Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES EL PL

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta’ ksur kontra sitt Stati Membri minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-qasam tal-professjonijiet regolati

Brussell, 18 Ġunju 2015

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi proċeduri ta’ ksur kontra l-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja, Malta, il-Polonja u Spanja abbażi tal-fatt li r-regoli nazzjonali tagħhom jinkludu ostakli eċċessivi u mhux ġustifikati fil-qasam tas-servizzi professjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti imposti fuq ċerti fornituri tas-servizzi f’dawn l-Istati Membri jmorru kontrad-Direttiva dwar is-Servizzi.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs qalet: "Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi hija waħda mis-sisien tas-suq uniku. Għad hemm ostakoli f’numru ta’ Stati Membri li ma jħallux kumpaniji u individwi jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod liberu fl-UE kollha — kemm permezz ta' restrizzjonijiet fuq il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja, kif ukoll permezz ta' rekwiżiti ta' kwalifiki professjonali, jew tariffi fissi. Illum, jien mhux biss qed nuri karta safra. Qed nibgħat messaġġ ta’ opportunità: suq uniku dinamiku għas-servizzi professjonali jwassal għal ekonomija Ewropea aktar kompetittiva għall-benefiċċju tagħna lkoll.”

Rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja eċċessivi — bħalma huwa r-rekwiżit li l-professjonisti għandhom ikollhom 100% tad-drittijiet tal-vot u tal-kapital f'kumpanija, jew għandhom jkollhom s-sede korporattiva tagħhom f’ġuriżdizzjoni partikolari — jistgħu jagħmlu t-tieni twaqqif jew il-forniment transfruntier tas-servizzi f’dawn l-Istati Membri diffiċli. It-tariffi minimi obbligatorji mhumiex neċessarji sabiex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja ta' fornituri ta’ servizzi domestiċi jew barranin, filwaqt li jċaħħdu lill-konsumaturi minn aktar servizzi bi prezz aktar kompetittiv.

Għalhekk, il-Kummissjoni titlob lil dawn l-Istati Membri biex jadattaw ir-regoli tagħhom dwar tali rekwiżiti dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja u l-projbizzjonijiet ta' prattiki multidixxiplinari (għall-periti u l-inġiniera fl-Awstrija, Ċipru u Malta u għall-aġenti tal-brevetti fl-Awstrija) kif ukoll biex iħassru t-tariffi minimi obbligatorji (għall-procuradores fi Spanja, il-periti, l-inġiniera u l-konsulenti tat-taxxa fil-Ġermanja, l-aġenti tal-brevetti fil-Polonja u l-veterinarji fl-Awstrija). Fi Spanja, il-Kummissjoni hija wkoll imħassba dwar ir-regoli eżistenti li jiddikjaraw li ċerti attivitajiet tal-procuradores huma inkompatibbli ma’ dawk tal-avukati.

Ittra ta’ Avviż Formali hija l-ewwel pass fil-proċedura tal-ksur u tikkostitwixxi talba uffiċjali għall-informazzjoni. L-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

Sfond

Fl-Artikolu 15 tagħha, id-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern (“Id-Direttiva dwar is-Servizzi”) telenka serje ta’ rekwiżiti imposti fuq il-fornituri tas-servizzi, fosthom il-forma ġuridika, il-parteċipazzjoni azzjonarja u t-tariffi. Dawn mhumiex strettament projbiti iżda ġew identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE bħala rekwiżiti li joħolqu ostakoli għas-suq uniku fis-servizzi. Jistgħu jinżammu biss sakemm ikunu nondiskriminatorji, ikunu ġustifikati minn raġuni importanti marbuta mal-interess pubbliku u jkunu proporzjonati, jiġifieri ma setgħet tintuża l-ebda miżura anqas restrittiva. Bħala parti mit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri kellhom jeżaminaw ir-rekwiżiti tagħhom u jivvalutaw jekk jissodisfawx dan it-test ta' tliet stadji.

Fl-2013, evalwazzjoni bejn il-pari tal-Kummissjoni tar-rekwiżiti dwar il-forma ġuridika, il-parteċipazzjoni azzjonarja u t-tariffi skont id-Direttiva dwar is-Servizzi kkonkludiet li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinżammu biss jekk ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati, u li s-sitt Stati Membri konċernati imponew ostakli mhux ġustifikati fuq prattikanti ġodda fis-suq tas-servizzi professjonali.

L-evalwazzjoni bejn il-pari akkumpanjat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' regolamenti nazzjonali dwar l-aċċess għall-professjonijiet.

Ir-restrizzjonijiet eċċessivi fuq is-servizzi professjonali fl-Awstrija, il-Ġermanja u Spanja ġew innutati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal kull Pajjiż lill-Istati Membri dwar is-servizzi professjonali tal-2014.

Dwar il-pakkett ta' deċiżjonijiet dwar il-ksur li ttieħdu f'Ġunju, ara MEMO/15/5162.

Dwar il-proċedura ġenerali ta’ ksur, ara MEMO/12/12

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur, ara: http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm

 

IP/15/5199

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar