjedi tisħiħ tal-presidenza tagħha u l-mezzi li għandha. Fit-tul (it-Tieni Stadju), wieħed jista' jikkunsidra presidenza full-time tal-Eurogroup.

Fl-aħħar, filwaqt li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro se jkomplu jiddeċidu dwar it-tassazzjoni u l-allokazzjoni tan-nefqiet baġitarji skont l-għażliet politiċi nazzjonali, xi deċiżjojnijiet se jkun hemm iktar bżonn li jittieħdu b'mod kollettiv filwaqt li tiġi żgurata r-responsabbiltà u l-leġittimità demokratika. Dan it-teħid ta' deċiżjonijiet kollettiv jista' jsir f'teżorerija futura taż-Żona tal-Euro.

5. Id-dimensjoni Soċjali tal-UEM

Waħda mil-lezzjonijiet ewlenin li wieħed jieħu mill-kriżi hi li "UEM b'A trippla" għandha tikkombina ekonomiji kompetittivi li jkunu kapaċi li jġeddu u jirnexxu f'dinja li kulma jmur qed issir iktar globalizzata, b'livell għoli ta' koeżjoni soċjali. Kif qal il-President Juncker fil-Parlament Ewropew meta ġie elett bħala President tal-Kummissjoni: "Irrid Ewropa li tkun iddedikata biex tkun b'A trippla fi kwistjonijiet soċjali, daqskemm tkun b'A trippla fis-sens finanzjarju u ekonomiku." B'mod partikolari dan ifisser li s-swieq tax-xogħol u s-sistemi tal-welfare hemm bżonn li jiffunzjonaw tajjeb u jkunu sostenibbli fl-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro. Fil-qalba tal-proċess il-ġdid ta' "konverġenza 'il fuq" ippreżentat f'dan ir-rapport, għandu jkun hemm suq tax-xogħol u prestazzjoni soċjali aħjar, kif ukoll koeżjoni soċjali.

Il-Passi li Jmiss: Dan ir-rapport ippreżenta l-passi prinċipali meħtieġa biex tiġi kkompletata l-UEM mhux aktar tard mill-2025. L-ewwel inizjattivi għandhom jitnedew mill-istituzzjonijiet tal-UE mill-1 ta' Lulju 2015. Biex tħejji t-transizzjoni bejn l-Ewwel Stadju u t-Tieni Stadju, il-Kummissjoni — f’konsultazzjoni mal-Presidenti tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE — se tippreżenta White Paper fir-Rebbiegħa tal-2017, li tevalwa l-progress li jkun sar fl-Ewwel Stadju u tiddeskrivi l-passi meħtieġa li jmiss. Se tiddiskuti l-prekundizzjonijiet legali, ekonomiċi u politiċi tal-miżuri iktar wiesgħa li hemm bżonn biex l-UEM tiġi kkompletata fit-Tieni -Stadju, u se tibni fuq input analitiku minn grupp espert ta' konsultazzjoni. It-trasformazzjoni tar-rapport tal-Ħames Presidenti f’liġijiet u istituzzjonijiet għandha tibda minnufih.

Sfond

Is-Summit tal-Euro ta' Ottubru 2014 saħaq fuq il-fatt li "l-koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi hija essenzjali sabiex jiġi żgurat it-tħaddim bla tfixkil tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja". Sejjaħ għall-kontinwazzjoni tal-“iżvilupp ta' mekkaniżmi konkreti għal koordinazzjoni konverġenza u solidarjetà aktar b’saħħitha tal-politika ekonomika” u “għat-tħejjija tal-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-Żona tal-Euro”.

Dan ir-rapport ibbenefika minn diskussjoni intensiva mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili. Jibni fuq ir-rapport "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina" (l-hekk imsejjaħ "Rapport tal-Erba' Presidenti") u fuq il-"Pjanta għal-UEM Profonda u Ġenwina" tal-2012 tal-Kummissjoni, li għadhom referenzi essenzjali għall-ikkompletar tal-UEM.

Jirrifletti d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet personali tal-ħames Presidenti. Jiffoka fuq iż-Żona tal-Euro, bħala pajjiżi li jikkondividu l-istess munita, qed jiffaċċaw sfidi, interessi u responsabbiltajiet komuni. Il-proċess lejn UEM aktar profonda huwa madankollu miftuħ għall-Istati Membri kollha tal-UE.

Għal iktar informazzjoni:

Ir-Rapport tal-Ħames President fil-lingwi kollha

Nota analitika minn Jean-Claude Juncker f'kooperazzjoni mill-qrib ma' Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem u Mario Draghi "Inħejju għall-Passi li Jmiss dwar Governanza Ekonomika Aħjar fiż-Żona tal-Euro": http://ec.europa.eu/priorities/docs/analytical_note_en.pdf

Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss

Nota Strateġika taċ-Ċentru Ewropew għall-Istrateġija Politika (EPSC) "Id-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja"

Nota Strateġika tal-EPSC "Il-Patt tal-Euro Plus - Kif l-Integrazzjoni fil-Qafas tal-UE tista' Tagħti Momentum Ġdid għar-Riformi Strutturali fiż-Żona tal-Euro"

IP/15/5240

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar